Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2012

Operazzjonijiet tas-Suq

Miżuri għaż-żamma tad-disponibbiltà tal-kollateral

Fl-10 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/23 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Din il-Linja Gwida twessa’ temporanjament il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-assi biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema billi taċċetta strumenti negozjabbli ta’ dejn denominati fil-lira sterlina, fil-yen jew fid-dollaru Amerikan bħala assi eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja. Il-Linja Gwida xxandret fit-18 ta’ Ottubru 2012 fil-websajt tal-BĊE.

Kwistjonijiet operattivi

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq u emittenti mhux regolati aċċettati u klassifikati bħala aġenziji

Fis-27 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u ħa dawn id-deċiżjonijiet: (i) Hi-MTF u s-suq OTC għal Belgian Strips għandhom jiżdiedu mal-lista; u (ii) is-suq MTS Deutschland għal Bubills, li għalaq f’April 2012, għandu jitneħħa mil-lista. Barra dan, il-Kunsill Governattiv approva l-klassifikazzjoni tal- Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB) bħala aġenzija. L-istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-FROB għalhekk se jidħlu fil-kategorija tal-likwidità II tal-assi eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista aġġornata tas-swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar qafas legali konsolidat għas-servizzi ta’ pagament fil-Polonja 

Fil-21 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/72 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tħejjijiet u l-emendi legali meħtieġa għad-dħul tal-euro fil-Latvja

Fit-2 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/73 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ġodda dwar ir-reġistru tal-kreditu fl-Irlanda 

Fil-5 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/74 wara talba tad-Dipartiment tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Assistenza Finanzjarja Ewropea lil Spanja

Fid-9 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/75 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kompetittività ta’ Spanja.

Statistika

Qafas ta' mmaniġġjar tal-kwalità tad-dejta għall-Bażi ta’ Dejta Ċentralizzata dwar it-Titoli (CSDB)

Fis-26 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-qafas ta' mmaniġġjar tal-kwalità tad-dejta għall-Bażi ta’ Dejta Ċentralizzata dwar it-Titoli ( Centralised Securities Database – CSDB) li jikkonsisti fil-Linja Gwida BĊE/2012/21 u r-Rakkomandazzjoni BĊE/2012/22 dwar il-qafas ta' mmaniġġjar tal-kwalità tad-dejta għall-Bażi ta’ Dejta Ċentralizzata dwar it-Titoli. Il-qafas għandu l-għan li jiżgura l-kompletezza, l-eżattezza u l-konsistenza tad-dejta dwar l- output tas-CSDB. Dawn l-atti legali ma jdumux ma jixxandru fil-websajt tal-BĊE.

Ġbir ta’ statistika dwar l-investimenti f’titoli

Fis-17 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2012/24 dwar statistika fuq investimenti f’titoli. Ir-regolament jistipula r-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-investituri finanzjarji, il-kustodji u l-istituzzjonijiet prinċipali ta’ ċerti gruppi ta’ banek fiż-żona tal-euro. Dawn ir-rekwiżiti jirreferu għal dejta titolu b’titolu dwar l-investimenti f’titoli min-naħa ta’ investituri (finanzjarji u mhux finanzjarji) fiż-żona tal-euro, u dwar investimenti min-naħa ta’ investituri barra ż-żona tal-euro f’titoli maħruġa minn residenti taż-żona tal-euro li huma miżmuma b’kustodja fiż-żona tal-euro. Ir-regolament ma jdumx ma jixxandar fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm tal-Eurosistema għal kooperazzjoni teknika mal-bank ċentrali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Fil-25 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-iffirmar ta’ programm tal-Eurosistema għal kooperazzjoni teknika mal-bank ċentrali tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-Bank Nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja). Il-BĊE u ħdax-il bank ċentrali nazzjonali se jieħdu sehem f’dan il-programm ta’ kooperazzjoni ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-għan tal-programm ta’ disa’ xhur, li jkopri 13-il qasam tal-attività tal-banek ċentrali, hu li jevalwa l-qafas istituzzjonali u operattiv attwali tal-bank ċentrali mal-istandards tal-banek ċentrali tal-UE u, skont il-konklużjonijiet, jistabbilixxi modi biex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tiegħu. Aktar tagħrif dwar dan il-programm għandu jidher fil-websajt tal-BĊE iżjed ’il quddiem.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSC)

Fis-17 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Ignazio Angeloni, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għall-Istabbiltà Finanzjarja, bħala President tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSC) b’seħħ immedjat. Il-mandat tiegħu bħala President tal-FSC jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2013 bħall-mandati tal-presidenti l-oħra kollha tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Lulju 2010 għal tliet snin.

Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinazzjoni tal-Akkwist

Fil-5 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni ta’ 18-il xahar għall-mandat attwali tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinazzjoni tal-Akkwist, li kellu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012. Il-Banque centrale du Luxembourg se jkompli jospita dan l-uffiċċju f’dan il-perjodu.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja