Denominazzjonijiet

It-tieni sensiela ta' karti tal-flus tal-euro tissejjaħ "Europa" minħabba li l-karti fihom ritratt ta' Europa, figura mill-mitoloġija Griega. Iżżid laqta umana lill-karti tal-flus u, naturalment, hija l-oriġini tal-isem tal-kontinent tagħna.
It-tema "żminijiet u stili" tal-ewwel sensiela tkompliet fis-sensiela Europa iżda ngħatat ħarsa ġdida u kuluri aktar qawwija minn disinjatur indipendenti tal-karti tal-flus ibbażat f'Berlin, Reinhold Gerstetter. B'dan il-karti tal-flus jintgħarfu faċilment dawk tal-ewwel sensiela. Huwa ħoloq elementi viżivi li huma aktar arrotondati u pontijiet li huma aktar tridimensjonali Il-karti jinkludu karatteristiċi ta' sigurtà li huma saħansitra aktar diffiċli għall-iffalsifikar minn dawk tal-ewwel sensiela.
Daqs | 147 x 77 mm |
Kulur | Aħdar |
Data tal-ħruġ | 28 ta' Mejju 2019 |
Elementi tad-disinn
Inizjali
F'din is-sensiela ta' karti tal-flus l-inizjali tal-Bank Ċentrali Ewropew jidhru f'għaxar varjanti lingwistiċi minflok ħamsa, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-2004, 2007 u 2013 - BCE ECB ЕЦБ EZB EKP EKT ESB EKB BĊE EBC.



"Euro" f'alfabetti differenti
L-isem tal-munita nkiteb fl-alfabet Ċirilliku (EBPO) peress li l-Bulgarija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2007, flimkien mal-Latin (EURO) u alfabeti Griegi (EYPΩ)



Mappa tal-Ewropa
Innotajt il-mappa tal-Ewropa fuq wara tal-karti tal-flus tas-sensiela Europa? Issa jinkludu l-gżejjer ta' Malta u Ċipru – żewġ pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wara l-introduzzjoni tal-ewwel sensiela.



Stil Arkitettoniku
Il-karti tal-flus ta' €100 juru arkitettura ta' stil barokka u rokoko mill-1600 sal-1750.



Firem
Il-karti tal-flus mis-sensiela Europa għandhom il-firma jew tal-eks President Mario Draghi jew tal-President attwali Christine Lagarde. Karti tal-flus bi kwalunkwe firma huma validi bl-istess mod.



Għaliex hemm bżonn ta' sensiela ġdida ta' karti tal- flus? Għaliex il-karti tal-flus għandhom jibqgħu siguri il-ħin kollu. It-teknoloġija tal-istampar tal-karti tal-flus tevolvi b'mod kostanti u l-falsifikaturi jadottawha malajr. Is-sensiela Europa għalhekk fiha karatteristiċi tas-sigurtà saħansitra aktar sofistikati mill-ewwel sensiela. Ħadu snin ta' riċerka u żvilupp biex wasalna għal eżitu pożittiv.
Uħud mill-karatteristiċi l-iktar faċli għall-identifikazzjoni jidhru fuq din il-paġna. Għall-iktar informazzjoni mur fil-paġna dwar il-karatteristika ta' sigurtà u tgħallem kif tivverifikahom kollha billi tuża l-metodu ĦOSS, ĦARES u MEJJEL.
Karatteristiċi tas-sigurtà
Stampar imqabbeż
Ħoss il-karta tal-flus. Fuq in-naħa ta’ quddiem hemm sensiela ta’ linji qosra mqabbżin mat-truf tax-xellug u tal-lemin. Dawn il-linji, kif ukoll ix-xbieha ewlenija, l-ittri u l-valur numeriku l-kbir jinħassu eħxen.



Watermark bil-wiċċ
Zomm il-karta tal-flus kontra d-dawl. Ix-xbieha ta' Europa, kopja tax-xbieha prinċipali u l-valur tal-karta tal-flus tidher fuq ix-xellug.



Tieqa bil-wiċċ
Ħares lejn il-karta tal-flus kontra d-dawl. It-tieqa fl-ologramma fuq il-lemin ssir trasparenti u turi xbieha ta’ wiċċ Europa fuq iż-żewġ naħat tal-karta.



Numru aħdar żmerald
Mejjel il-karta tal-flus. In-numru jleqq fir-rokna tax-xellug ta' isfel jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal ikħal skur u juri effett tad-dawl li jiċċaqlaq 'il fuq u 'l isfel. Il-karti tal-flus il-ġodda ta' €100 u €200 fihom ukoll simboli ċkejknin € ġewwa n-numru.



Ologramma bil-wiċċ
Mejjel il-karta tal-flus. L-ologramma – l-istrixxa lewn il-fidda fuq in-naħa tal-lemin – turi xbieha ta' wiċċ Europa. Fl-istrixxa jidhru wkoll kopja tax-xbieha ewlenija u l-valur tal-karta tal-flus.



Ologramma satellitari
L-ologramma satellitari – karatteristika unika għall-karti tal-flus ta' €100 u €200 – hija fin-naħa ta' fuq tal-istrixxi fiddiena Meta tmejjel il-karta tal- flus, turi simboli € ċkejknin li jiċċaqilqu man-numru. Dawk is-simboli jiċċaraw taħt dawl dirett.



