Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2012

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Il-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet tal-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fit-3 ta’ Mejju 2012, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jassenja lill-BĊE d-dmir li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u r-Regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport għall-2011. Kien hemm aktar tagħrif dwar dan f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2011, li ġie ppubblikat fil-25 ta’ April 2012.

Operazzjonijiet tas-Suq

Mudelli ta’ dejta dwar il-livell tas-self għal tipi ġodda ta’ titoli koperti b’assi (ABS)

Bi qbil mad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ta’ Diċembru 2010 (ara Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE – Diċembru 2010) biex jiddaħħlu gradwalment rekwiżiti ta’ rappurtar individwali dwar self għal bosti tipi ta’ titoli koperti b’assi fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema, fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-mudelli ta’ ABS għal self lill-konsumaturi ( consumer finance), ABS għal kuntratti ta’ kiri ( leasing) u ABS għal self fuq xiri ta’ karozzi ( auto loans). Dan jagħlaq id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Governattiv fid-29 ta’ April 2011 dwar l-approvazzjoni tal-mudelli għal titoli kummerċjali koperti b’ipoteka u tranżazzjonijiet ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn il-mudelli kollha jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà u s-superviżjoni finanzjarja

Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2012

Fil-15 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal- Financial Stability Review – June 2012 (Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2012). Il-pubblikazzjoni tagħti evalwazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tassorbi t-taqlib u teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji għal din is-sistema u d-dgħufijiet tagħha. L-analiżi għandha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE.

Il-kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istrument ta’ tnaqqis tad-dejn (bail-in)

Fil-15 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istrument ta’ tnaqqis tad-dejn ( bail-in). Il-konsultazzjoni pubblika tnediet mill-Kummissjoni biex jiġi finalizzat it-test tal-proposta leġiżlattiva li se tagħmel dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek. Il-kontribut tal-Eurosistema ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej għall-Kapital tar-Riskju u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej għall-Imprenditorija Soċjali

Fil-25 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/32 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti fi Spanja

Fit-8 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/33 wara talba tal-Ministeru Spanjol tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni kontra l-iffalsifikar u l-kwalità taċ-ċirkolazzjoni tal-flus kontanti fil-Ġermanja

Fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/34 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż.

Opinjoni tal-BĊE dwar spejjeż operattivi relatati mas-superviżjoni fil-Belġju

Fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/35 wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, li kien qiegħed jaġixxi f’isem il-Ministeru tal-Finanzi Belġjan.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet tas-saldu fi flus kontanti fil-Litwanja

Fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/36 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Litwan.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat għall-Operazzjonijiet tas-Suq (MOC)

Fit-18 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Ulrich Bindseil, li fl-1 ta’ Mejju 2012 sar Direttur Ġenerali tal-BĊE għall-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala President tal-MOC b’seħħ mill-istess data. Il-mandat tiegħu bħala President tal-MOC jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu 2013, jiġifieri fl-istess data meta jagħlqu l-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Lulju 2010 għal tliet snin.

Karti tal-flus

Emenda għall-qafas legali tal-manifatturi tal-karti tal-flus tal-euro

Fis-26 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/7 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/22 dwar il-proċedura għall-akkreditazzjoni tal-kwalità għall-manifatturi ta’ karti tal-flus tal-euro u d-Deċiżjoni BĊE/2012/8 li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2011/8 dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro. Iż-żewġ Deċiżjonijiet ma jdumux ma jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja