Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2013

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tat-22 ta’ Novembru 2013

Operazzjonijiet tas-suq

Twaqqif ta’ netwerk ta’ dispożizzjonijiet permanenti dwar swaps fost il-banek ċentrali

Fl-24 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-konverżjoni tad-dispożizzjonijiet bilaterali temporanji eżistenti dwar swaps tal-likwidità f’dispożizzjonijiet permanenti mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve u s-Swiss National Bank. It-twaqqif tad-dispożizzjonijiet permanenti dwar swaps tħabbar b’mod konġunt mis-sitt banek ċentrali parteċipanti fil-31 ta’ Ottubru 2013.

Dettalji dwar operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għall-perjodu mid-9 ta’ Lulju 2014 sas-7 ta’ Lulju 2015

Fis-7 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jibqa’ jmexxi l-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament għal perjodu speċjali u perjodu fit-tul bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u b’allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ u għall-inqas sa tmiem is-sitt perjodu taż-żamma tar-riżervi tal-2015, li jaħbat is-7 ta’ Lulju 2015. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sospensjoni tar-rimborżi tal-LTRO ta’ tliet snin għall-perjodu ta’ tmiem is-sena

Fl-14 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva s-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ rimborż tal-LTRO ta’ tliet snin li kellhom isiru fil-perjodu tal-aħħar tas-sena minħabba n-nuqqas ta’ interess li mistenni jkun hemm fost il-parteċipanti fis-swieq. Tagħrif aktar dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni li xxandret illum fil-websajt tal-BĊE.

Aċċettata s-sistema għall-evalwazzjoni tal-kreditu tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique biex tintuża fil-Qafas tal-Eurosistema għall-Evalwazzjoni tal-Kreditu

Fl-14 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaċċetta s-sistema interna għall-evalwazzjoni tal-kreditu (ICAS) tan- Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique biex tintuża fil-Qafas tal-Eurosistema għall-Evalwazzjoni tal-Kreditu (ECAF). Il-lista sħiħa tal-ICAS flimkien ma’ tagħrif aktar dettaljat dwar l-ECAF jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

It-tieni rapport dwar il-migrazzjoni għas-SEPA

Fit-22 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tieni rapport dwar il-migrazzjoni lejn iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA), li janalizza s-sitwazzjoni fil-pajjiżi taż-żona tal-euro fir-rigward tal-ħolqien ta’ suq uniku għat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti bl-euro fl-Ewropa kollha u jipprovdi gwida dwar l-immaniġġar tal-proċess ta’ tranżizzjoni lejn Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Implimentazzjoni tal-aspettattivi dwar is-sorveljanza tal-kontinwità tan-negozju għal sistemi ta’ pagament b’importanza sistemika

Fit-30 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet pendenti li kien indirizza fl-2010 għal erba’ sistemi ta’ pagament b’importanza sistemika (TARGET2, EURO1, CORE u CSS). Din l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-operaturi kollha tas-sistemi issa ġew ħadu l-azzjonijiet meħtieġa biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti.

Konsultazzjoni pubblika dwar SecuRe Pay fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bil-mobajl

Fil-15 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-introduzzjoni ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ xahrejn dwar ir-“Rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bil-mobajl” fir-rigward tal-ħidma li saret mill-Forum Ewropew dwar is-Sigurtà tal-Pagamenti bl-Imnut. Id-dokumentazzjoni li għandha x’taqsam ma’ din il-konsultazzjoni pubblika, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ

Fit-23 ta’ Ottubru 2013 il-BĊE, bl-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, ħabbar dettalji dwar l-evalwazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ li għandha ssir bi tħejjija għal meta l-BĊE jieħu f’idejh ir-responsabbiltà sħiħa għas-superviżjoni bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). L-evalwazzjoni, li se tibda f’Novembru 2013 u tieħu 12-il xahar biex titlesta, se ssir b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw fil-MSU. L-istqarrija għall-istampa, flimkien ma’ nota spjegattiva, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport dwar l-Istrutturi Bankarji

Fil-25 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Istrutturi Bankarji ( Banking Structures Report) li janalizza l-iżviluppi strutturali ewlenin fis-settur bankarju taż-żona tal-euro skont dejta aggregata għaż-żona tal-euro, li jkopri l-perjodu mill-2008 sal-2012 u jinkludi indikaturi għall-ewwel nofs tal-2013 fejn dawn huma disponibbli. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Il-Financial Stability Review ta’ Novembru 2013

Fl-20 ta' Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Analiżi dwar l-Istabbiltà Finanzjarja ( Financial Stability Review) ta’ Novembru 2013 li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u d-dgħufijiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi t-taqlib negattiv. Il-pubblikazzjoni għandha tixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-27 ta’ Novembru 2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trasferiment tal-ġestjoni tal-proprjetajiet tal-Istat lill-Banca Naţională a României 

Fid-29 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/74 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-ristrutturar finanzjarju tal-kumpaniji fis-Slovenja

Fil-5 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/75 wara talba mill-Ministeru tal-Ġustizzja tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Fis-6 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/76 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa dwarha tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi

Fid-19 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/77 wara talba mill- Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Regolamenti tal-BĊE dwar fondi ta’ investiment, korporazzjonijiet vetturi finanzjarji u statistika dwar istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji tal-posta

Fit-18 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament tal-BĊE dwar statistika li tittratta l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (riformulazzjoni), ir-Regolament tal-BĊE dwar statistika li tittratta l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet vetturi finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (riformulazzjoni) u r-Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji tal-posta li jirċievu depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji residenti fiż-żona tal-euro (riformulazzjoni). L-emendi għandhom x’jaqsmu mar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (magħrufa bħala ESA 2010) li għadha kemm ġiet adottata skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013. L-emendi jipprovdu wkoll għal rekwiżiti ġodda għall-utenti fir-rigward tal-politika monetarja, l-analiżi dwar l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kontribut fir-rigward tal-produzzjoni ta’ statistika oħra. Ir-rappurtar ta’ dawn ir-rekwiżiti ġodda tal-istatistika lill-BĊE se jibda fil-bidu tal-2015. Dawn it-tliet atti legali se jixxandru f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Proposta għall-kariga ta’ President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fis-6 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-proposta tal-Kumitat għall-Ewwel Għażla dwar il-lista finali tal-kandidati għall-kariga ta’ President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u ħa d-deċiżjoni li jibgħat il-lista finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-20 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jipproponi lil Ms Danièle Nouy għall-kariga ta’ President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku l-ġdid. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni xxandret fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE. Il-proċess tan-nomina huwa mistenni jintemm sa nofs Diċembru 2013.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka

Fil-15 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/42 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka. Ir-Rakkomandazzjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Bini tal-BĊE

Wisa’ għall-uffiċċji tal-istaff tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fis-6 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli bil-kirja ta’ waħda mill-binjiet li qiegħed juża bħalissa, il-Eurotower, biex ikun jista’ jakkomoda fil-ġejjieni qrib il-membri ġodda tal-istaff li l-BĊE jeħtieġlu biex iwettaq id-dmirijiet superviżorji ġodda tiegħu. Għall-ħtiġijiet immedjati, sakemm il-BĊE jġorr għall-bini l-ġdid tiegħu, l-istaff superviżorju se jkun akkomodat f’uffiċċji mikrija fil-Japan Center. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja