Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2013

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Ir-reazzjoni tal-BĊE għall-ftehim dwar il-programm Ċiprijott ta’ aġġustament makroekonomiku

Fil-25 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-ftehim milħuq mill-Eurogrupp mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi ewlenin meħtieġa tal-programm ta’ aġġustament tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali għal Ċipru. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li ma joġġezzjonax għat-talba tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru għall-provediment ta’ Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza (ELA) skont ir-regoli stabbiliti. Stqarrija għall-istampa xxandret fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Stħarriġ dwar l-attività bankarja korrispondenti bl-euro

Fis-27 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tmien stħarriġ dwar l-attività bankarja korrispondenti bl-euro ( Eighth survey on correspondent banking in euro) li tħejja mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldi, wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ. L-istħarriġ jikkonferma li l-attività bankarja korrispondenti għadha mezz importanti għall-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro. Minħabba r-rilevanza tagħhom biex is-sistemi ta’ pagament jaħdmu kif jixraq, is-servizzi tal-attività bankarja korrispondenti ilhom fl-ambitu tal-attività ta’ sorveljanza tal-Eurosistema sa minn meta twaqqaf il-BĊE. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jxandar l-istħarriġ biex tikber it-trasparenza tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-Eurosistema fejn tidħol l-attività bankarja korrispondenti u biex jaqsam il-konklużjonijiet tiegħu ma’ partijiet oħra interessati. L-istħarriġ, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar qafas ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u oħrajn f’Ċipru

Fl-1 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/10 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-miżuri għat-tisħiħ tal-istabbiltà bankarja fis-Slovenja 

Fit-22 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/21 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rappurtar tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Awstrija

Fil-25 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/22 wara talba tal-Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar tranżazzjonijiet ta' ipoteki speċjali fis-Slovakkja

Fit-2 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/23 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovakkja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-arranġamenti għall-kollateral finanzjarju f’Malta

Fil-5 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/24 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment ta’ Malta.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Fond għall-Garanzija tad-Depożiti fi Spanja

Fl-10 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/25 wara talba tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u s-Sostenn tan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-ippjanar għall-kriżijiet u l-intervent bikri għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Awstrija

Fil-11 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/26 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas għall-garanziji tal-Istat u dwar il-garanziji tal-Istat għal Dexia SA u Dexia Crédit Local SA fil-Belġju

Fil-15 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/27 wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, li kien qiegħed jaġixxi f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Statistika

Stħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Individwi u l-Familji

Il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-ewwel edizzjoni tal-istħarriġ dwar il-finanzi u l-konsum tal-individwi u l-familji ( Eurosystem Household Finance and Consumption Survey), proġett konġunt tal-Eurosistema li sar bl-għajnuna tal-istituti nazzjonali tal-istatistika ta’ tliet pajjiżi taż-żona tal-euro. L-istħarriġ u rapport dwar il-metodoloġija użata fl-istħarriġ huma s-suġġett tal-ewwel żewġ ħarġiet ta’ Sensiela ġdida ta’ Dokumenti tal-Istatistika li xxandru mill-BĊE fid-9 ta’ April 2013. Is-sena ta’ referenza fil-biċċa l-kbira tal-istħarriġ li jsir mill-pajjiżi hija l-2010. Ir-riżultati tal-istħarriġ se jagħtu kontribut biex l-Eurosistema tagħraf l-istrutturi ekonomiċi u finanzjarji taż-żona tal-euro u tifhem aħjar il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni monetarja u l-impatt tal-iskossi makroekonomiċi fuq l-istabbiltà finanzjarja. L-istħarriġ u r-rapport dwar il-metodoloġija użata fih, flimkien ma' stqarrija għall-istampa dwarhom, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Rappurtar ta' statistika dwar l-investimenti f'titoli

Fit-22 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar l-istatistika fuq l-investimenti f’titoli. Il-Linja Gwida tiddefinixxi l-proċeduri li jeħtiġilhom isegwu l-banek ċentrali nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jirrappurtaw dwar l-informazzjoni mill-istatistika tal-BĊE li toħroġ mid-dejta miġbura skont ir-Regolament (UE) il-ġdid Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq l-investimenti f’titoli (BĊE/2012/24). Il-Linja Gwida se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank

Fis-17 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/8 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank. Ir-Rakkomandazzjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja