Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jibda evalwazzjoni komprensiva qabel ir-rwol superviżorju

23 ta' Ottubru 2013

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel id-9 a.m. CET tal-Erbgħa, 23 ta’ Ottubru 2013
  • Banek kbar ser jgħaddu minn evalwazzjoni tar-riskju, valutazzjoni tal-kwalità tal-assi u test tal-istress
  • L-eżerċizzju jibda f’Novembru u ser idum 12-il xahar
  • L-għan li titħeġġeġ it-trasparenza, li tissewwa u titrawwem il-kunfidenza

Illum il-BĊE qed iħabbar dettalji fuq evalwazzjoni komprensiva li ser issir bħala preparazzjoni meta jassumi r-responsabbiltà sħiħa għas-superviżjoni bħala parti mill-mekkaniżmu superviżorju uniku. Il-lista tal-banek li huma suġġetti għall-evalwazzjoni qiegħda tiġi ppubblikata wkoll. L-evalwazzjoni hija pass importanti fil-preparazzjoni tal-mekkaniżmu superviżorju uniku u, b’mod iktar ġenerali, għal trasparenza ikbar fil-karti tal-bilanċ tal-banek u konsistenza ikbar tal-prattiċi superviżorji fl-Ewropa.

L-evalwazzjoni ser tibda f’Novembru 2013 u ser tieħu 12-il xahar biex titlesta. Ser titwettaq f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku, u ser tiġi appoġġata minn terzi persuni indipendenti fil-livelli kollha tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

L-eżerċizzju għandu tliet għanijiet ewlenin: it-trasparenza - li tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fuq il-kundizzjoni tal-banek; it-tiswija - li jiġu identifikati u implimentati l-azzjonijiet korrettivi neċessarji, meta u jekk meħtieġa; u t-trawwim ta’ kunfidenza - li l-parteċipanti kollha jiġu assigurati li l-banek huma fundamentalment sodi u affidabbli.

L-evalwazzjoni ser tikkonsisti fi tliet elementi: i) evalwazzjoni tar-riskju superviżorju għall-valutazzjoni, kwantitattiva u kwalitattiva, tar-riskji ewlenin, inklużi l-likwidità, il-lieva u l-finanzjament; ii) valutazzjoni tal-kwalità tal-assi (AQR) biex tittejjeb it-trasparenza tal-iskoperturi tal-banek billi tiġi vvalutata l-kwalità tal-assi tal-banek, inklużi l-adegwatezza tal-valutazzjoni tal-assi u l-kollateral u dispożizzjonijiet relatati; u iii) test tal-istress biex tiġi eżaminata s-sodizza tal-karta tal-bilanċ tal-banek għal xenarji tal-istress. Dawn it-tliet elementi huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib ħafna. L-evalwazzjoni ser tkun ibbażata fuq punt ta’ referenza kapitali ta’ 8% tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, li tistrieħ fuq id-definizzjoni tad-Direttiva tar-Rekwiżiti tal-Kapital IV/Regolament tar-Rekwiżiti tal-Kapital, inklużi arranġamenti tranżizzjonali, kemm għall-AQR u x-xenarju tat-test tal-istress tal-linja ta’ bażi. Id-dettalji dwar it-test tal-istress ser jitħabbru fi stadju aktar tard, f'koordinazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

L-evalwazzjoni komprensiva ser tikkonkludi bi żvelar aggregat tar-riżultati, fil-livell tal-pajjiżi u tal-bank, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjonijiet għal miżuri superviżorji. Dan ir-riżultat komprensiv ser jiġi ppubblikat qabel ma l-BĊE jieħu r-rwol superviżorju f’Novembru 2014, u ser jinkludi r-riżultati tat-tliet pilastri tal-evalwazzjoni komprensiva.

Il-President tal-BĊE Mario Draghi qal, “Evalwazzjoni komprensiva unika applikata b’mod uniformi għall-banek importanti kollha, li huma madwar 85% tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro, huwa pass importanti ‘l quddiem għall-Ewropa u għall-futur tal-ekonomija taż-żona tal-euro. It-trasparenza se tkun l-għan ewlieni tagħha. Qegħdin nistennew li din l-evalwazzjoni ser isaħħaħ il-fiduċja tas-settur privat fis-solidità tal-banek taż-żona tal-euro u fil-kwalità tal-karti tal-bilanċ tagħhom.”

Iktar dettalji fuq l-eżerċizzju huma pprovduti fil-ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tal-evalwazzjoni komprensiva hawn mehmuża.

Għal aktar tagħrif ir-rappreżentanti tal-midja għandhom jikkuntattjaw lil Jill Forde jew Uta Harnischfeger, tel. +49 69 1344 7455.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja