Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Settembru 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15.00 CET tat-18 ta’ Settembru 2015

Komunikazzjoni esterna

Komunikazzjoni dwar l-Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza

Fis-16 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-banek ċentrali nazzjonali minn issa ’l quddiem jistgħu jikkomunikaw pubblikament dwar l-għoti ta’ Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza (ELA) lill-banek f’pajjiżhom, fil-każijiet fejn iqisu li din il-komunikazzjoni tkun meħtieġa. Stqarrija għall-istampa li tħabbar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Aġġornament tad-Dokumentazzjoni Ġenerali

Fis-27 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/27 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (id-“Dokumentazzjoni Ġenerali”). Il-Linja Gwida l-ġdida tintroduċi ċertu tibdil għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-kontropartijiet ġew riveduti fid-dawl tal-aħħar żviluppi leġiżlattivi fl-implimentazzjoni tal-Unjoni Bankarja, u ġiet introdotta kategorija ġdida ta’ assi eliġibbli magħrufin bħala “strumenti tad-dejn mhux negozjabbli koperti bi klejms tal-kreditu eliġibbli” (DECC). Il-Linja Gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Reviżjoni tal-limitu tal-ħruġ ta’ ishma għal assi eliġibbli għall-PSPP

Wara li saret ir-reviżjoni mħabbra tal-ewwel sitt xhur dwar il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP), il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni fit-3 ta’ Settembru 2015 li jżid il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma minn dak inizjali ta’ 25% għal 33%, suġġett għal verifika każ b’każ biex ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn l-Eurosistema jkollha setgħa minoritarja li timblokka. F’dan il-każ il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma jibqa’ ta’ 25%.

Jieqaf l-indiċi Eurepo

Fl-4 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/29 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/8 dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u r-remunerazzjoni ta’ depożiti tal-gvern minn banek ċentrali nazzjonali, u l-Linja Gwida BĊE/2015/28 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali. L-emendi jipprovdu definizzjoni ġdida għar-“rata tas-suq garantita” wara li l-indiċi Eurepo twaqqaf mit-2 ta’ Jannar 2015. Dawn l-atti legali se jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-deċiżjoni BĊE/2014/45 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi

Fl-10 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/31 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/45 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi. Din id-Deċiżjoni timplimenta d-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Governattiv fit-18 ta’ Marzu 2015 li l-Eurosistema tixtri segmenti intermedji ta’ titoli koperti b’assi (ABS) fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) sakemm dawn is-segmenti jkunu suġġetti għal garanzija xierqa li tikkonforma mal-kriterji tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Tweġiba tal-BĊE għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea fuq ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej

Fit-2 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-BĊE għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea fuq ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet). It-tweġiba tal-BĊE tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Aġġornament tal-qafas tal-Eurosistema dwar il-politika ta’ sorveljanza u tal-Istandards għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema

Fl-10 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-emendi għall-qafas tal-Eurosistema dwar il-politika ta’ sorveljanza u tal-Istandards għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali (CCP) fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema sabiex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2015 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li annullat il-politika ta’ lokazzjoni tal-Eurosistema għas-CCP. Id-dokumenti emendati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi dwar termini speċifiċi għar-ristrutturar ta’ self għad-djar iddenominat f’munita barranija fil-Polonja

Fil-5 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/26 wara talba tal-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-użu ta’ mudell ta’ dejta integrat għar-rappurtar ta’ dejta lil Oesterreichische Nationalbank

Fl-10 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/27 wara talba ta’ Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-liġi kostituzzjonali u l-Liġi dwar Česká národní banka

Fil-11 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/28 wara talba mill-Ministru tar-Repubblika Ċeka għad-Drittijiet tal-Bniedem, Opportunitajiet Indaqs u Leġiżlazzjoni.

Opinjoni tal-BĊE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti fir-Repubblika Ċeka

Fit-28 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/29 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ ċerta dejta li hija rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Awstrija

Fit-2 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/30 wara talba ta’ Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni ta’ banek fil-Ġermanja

Fit-2 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/31 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Statistika

Il-BĊE se jippubblika dejta tal-bilanċi TARGET

Fid-19 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni fil-Bullettin Ekonomiku tal-BĊE tal-bilanċi TARGET ta’ tmiem ix-xahar tal-banek ċentrali nazzjonali individwali taż-żona tal-euro u tal-BĊE. Id-dejta se tixxandar b’intervalli ta’ xahar u l-ewwel se toħroġ dik bid-data ta’ referenza ta’ Mejju 2008. Fit-tieni sett ta’ dejta se jiġu ppubblikati l-medji ta’ kull xahar tal-bilanċi TARGET tal-banek ċentrali nazzjonali individwali taż-żona tal-euro u l-BĊE, b’dejta li tmur lura sa Jannar 2001. L-ewwel sett ta’ dejta se joħroġ fil-21 ta’ Settembru 2015 filwaqt li t-tieni sett se jiġi ppubblikat fit-30 ta’ Ottubru 2015.

Pubblikazzjoni ta’ rapport statistiku trimestrali ġdid għas-settur tal-unitajiet domestiċi

Fl-4 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni esterna regolari ta’ “rapport ġdid dwar is-settur tal-unitajiet domestiċi”. Ir-rapport se jkun ibbażat fuq il-kontijiet tas-settur istituzzjonali kkompilati skont il-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali fir-rigward tal-kontabilità finanzjarja, u l-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA 2010 fir-rigward tal-kontijiet mhux finanzjarji kkompilati skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontabilità nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport se jippreżenta l-iżviluppi fiż-żona tal-euro, supplimentati bi tqabbil bejn il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk tkun tista’ ssir l-analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji ewlenin fis-settur tal-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi individwali. L-ewwel rapport se joħroġ pubblikament f’Ottubru 2015 u, minn hemm ’il quddiem, jibda jiġi ppubblikat kull trimestru wara li l-BĊE joħroġ il-kontijiet trimestrali sħaħ taż-żona tal-euro.

Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament BĊE/2014/48 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji

Fl-10 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE 2015/30 li jemenda r-Regolament BĊE/2014/48 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji bil-għan li jiġu rfinati numru ta’ termini sinifikanti li jidhru fl-istruzzjonijiet dettaljati tar-rappurtar previsti fir-Regolament BĊE/2014/48. Ir-Regolament BĊE/2015/30, li jinsab fil-websajt tal-BĊE, se jidħol fis-seħħ f’Ottubru 2015 u d-dejta li għandha x’taqsam ma’ dan ir-Regolament se tibda tiġi rrappurtata minn April 2016.

Governanza korporattiva

Emenda fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE

Fl-4 ta’ Awwissu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/NP17 li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-għażla u l-ħatra tal-Kap Uffiċjal għas-Servizzi. Din id-Deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2015, temenda l-istruttura tas-salarji tal-BĊE biex tipprovdi għal grad ta’ salarju ġdid allokat għall-Kap Uffiċjal għas-Servizzi li għad irid jinħatar. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Sħubija fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Fis-16 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jerġa’ jaħtar lil Erkki Liikanen bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE sakemm jagħlaqlu l-mandat ta’ Gvernatur ta’ Suomen Pankki fil-bidu ta’ Lulju 2018. Il-Kunsill Governattiv ħatar ukoll lil Ewald Nowotny bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika b’seħħ mill-1 ta’ Novembru 2015 għal perjodu ta’ tliet snin, wara li jintemm il-mandat ta’ Christian Noyer bħala Gvernatur ta’ Banque de France.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja