Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Settembru 2012

Operazzjonijiet tas-Suq

Karatteristiċi tekniċi tal-Operazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT)

Fis-6 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar għadd ta’ karatteristiċi tekniċi marbuta mal-operazzjonijiet definittivi tal-Eurosistema fis-swieq sekondarji tal-bonds statali bil-għan li jissalvagwardaw it-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja u l-politika monetarja unika. Il-qafas għat-tmexxija tal-Operazzjonijiet Monetarji Definittivi huwa mfisser fil-qosor fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fl-istess ġurnata.

Miżuri għaż-żamma tad-disponibbiltà tal-kollateral

Fis-6 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar miżuri supplimentari għaż-żamma tad-disponibbiltà tal-kollateral għall-kontropartijiet sabiex dawn jibqa’ jkollhom aċċess għall-operazzjonijiet tal-Eurosistema għall-provediment ta’ likwidità. Dawn il-miżuri huma mfissrin fil-qosor fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fl-istess ġurnata. Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ permezz tal-atti legali bl-emendi meħtieġa għall-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema.

Estensjoni tal-ftehim dwar il-faċilità ta’ swaps mal-Bank of England

Fit-12 ta’ Settembru 2012, bi qbil mal-Bank of England, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li d-dispożizzjoni dwar il-faċilità ta’ swaps għal-likwidità li ż-żewġ banek ċentrali kkonkludew fis-17 ta’ Diċembru 2010 tibqa’ torbot sat-30 ta’ Settembru 2013. Wara l-ewwel estensjoni tal-25 ta’ Awwissu 2011 id-dispożizzjoni kellha tintemm fl-aħħar ta’ Settembru 2012. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

L-ewwel verżjoni tal-Common Eurosystem Pricing Hub

Fis-17 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija tal- Common Eurosystem Pricing Hub (CEPH) li għandha tieħu post iż-żewg hubs eżistenti ta’ valutazzjoni li attwalment qegħdin jitħaddmu mill-Banque de France (għall-valutazzjoni ta’ titoli koperti b’assi) u mid-Deutsche Bundesbank (għall-valutazzjoni ta’ strumenti oħra ta’ dejn). Il- Common Eurosystem Pricing Hub għandha tipprovdi l-Eurosistema bi pjattaforma waħda integrata għall-ħruġ ta’ prezzijiet uniformi biex jintużaw mill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema fil-valutazzjoni tal-kollateral sottomess fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. L-ewwel verżjoni tal- Common Eurosystem Pricing Hub ħarġet live fil-21 ta’ Settembru 2012.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Emendi għall-iskema ewlenija tal-ipprezzar ta’ TARGET2

Fis-7 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-emendi għall-iskema ewlenija tal-ipprezzar ta’ TARGET2. Fost l-emendi hemm żieda fid-drittijiet tal-parteċipanti bil-ħsieb li TARGET2 tkun tista’ tilħaq l-għan ewlieni tagħha li tirkupra l-ispiża sa tmiem l-2016. It-tibdiliet se jiġu riflessi fil-Linja gwida l-ġdida dwar TARGET2 u għandhom jidħlu fis-seħħ f’Jannar 2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-politika baġitarja ta’ stabilizzazzjoni u l-ħolqien ta’ kont ta’ riżerva tat-teżor kontra l-kriżi għand Lietuvos bankas 

Fit-3 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/63 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-Banca Monte dei Paschi di Siena  

Fit-3 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/64 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda fil-kwota tal-Awstrija għall-Fond Monetarju Internazzjonali

Fit-13 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/65 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-kummerċ barrani fil-Ġermanja 

Fis-16 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/66 wara talba tal-Ministeru Federali tal-Ekonomija u t-Teknoloġija tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-Awstrija għal tranżazzjonijiet ta’ servizzi transkonfinali  

Fl-24 ta’ Awwissu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/67 wara talba tal-Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Unjins tal-Kreditu Irlandiżi

Fl-4 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/68 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar żieda fil-kapital tal-Banque centrale du Luxembourg  

Fis-7 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/69 wara talba tal-Banque centrale du Luxembourg.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri Irlandiżi relatati mal-insolvenza personali

Fl-14 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/70 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tal-istabbiltà bankarja fis-Slovenja

Fid-19 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/71 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Ħruġ ta’ karti tal-flus

Emendi għall-qafas legali dwar ir-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

Fis-7 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/19 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, sabiex tipprovdi għall-introduzzjoni tat-tieni sensiela tal-karti tal-flus tal-euro u tiċċara ċerti rekwiżiti. Id-Deċiżjoni xxandret fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Settembru 2012 u tinsab ukoll fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland

Fl-14 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2012/20 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banc Ceannais na hÉireann, il-bank ċentrali tal-Irlanda. Ir-Rakkomandazzjoni ma ddumx ma tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Proġett tal-bini l-ġdid tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv eżamina l-progress tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE u l-iżviluppi fl-ispiża marbuta miegħu. Fl-20 ta’ Settembru 2012 saret ċerimonja biex tfakkar it-tlestija tat-torrijiet u f’din l-okkażjoni xxandret stqarrija għall-istampa fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja