Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 12 ta’ Settembru 2019

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-lum.

Fuq il-bażi tal-analiżijiet ekonomiċi u monetarji regolari tagħna, għamilna valutazzjoni bir-reqqa tal-prospettivi ekonomiċi u tal-inflazzjoni, u qisna wkoll l-aħħar tbassir makroekonomiku tal-persunal għaż-żona tal-euro. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin biex jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

L-ewwel nett, fir-rigward tar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, iddeċidejna li nnaqsu r-rata tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ depożitu b’10 punti bażi għal -0.50%. Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rata fuq il-faċilità ta’ self marġinali jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 0.00% u 0.25% rispettivament. Aħna issa nistennew li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew jitbaxxew sakemm naraw l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod b’saħħtu għal livell biżżejjed qrib, imma taħt, it-2% fl-orizzont ta’ tbassir tagħna, u konverġenza bħal din ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika ta’ inflazzjoni sottostanti.

It-tieni nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa’ jibda x-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tiegħu (APP) b’pass ta’ kull xahar ta’ € 20 biljun mill-1 ta’ Novembru. Aħna nistennew li jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex insaħħu l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u jispiċċa ftit qabel nibdew ngħollu r-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE.

It-tielet nett, fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Ir-raba’ nett, iddeċidejna li nibdlu l-modalitajiet tas-sensiela l-ġdida ta’ operazzjonijiet immirati trimestrali ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) biex nippreservaw kundizzjonijiet favorevoli ta’ self mill-banek, niżguraw it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja u nappoġġaw aktar il-pożizzjoni ta’ akkomodament tal-politika monetarja. Ir-rata tal-imgħax f’kull operazzjoni issa se tiġi stabbilita fil-livell tar-rata medja applikata fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema matul il-ħajja tat-TLTRO rispettiva. Għal banek li s-self nett eliġibbli tagħhom jaqbeż il-punt ta’ referenza, ir-rata applikata fl-operazzjonijiet TLTRO III se tkun aktar baxxa, u tista’ tkun baxxa daqs ir-rata tal-imgħax medja fuq il-faċilità ta’ depożitu eżistenti matul il-ħajja tal-operazzjoni. Il-maturità tal-operazzjonijiet se tiġi estiża minn sentejn għal tliet snin.

Il-ħames nett, sabiex jappoġġja t-trażmissjoni tal-politika monetarja bbażata fuq il-bank, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jintroduċi sistema b’żewġ livelli għar-remunerazzjoni ta’ riżerva li fiha parti mill-investimenti bankarji ta’ likwidità fl-eċċess ser tiġi eżentata mir-rata negattiva tal-faċilità ta’ depożitu.

Stqarrijiet għall-istampa separati b’aktar dettalji tal-miżuri meħuda mill-Kunsill Governattiv se jiġu ppubblikati llum waranofsinhar fis-15:30 CET.

Il-Kunsill Governattiv tenna l-ħtieġa għal pożizzjoni ta’ akkomodament għoli tal-politika monetarja għal perijodu ta’ żmien twil u jibqa’ lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tagħha b’mod sostnut, konformi mal-impenn tiegħu għas-simetrija.

Id-deċiżjonijiet tal-lum ittieħdu b’risposta għan-nuqqas kontinwu fl-inflazzjoni fir-rigward tal-għan tagħna. Fil-fatt, informazzjoni li dieħla mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Governattiv tindika dgħufija aktar fit-tul tal-ekonomija taż-żona tal-euro, il-persistenza ta’ riskji negattivi prominenti u pressjonijiet inflazzjonarji ta’ profil baxx. Dan huwa rifless fit-tbassir ġdid tal-persunal, li juru tnaqqis ulterjuri tal-prospetti tal-inflazzjoni.

Fl-istess ħin, tkabbir tal-impjiegi b’saħħtu u żieda fil-pagi jkomplu jirfdu r-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro. Bil-pakkett komprensiv tal-lum ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja, aħna qed nipprovdu stimolu monetarju sostanzjali biex niżguraw li l-kundizzjonijiet finanzjarji jibqgħu favorevoli ħafna u nappoġġaw l-espansjoni taż-żona tal-euro, l-akkumulazzjoni kontinwa tal-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi u, b’hekk, il-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni tal-għan tagħna għall-inflazzjoni fuq żmien medju

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Fuq bażi trimestrali, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.2% fit-tieni trimestru tal-2019, wara tkabbir ta’ 0.4% fit-trimestru ta’ qabel. Dejta ekonomika u informazzjoni dwar l-istħarriġ irċevuti jkomplu jindikaw tkabbir kemxejn aktar moderat imma pożittiv fit-tielet trimestru ta’ din is-sena. Dan it-tnaqqis fit-tkabbir jirrifletti l-aktar id-dgħufija kontinwa fil-kummerċ internazzjonali f’ambjent ta’ inċertezzi globali fit-tul, li partikolarment qed jaffettwaw is-settur tal-manifattura taż-żona tal-euro.

Fl-istess ħin, is-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni komplew juru reżiljenza u l-espanzjoni taż-żona tal-euro hija appoġġata wkoll minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, aktar impjiegi u żieda fil-pagi, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kemxejn espansiva u t-tkabbir li kompla – għalkemm xi ftit aktar kajman – fl-attività globali.

Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fit-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-ECB għaż-żona tal-euro ta’ Settembru 2019. Dan it-tbassir jipprevedi żieda annwali tal-PDG reali ta’ 1.1% fl-2019, 1.2% fl-2020 u 1.4% fl-2021. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku tal-persunal ta’ Ġunju 2019, il-prospetti għat-tkabbir tal-PDG reali ġew irriveduti b’tnaqqis żgħir għall-2019 u l-2020.

Ir-riskji madwar il-prospetti ta’ tkabbir fiż-żona tal-euro baqgħu mxaqilbin lejn tnaqqis. Dawn ir-riskji jikkonċernaw prinċipalment il-preżenza fit-tul ta’ inċertezzi, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida dejjem tikber ta’ protezzjoniżmu u vulnerabilitajiet fis-swieq emerġenti.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro mkejla bl-Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (Harmonised Index of Consumer Prices – HICP) kienet 1.0% f’Awwissu 2019, li baqgħet ma nbidlitx minn Lulju. Inflazzjoni baxxa fl-enerġija ġiet ikkumpensata minn inflazzjoni tal-ikel ogħla, filwaqt li r-rata ta’ inflazzjoni HICP esklużi l-ikel u l-enerġija ma nbidlitx. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x’aktarx li tonqos, qabel ma terġa’ togħla lejn l-aħħar tas-sena. Il-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti baqgħu ġeneralment ta’ profil baxx u l-indikaturi tal-aspettattivi tal-inflazzjoni għandhom f’livelli baxxi. Filwaqt li l-pressjonijiet tal-ispiża tax-xogħol issaħħew u twessgħu fost livelli għolja ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u ssikkaw is-swieq tax-xogħol, il-passaġġ tal-pressjonijiet tal-ispejjeż għall-inflazzjoni tagħhom qed jieħu iktar ħin milli kien antiċipat qabel. Fuq perijodu ta’ żmien medju l-inflazzjoni sottostanti hija mistennija li tiżdied, appoġġata mill-miżuri tal-politika monetarja tagħna, l-espansjoni ekonomika li għaddejja u tkabbir robust fil-pagi.

Din il-valutazzjoni hi riflessa wkoll b’mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-ECB ta’ Settembru 2019 għaż-żona tal-euro, li jipprevedi inflazzjoni HICP annwali ta’ 1.2% fl-2019, 1.0% fl-2020 u 1.5% fl-2021. Meta mqabbla mat-tbassir makroekonomiku tal-persunal ta’ Ġunju 2019, il-prospetti għall-inflazzjoni tal-HICP ġew riveduti ‘l isfel fl-orizzont kollu tat-tbassir, li jirrifletti prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi u ambjent ta’ tkabbir aktar dgħajjef.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) żdied għal 5.2% f’Lulju 2019, minn 4.5% f’Ġunju. Rati sostnuti ta’ tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ jirriflettu l-ħolqien kontinwu ta’ kreditu bankarju għas-settur privat u spejjeż baxxi ta’ opportunità biex wieħed iżomm M3. L-aggregat monetarju ristrett M1 jibqa’ l-kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ fuq in-naħa tal-komponenti.

Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji wkoll baqgħet stabbli, 3.9% f’Lulju 2019. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self ġenerali għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji tkompli tkun solida, għalkemm self għal żmien qasir – li huma aktar sensittivi għaċ-ċiklu – juri sinjali ta’ dgħjufija. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi wkoll baqgħet 3.4% f’Lulju, wara li kienet 3.3% f’Ġunju, u kompla t-titjib gradwali tagħha. Inġenerali, it-tkabbir tas-self għadu qed jibbenefika minn rati ta’ self bankarju storikament baxx.

Il-miżuri ta’ politika monetarja li ħadna llum, inklużi t-termini aktar akkomodattivi tas-sensiela l-ġdida ta’ TLTROs, jgħinu biex jissalvagwardjaw kundizzjonijiet favorevoli ta’ self mill-banek u ser ikomplu jappoġġjaw l-aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir fuq żmien twil, tiġi appoġġata d-domanda aggregata kurrenti u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta’ politiki strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro teħtieġ li tirranka iżjed b’mod sostanzjali biex issaħħaħ il-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro, tnaqqas il-qgħad strutturali u żżid ir-reżiljenza. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 għandhom iservu bħala s-sinjal rilevanti.

Rigward il-politiki fiskali, il-pożizzjoni fiskali fiż-żona tal-euro kemxejn espansiva bħalissa qed tipprovdi ftit appoġġ għall-attività ekonomika. Minħabba l-prospetti ekonomiċi li qed jiddgħajfu u l-prominenza kontinwa ta’ riskji negattivi, il-gvernijiet bi spazju fiskali għandhom jaġixxu b’mod effettiv u f’waqtu. F’pajjiżi fejn id-dejn pubbliku huwa għoli, il-gvernijiet għandhom isegwu politiki prudenti li joħolqu l-kundizzjonijiet biex l-istabbilizzaturi awtomatiċi joperaw liberament. Il-pajjiżi kollha għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiksbu kompożizzjoni aktar favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ essenzjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ x-xogħol li għadu għaddej u jħeġġeġ iktar passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja