Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2012

Komunikazzjoni esterna

Ir-Rapport Annwali 2011 tal-BĊE

Fil-21 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali 2011 tal-BĊE, li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE b’21 lingwa uffiċjali tal-UE fil-25 ta’ April 2012.

Operazzjonijiet tas-Suq

Eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn maħruġin jew iggarantiti mill-gvern Grieg fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fis-27 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/2 li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2010/3 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg. Skont din id-Deċiżjoni li tħabbret permezz ta’ stqarrija għall-istampa ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fit-28 ta’ Frar 2012, assi maħruġa jew garantiti mill-Gvern Grieg jitilfu temporanjament l-eliġibbiltà għall-perjodu bejn l-avveniment tal-kreditu mibdi mit-tnedija tal-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-attivazzjoni tal-iskema għat-titjib tal-garanziji li qablu dwarha l-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Lulju 2011, u li ġiet konfermata fis-26 ta’ Ottubru 2011. Din l-attivazzjoni ġiet rikonoxxuta mill-Kunsill Governattiv fi stqarrija speċjali għall-istampa ppubblikata fit-8 ta’ Marzu 2012. Fil-5 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/3 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika. Iż-żewġ atti legali jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Aċċettazzjoni ta’ ċerti bonds tal-banek garantiti mill-istat

Fil-21 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/4 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Skont din id-Deċiżjoni, il-banek ċentrali nazzjonali mhumiex obbligati jaċċettaw bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds tal-banek eliġibbli garantiti minn Stat Membru li jkun miexi bi programm ta’ assistenza finanzjarja tal-UE u l-FMI, jew minn Stat Membru li jkollu valutazzjoni tal-kreditu li ma tkunx tissodisfa l-valur ta’ riferiment adottat mill-Eurosistema biex jiġu definiti r-rekwiżiti minimi ta’ standards ta’ kreditu għoljin. Din id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Rapport tal-Eurosistema tal-2011 dwar is-Sorveljanza

Fit-12 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv approva t-tieni Rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza. L-għan tar-rapport hu li jgħarraf lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-fornituri u lill-parteċipanti tal-infrastrutturi tas-suq, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, dwar kif tkun marret il-funzjoni tas-sorveljanza tal-Eurosistema u dwar l-evalwazzjoni tal-Eurosistema fejn jidħlu s-sigurtà u s-solidità tal-infrastrutturi taż-żona tal-euro għall-pagamenti, l-ikklerjar u s-saldu. Ir-rapport ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Aspettattivi tas-sorveljanza dwar il-links bejn is-sistemi ta’ pagament tal-massa

Fil-15 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jniedi konsultazzjoni pubblika dwar sett uniku armonizzat ta’ aspettattivi tas-sorveljanza fir-rigward tat-tħaddim tal-links bejn is-sistemi ta’ pagament tal-massa, bil-għan li jiġi żgurat li t-twaqqif ta’ links bejn is-sistemi ta’ pagament tal-massa jiġi mmaniġġat b’mod li jikkontrolla r-riskji għas-sistemi nfushom, kif ukoll għal min jipparteċipa fihom. Stqarrija għall-istampa dwar dan ġiet ippubblikata llum fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Ir-rapport tal-BĊE għall-2012 dwar l-Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa

Fil-21 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv ħa nota li s-sitt edizzjoni tar-rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa ( Report on Financial integration in Europe) għandha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fis-26 ta’ April 2012 fl-okkażjoni tal-konferenza konġunta tal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Integrazzjoni u l-Istabbiltà Finanzjarja fl-Ewropa. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema dwar l-integrazzjoni finanzjarja. Fiha wkoll artikoli speċjali dwar suġġetti bħall-effetti tat-tnaqqis fl-integrazzjoni fuq it-trażmissjoni tal-politika monetarja jew il-konsegwenzi ta’ dan it-tnaqqis għall-qafas operattiv tal-Eurosistema.

Rapport dwar tibdil fix-xejriet tal-finanzjament bankarju

Fil-21 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport dwar tibdil fix-xejriet tal-finanzjament bankarju ( Report on changes in bank financing patterns) imħejji mill-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja tal-Eurosistema/tas-SEBĊ, u approva t-trażmissjoni tiegħu lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) bħala tagħrif. Ir-rapport ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni u x-xoljiment ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja

Fit-28 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/14 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u dwar l-awtentikar tal-muniti tal-euro fil-Greċja

Fid-29 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/15 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ riżerva minima fil-Latvja

Fid-29 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/16 wara talba ta’ Latvijas Banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”)

Fit-2 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/17 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika taż-żona tal-euro

Fis-7 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/18 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Governattiv ta’ Latvijas Banka

Fil-15 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/19 wara talba tal-Kumitat għall-Baġit u l-Finanzi tal-Parlament Latvjan.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-Italja fil-programmi tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex tiġi affaċċjata l-kriżi finanzjarja

Fis-16 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/20 wara talba tal-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi.

Statistika

Rapport tal-2011 dwar il-kwalità tal-istatistika

Fil-15 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni annwali tad-disponibbiltà u l-kwalità tat-tipi diversi ta’ statistika li jinġabru mill-Eurosistema skont att legali tal-BĊE. Huwa awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2011 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali taż-żona tal-euro. Ir-rapport, li sar skont il-Qafas tal-BĊE għall-Kwalità tal-Istatistika, ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Titjib fil-kwalità tal-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi

Fil-21 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv evalwa l-kwalità tal-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi u approva proposti biex din tkompli titjieb. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv laqa’ l-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-istatistika tal-Greċja, li jeħtieġlu jiġi implimentat kollu, u wkoll ta l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni effettiva tal-banek ċentrali nazzjonali fix-xogħol metodoloġiku fl-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi fil-livell tal-UE.

Governanza korporattiva

Kontijiet Annwali 2011 tal-BĊE

Fit-8 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2011. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ġew ippubblikati fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport tal-amministrazzjoni għall-2011 għandu jiġi ppubblikat fir-Rapport Annwali 2011 tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja