- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Rapporti finanzjarji tal-BĊE għall-2025
26 ta’ Frar 2026
- Il-BĊE jirrapporta telf ta’ €1.3 biljun (2024: telf ta’ €7.9 biljun)
- It-telf se jiġi paċut kontra profitti futuri.
Ir-rapporti finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2025 juru telf ta’ €1,254 miljun, li huwa ħafna inqas mit-telf ta’ €7,944 miljun irrapportat fl-2024, prinċipalment minħabba tnaqqis sinifikanti fl-ispiża netta tal-imgħax. It-telf tal-2025, bħat-telf mis-snin preċedenti, se jibqa’ fuq il-karta tal-bilanċ tal-BĊE biex jiġi paċut kontra profitti futuri. Bħala riżultat tat-telf, mhu se jkun hemm l-ebda distribuzzjoni tal-profitti lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għall-2025.
It-telf sa mill-2022 ġie wara ħafna snin ta’ profitti sostanzjali u huwa r-riżultat ta’ azzjonijiet ta’ politika meħuda mill-Eurosistema li kienu neċessarji biex twettaq il-mandat ewlieni tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dawn il-politiki kienu jeħtieġu li l-BĊE jespandi l-karta tal-bilanċ tiegħu bili jixtri assi finanzjarji, l-aktar b’rati tal-imgħax fissi u maturitajiet fit-tul. Dan irriżulta f’żieda korrispondenti fl-obbligazzjonijiet li fuqhom il-BĊE jħallas l-imgħax b’rati varjabbli. B’hekk, iż-żidiet fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE fl-2022 u l-2023, li kienu mmirati biex jiġġieldu l-inflazzjoni għolja fiż-żona tal-euro, irriżultaw f’żidiet immedjati fl-ispejjeż tal-imgħax fuq l-obbligazzjonijiet, filwaqt li l-introjtu mill-imgħax fuq l-assi tal-BĊE, b’mod partikolari fuq titoli mixtrija taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP, Asset Purchase Programme) u l-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza f’Każ ta’ Pandemija (PEPP, Pandemic Emergency Purchase Programme), ma żdiedx sa l-istess grad. It-tnaqqis sussegwenti fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE mill-2024 u t-tnaqqis kontinwu fl-obbligazzjonijiet tal-BĊE, wara l-maturazzjoni tat-titoli taħt l-APP u l-PEPP, qed inaqqsu b’mod sostanzjali l-effetti ta’ din id-diskrepanza fl-imgħax. Għalhekk, l-ispiża netta tal-imgħax fl-2025 kienet aktar baxxa b’mod sinifikanti milli fis-snin preċedenti.
Il-BĊE huwa mistenni li jirritorna għall-profitt fl-2026 jew fis-sena ta’ wara, għalkemm dan se jiddependi fuq livelli futuri tar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE u r-rati tal-kambju, kif ukoll fuq id-daqs u l-kompożizzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jista’ jopera b’mod effettiv u jissodisfa l-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet irrispettivament minn kwalunkwe telf. Is-saħħa finanzjarja tiegħu hija enfasizzata aktar mill-kapital tiegħu u mill-kontijiet sostanzjali ta’ rivalutazzjoni tiegħu, li flimkien ammontaw għal EUR 71 biljun fi tmiem l-2025, EUR 12-il biljun ogħla milli fi tmiem l-2024.
L-introjtu mill-imgħax u l-ispejjeż tal-BĊE fl-2025 kienu kif ġej:
€ miljuni
2025 | 2024 | Bidla | |
|---|---|---|---|
Riżervi barranin | 2,089 | 2,537 | (449) |
Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja | 3,814 | 3,850 | (36) |
Pretensjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema | 2,900 | 5,232 | (2,332) |
Pretensjonijiet tal-BĊNi fir-rigward tar-riżervi barranin ittrasferiti | (790) | (1,448) | 659 |
Bilanċi ta’ TARGET dovuti mill-/lill-BĊNi | (7,706) | (15,674) | 7,968 |
Oħrajn | (485) | (1,479) | 994 |
Introjtu/(spiża) nett/a mill-imgħax | (178) | (6,983) | 6,805 |
L-ispejjeż tal-imgħax fl-2025 kienu ferm aktar baxxi milli fl-2024. It-tnaqqis kien xprunat prinċipalment minn tnaqqis sinifikanti fl-ispiża tal-imgħax fuq l-obbligazzjoni netta tat-TARGET tal-BĊE, primarjament minħabba rata medja ta’ remunerazzjoni aktar baxxa (2025: 2.3%, 2024: 4.1%), wara tnaqqis fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE u, sa ċertu punt, l-applikazzjoni tar-rata tal-faċilità ta' depożitu bħala l-bażi għar-remunerazzjoni minflok ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament. Barra minn hekk, il-bilanċi aktar baxxi tat-TARGET, attribwibbli għall-maturazzjoni tat-titoli tal-politika monetarja, ikkontribwew ukoll għal dan it-tnaqqis. Ir-rata aktar baxxa tar-remunerazzjoni medja wasslet ukoll għal tnaqqis fl-introjtu mill-imgħax fuq pretensjonijet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni u l-imgħax dovut lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) bħala remunerazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ riżervi barranin ittrasferiti lill-BĊE. Filwaqt li l-introjtu mill-imgħax fuq ir-riżervi barranin naqas, prinċipalment minħabba introjtu aktar baxx mill-imgħax minn titoli denominati f’dollari Amerikani, l-introjtu mill-imgħax fuq titoli miżmuma għal skopijiet tal-politika monetarja baqa’ prattikament l-istess meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
It-tniżżil fil-valur tar-rata tal-kambju ammonta għal EUR 1,316-il miljun (2024: EUR 81 miljun), li rriżulta prinċipalment mid-deprezzament tal-yen Ġappuniż li wassal għal tnaqqis fil-valur tal-investimenti fil-muniti relatati. Dan it-tnaqqis fil-valur kien paċut parzjalment minn gwadanni realizzati mir-rata tal-kambju li rriżultaw l-aktar minn riekwilibriju standard tal-kompożizzjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.
L-ispejjeż totali tal-persunal naqsu għal €809 miljun (2024: EUR 844 miljun), prinċipalment minħabba l-ispiża aktar baxxa fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul. L-ispejjeż operatorji oħra naqsu bi ftit għal EUR 619-il miljun (2024: EUR 626 miljun), primarjament minħabba spejjeż ta’ deprezzament aktar baxxi.
L-introjtu mit-tariffi superviżorji (it-tariffi li jridu jħallsu l-banek taħt superviżjoni biex jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu) ammontaw għal €690 miljun (2024: €681 miljun).
Id-daqs totali tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE naqas bi €37 biljun għal €603 biljun (2024: €641 biljun), li jirrifletti l-aktar it-tnaqqis gradwali fl-investimenti fl-APP u l-PEPP minħabba tifdijiet.
Karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema
Fl-aħħar tal-2025 id-daqs tal-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-Eurosistema, li tinkludi assi u obbligazzjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro u tal-BĊE fil-konfront ta’ terzi, kien ta’ €6,293 biljun (2024: €6,421 biljun). It-tnaqqis meta mqabbel mal-2024 kien dovut għal tnaqqis fit-titoli miżmuma għall-finijiet tal-politika monetarja għal €3,745 biljun (2024: EUR 4,283 biljun), prinċipalment minħabba t-tifdijiet. L-investimenti tal-APP naqsu b’€351 biljun għal €2,322 biljun, filwaqt li l-investimenti fil-PEPP naqsu b’€186 biljun għal €1,423 biljun. Dan it-tnaqqis kien paċut parzjalment b’żieda fil-valur ekwivalenti għall-euro tal-investimenti tal-Eurosistema f’deheb għal €1,274 biljun (2024: €872 biljun) li rriżultat minn żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +49 69 1344 7316.
Noti
- Iċ-ċifri jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib sal-eqreb euro.
- Aktar informazzjoni dwar is-Servizzi ta’ TARGET jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-BĊE.
- Għal aktar informazzjoni dwar is-sorsi tal-profitti u t-telf tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, ara l-ispjegazzjoni relatata.
- Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar sett ta’ prinċipji li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika monetarja fil-futur u li, fost parametri ewlenin oħra, se jkompli jmexxi l-pożizzjoni tal-politika monetarja permezz tar-rata tal-faċilità ta’ depożitu. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li, mill-1 ta’ Jannar 2025, ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu ssir il-bażi għar-remunerazzjoni ta’(i) il-bilanċi tat-TARGET dovuti minn/lil BĊNi taż-żona tal-euro, (ii) il-pretensjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema, u (iii) l-obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin.
- Aktar dettalji dwar il-kontabilità finanzjarja u l-politika tar-rappurtar tal-BĊE u l-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jinsabu fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2938 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/32) (ĠU L, 2024/2938, 11.12.2024) u fil-Linja Gwida (UE) 2016/2941 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2016/31) (ĠU L 347, 2024.2016, p. 2024) u fis-sit web tal-BĊE.
- Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bażata fuq data provviżorja. Il-karta tal-bilanċ konsolidata annwali finali tal-Eurosistema se tiġi ppubblikata f’Ġunju.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja