26 ta' Lulju 2022
- Il-BĊE jiffirma karta għas-sistema kollha li ssostni l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni
- Sa issa 27 firmatarju
Illum il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nediet uffiċjalment il-karta dwar l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni tas-SEBĊ u l-MSU, flimkien mal-kapijiet ta' 26 bank ċentrali nazzjonali Ewropew u awtoritajiet kompetenti nazzjonali.[1] Il-firmatarji jimpenjaw lill-istituzzjonijiet tagħhom biex jaċċelleraw l-isforzi biex jippromwovu ambjenti tax-xogħol ibbażati fuq ir-rispett u d-dinjità. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll li jiżguraw li l-postijiet tax-xogħol tagħhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ diskriminazzjoni.
“Istituzzjonijiet aktar diversi u inklużivi jagħtu riżultati aħjar. Billi ngħaqqdu l-isforzi individwali tagħna, qegħdin pass eqreb biex nirriflettu aħjar id-diversità taċ-ċittadini li naqdu,” qalet il-President Lagarde.
Meta jiffirmaw il-karta, l-istituzzjonijiet parteċipanti kollha jikkonfermaw il-fehim komuni tagħhom li postijiet tax-xogħol diversi u inklużivi jtejbu l-prestazzjoni u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tagħhom. Il-karta tistabbilixxi prinċipji kondiviżi, għanijiet komuni u impenji konkreti biex tittejjeb il-kultura tax-xogħol fuq livell tas-sistema kollha. Isostni l-prinċipji li n-nies kollha huma ugwali fid-drittijiet u fid-dinjità u li timijiet diversi jġibu soluzzjonijiet aktar innovattivi.
Għal aktar informazzjoni dwar l-isforzi tal-BĊE biex irawwem l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni, ara s-sit web tal-BĊE.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Verena Reith, tel.: +49 69 1344 5737.
Il-karta hija impenn pubbliku u volontarju, miftuħ għall-iffirmar mill-banek ċentrali nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u s-superviżjoni bankarja Ewropea, magħrufa wkoll bħala l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja