Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

14 ta' Diċembru 2023

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Filwaqt li l-inflazzjoni naqset f'dawn l-aħħar xhur, aktarx li terġa’ titla’ temporanjament fi żmien qrib. Skont l-aħħar projezzjonijiet tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro, l-inflazzjoni hija mistennija li tonqos gradwalment matul is-sena d-dieħla, qabel ma’ tavviċina l-mira ta’ 2% fl-2025. B’mod ġenerali, il-persunal jistennew li l-inflazzjoni globali tilħaq medja ta’ 5.4% fl-2023, 2.7% fl-2024, 2.1% fl-2025 u 1.9% fl-2026. Meta mqabbla mal-projezzjonijiet tal-persunal ta’ Settembru, dan jammonta għal reviżjoni ’l isfel għall-2023 u speċjalment għall-2024.

L-inflazzjoni sottostanti kompliet tillaxka aktar. Iżda l-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi jibqgħu għoljin, prinċipalment minħabba żieda qawwija fil-kostijiet tal-unità ta' xogħol. Il-persunal tal-Eurosistema jistennew li l-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel se tilħaq medja ta’ 5.0% fl-2023, 2.7% fl-2024, 2.3% fl-2025 u 2.1% fl-2026.

Iż-żidiet tal-passat fir-rata tal-imgħax ikomplu jiġu trażmessi bil-qawwa fl-ekonomija. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti qegħdin inaqqsu d-domanda, u dan qiegħed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Il-persunal tal-Eurosistema jistennew li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ mrażżan fil-futur qrib. Lil hinn minn hemm, l-ekonomija hija mistennija li tirkupra minħabba d-dħul reali li qiegħed jogħla – hekk kif in-nies jibbenefikaw minn tnaqqis fl-inflazzjoni u żieda fil-pagi – u titjib fid-domanda barranija. Il-persunal tal-Eurosistema b’hekk jaraw it-tkabbir jiżdied minn medja ta’ 0.6% għall-2023 sa 0.8% għall-2024, u sa 1.5% kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026.

Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tmur lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq terminu medju b’mod tempestiv. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinsabu f’livelli li, jekk jinżammu għal tul ta’ żmien suffiċjenti, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn din il-mira. Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-politika tiegħu jkunu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien meħtieġ.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul taż-żmien tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma l-għodda primarja sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll illum li javvanza n-normalizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema. Biħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital mit-titoli li jimmaturaw li nxtraw taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija (PEPP) matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, biħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess, jiġifieri 4.50%, 4.75% u 4.00% rispettivament.

Programm ta' xiri ta' assi (APP) u Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ta’ kapital mit-titoli li jimmaturaw.

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, biħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jsiru dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet immirati ta’ tislif u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qegħdin jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tirritorna għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju u biex jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli għall-ġlieda kontra dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li jippreżentaw theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja bejn il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, sabiex il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta fuq il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda llum fit-14:45 CET.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja