Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Tipi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li għaddew mit-test

Meta jiġi miżjud jew imneħħi apparat mil-listi?

Fil-lista jidhru biss it-tipi ta' magni li jimmaniġġw il-karti tal-flus li għaddew minn test li jkun sar minn bank ċentrali nazzjonali u li dwarhom il-manifattur ikun ta t-tagħrif kollu mitlub mill-bank partikolari li jagħmel it-test (ara t-tifsiriet aktar 'l isfel).

Tagħrif dwar it-tipi ta’ magni li għaddew mit-test jixxandar f'din il-paġna fi żmien xahar mid-data li fiha jkun sar it-test.

It-tagħrif dwar test jitneħħa mill-websajt wara li jkunu għaddew 12-il xahar mix-xahar li fih ikun sar it-test, sakemm il-magna ma tkunx reġgħet ġiet ittestjata għall-kapaċità tagħha biex tidentifika l-karti tal-flus foloz minn bank ċentrali nazzjonali permezz tat-test annwali jew permezz ta' test ġdid li jkun sar ad hoc minn bank ċentrali nazzjonali, u l-magna tkun għaddiet minn dan it-test.

Jekk magna ma tgħaddix mit-test il-ġdid jew jekk il-manifattur min-naħa tiegħu jonqos li jippreżenta magna għal test ġdid, it-tagħrif dwar il-magna u dwar il-magni l-oħra tal-istess tip jitneħħa minnufih mil-lista jew listi.

Kull rapport fil-qosor dwar it-testijiet pożittivi li l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu lill-manifatturi jkun validu biss f’dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tat-test fid-data li fiha jkun sar it-test u sakemm ir-riżultati tat-test ikunu xxandru fil-websajt.

Jekk ma jkunx hemm indikazzjoni li l-magna taċċetta t-tieni sensiela ta' karti tal-flus tal-euro dan ma jfissirx li l-magna ma tkunx kompatibbli ma’ dawn il-karti tal-flus. L-utenti tal-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus għandhom jikkuntattjaw lill-manifatturi biex jivverifikaw jekk il-magni tagħhom ikunux kompatibbli mat-tieni sensiela tal-karti tal-flus.

Bla ħsara għar-restrizzjoni stabbilita fil-paragrafu (1) taċ-ċaħda ta' responsabbiltà, it-testijiet u r-riżultati tagħhom huma validi fl-Istati Membri kollha li jinsabu fiż-żona tal-euro. Manifattur ta' tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus li tkun għaddiet minn test ta' bank ċentrali nazzjonali għalhekk m'għandux għalfejn jissottometti l-istess tip ta' magna għal test ieħor ta' bank ċentrali nazzjonali ta' xi Stat Membru ieħor li jinsab fiż-żona tal-euro.

Nota f'qiegħ il-paġna

a) Il-manufattur iddikjara li l-magni l-oħra li fil-lista jidhru eżatt taħt il-magna ewlenija għandhom l-istess livell ta' prestazzjoni fir-rigward tal-funzjoni li ġiet ittestjata (awtentiċità / kundizzjoni / kapaċità ta' identifikazzjoni) bħall-magna li fuqha jkun sar it-test.

Tifsiriet

Qabel ma jsir it-test il-manifatturi huma mitluba jagħtu t-tagħrif li ġej lill-bank ċentrali nazzjonali li jagħmel it-test:

  1. Tagħrif dwar jekk il-magna partikolari tkunx konformi ma’ xi leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà, u jekk iva, ma' liema;
  2. Indikazzjoni dwar id-denominazzjonijiet, is-sensiliet u l-modi ta' orjentazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro li magna ta' dak it-tip hi ddisinjata biex tipproċessa u jekk it-tagħrif hux indikat b'mod ċar fuq il-magna;
  3. Dikjarazzjoni dwar liema karatteristiċi ta' sigurtà, kif speċifikati mill-manifattur, tivverifika magna ta' dak it-tip u kif isiru dawn il-verifiki;
  4. Ktejjeb tal-istruzzjonijiet għall-użu – jekk dan ma jkunx b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali li jkun qiegħed jagħmel it-test, għandu jingħata tagħrif ieħor simili dwar kif titħaddem magna ta' dak it-tip;
  5. Konferma li l-ktejjeb tal-istruzzjonijiet għall-użu jew struzzjonijiet oħra li jingħataw lill-utent jindikaw: (i) kif għandu jingħata servis lil magna ta' dak it-tip; (ii) kull meta għandu jingħata servis (e.g. tindif tas-sensers) biex il-magna taħdem tajjeb; u (iii) kif l-utent jista' jivverifika x'verżjoni ta' softwer għandha magna ta' dak it-tip;
  6. Tagħrif dwar jekk magna ta' dak it-tip tistax tiġi adattata biex tidentifika karti tal-flus foloz ġodda u, jekk iva, kif dan jista' jsir u kif jista’ jiġi verifikat mill-utent;
  7. Tagħrif dwar kif jistgħu jitbiddlu l-parametri li jagħżlu l-karti tal-flus skont il-kundizzjoni;
  8. Tagħrif dwar il-provvista tal-elettriku meħtieġa minn magna ta' dak it-tip.

Dikjarazzjoni taʼ ċaħda tar-responsabbiltà fuq it-testijiet u r-riżultati

  1. Il-karti tal-flus foloz tal-euro użati fit-test huma, sa fejn jafu l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, dawk li l-iżjed jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro fiż-żmien li fih ikun sar l-aħħar aġġornament tal-mazz użat fit-test. Minħabba li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jistgħux jipprevedu jew jeskludu l-possibbiltà ta’ tipi ġodda ta’ karti tal-flus foloz li jitfaċċaw wara li jkun sar l-aġġornament tal-mazz użat għat-test, il-manifatturi għandhom ir-responsabbiltà li jittestjaw il-magni tagħhom regolarment. Barra dan, id-distributuri u l-utenti tal-magni huma responsabbli biex minn żmien għal żmien jaġġornaw il-mezzi ta' awtentikazzjoni integrati fil-magni tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jidentifikaw karti tal-flus foloz ġodda.
  2. Sa fejn tippermetti l-liġi, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jaċċettaw ebda responsabbiltà għal xi dannu dirett jew indirett li jirriżulta mill-prestazzjoni tat-testijiet, il-pubblikazzjoni jew in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew it-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet mill-paġna tal-websajt tal-BĊE, jew mir-riżultati tat-testijiet. Għal ċaħdiet separati ta' Deutsche Bundesbank u Banco de Portugal, jekk jogħġbok ara aktar 'l isfel.
  3. Fir-rigward ta' magni oħra li ma jkunux ġew ittestjati minn banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema iżda li jinsabu fil-lista fil-paġna tal-websajt tal-BĊE bis-saħħa ta' garanzija bil-miktub mogħtija mill-manifattur li tindika li l-magni partikolari jkollhom l-istess ħardwer, softwer u livell ta' prestazzjoni fejn jidħlu l-funzjonalitajiet ewlenin (definiti fl-Anness I tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14) bħal magna oħra tal-istess tip u tal-istess manifattur li tkun għaddiet mit-test ta' bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u li fil-lista tkun tidher eżatt fuq il-magni l-oħra, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jistgħux jinżammu responsabbli, sakemm tippermetti l-liġi, għal xi dannu dirett jew indirett li jirriżulta mill-pubblikazzjoni jew min-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew mit-tneħħija tar-referenza għall-magni l-oħra mill-paġna tal-websajt tal-BĊE. Għaċ-ċarezza, ta' min jgħid li fil-każ li titneħħa mil-lista l-magna li tkun ġiet ittestjata, titneħħa wkoll ir-referenza għall-magni l-oħra, u viċeversa. Għall-konsistenza, il-magna li tkun ġiet ittestjata (u l-magni l-oħra kollha tal-istess manifattur bl-istess funzjonalitajiet ewlenin) titneħħa mil-lista jekk ikollha titneħħa xi magna mill-oħrajn, huma x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija. Għal ċaħdiet separati ta' Deutsche Bundesbank u Banco de Portugal, jekk jogħġbok ara aktar 'l isfel.
  4. Ir-riżultati ppubblikati tat-testijiet la huma u lanqas m'għandhom jittieħdu li huma xi sura ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali biex terzi persuni jużaw jew ma jużawx it-tipi ta' magni ttestjati jew il-magni l-oħra.
  5. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jagħtu ebda garanzija, la espliċita u lanqas impliċita, li l-magni li jkunu għaddew mit-test jew il-magni l-oħra: (i) jistgħu jidentifikaw il-karti tal-flus tal-euro foloz kontinwament u bla żbalji, jew jivverifikaw tajjeb il-karti tal-flus tal-euro għall-kundizzjoni; jew (ii) jaqdu l-iskop tagħhom irrispettivament minn jekk l-utenti tal-magni jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-użu jew le.

Ċaħda ta' responsabbiltà (2) ta' Deutsche Bundesbank

Deutsche Bundesbank ma jaċċetta ebda responsabbiltà għal xi dannu, dirett jew indirett, li għandu x'jaqsam ma' kif jaħdmu t-testijiet, mal-pubblikazzjoni jew in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet mill-paġna tal-websajt tal-BĊE, jew mar-riżultati tat-testijiet, sakemm dan id-dannu ma jkunx sar bi ħsieb jew b'negliġenza kbira min-naħa ta' Deutsche Bundesbank. Barra dan, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà li tinsab fiċ-ċaħda ġenerali ta' responsabbiltà ta' Deutsche Bundesbank tibqa' tgħodd.

Ċaħda ta' responsabbiltà (2) ta' Banco de Portugal

Il-prestazzjoni tat-testijiet, il-pubblikazzjoni jew in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet mill-paġna tal-websajt tal-BĊE ma jfissrux l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà għal xi dannu, dirett jew indirett, marbut ma' dawn il-fatti.

Ċaħda ta' responsabbiltà (3) ta' Deutsche Bundesbank

Deutsche Bundesbank ma jaċċetta ebda responsabbiltà għal xi dannu, dirett jew indirett, li għandu x'jaqsam mal-pubblikazzjoni jew in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija mill-paġna tal-websajt tal-BĊE ta' kull referenza għal xi magna oħra sakemm dan id-dannu ma jkunx sar bi ħsieb jew b'negliġenza kbira min-naħa ta' Deutsche Bundesbank. Din il-limitazzjoni tar-responsabbiltà m'għandhiex tgħodd għal danni li jirriżultaw minn ħsara għall-ħajja jew għas-saħħa. Barra dan, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà li tinsab fiċ-ċaħda ġenerali ta' responsabbiltà ta' Deutsche Bundesbank tibqa' tgħodd.

Ċaħda ta' responsabbiltà (3) ta' Banco de Portugal

Il-garanzija tal-manifattur dwar magni oħra, jew il-pubblikazzjoni jew in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija mill-paġna tal-websajt tal-BĊE ta' tagħrif dwar magni oħra ma jfissrux l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà għal xi dannu, dirett jew indirett, marbut ma' dawn il-fatti.