EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0001

Deċiżjoni (UE) 2015/529 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 21 ta' Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/1)

ĠU L 84, 28.3.2015, p. 64–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/529/oj

28.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/64


DEĊIŻJONI (UE) 2015/529 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Jannar 2015

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/1)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u partikolarment l-Artikolu 23 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (2) li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, sabiex jingħata kontribut għas-sigurtà u s-saħħa finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ġewwa l-Unjoni u kull Stat Membru, b'attenzjoni sħiħa u bid-dmir ta' diliġenza għall- unità u l-integrità tas-suq intern. Dawn il-kompiti speċifiċi jiżdiedu mal-kompitu tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki li jsegwu l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(2)

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/3 (3) ġiet emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2011/6 (4) sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u fl-Istati Membri, fir-rigward ta' talbiet għall-aċċess għad-dokumenti tal-BĊE dwar attivitajiet tal-BĊE u politiki jew deċiżjonijiet imħejjija jew meħuda mill-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja, inklużi dawk dwar l-għoti ta' appoġġ mill-BĊE lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(3)

Fit-twettiq tal-kompiti speċifiċi msemmija fl-ewwel premessa, il-BĊE se jħejji wkoll jew iżomm dokumenti dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn id-dokumenti se jikkwalifikaw bħala dokumenti tal-BĊE fit-tifsira tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3.

(4)

Hemm bżonn li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika tal-Unjoni jew ta' Stat Membru fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fil-kuntest ta' talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-iskop tal-ispezzjonijiet superviżorji.

(5)

Skont l-Artikolu 23.1 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, adottati fid-Deċiżjoni BĊE/2004/2, il-proċedimenti tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE, jew kwalunkwe kumitat jew grupp stabbilit minnhom, tal-Bord Superviżorju, tal-Kumitat tat-Tmexxija tiegħu u kull substruttura tiegħu ta' natura temporanja għandhom ikunu kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Governattiv ma jawtorizzax lill-President tal-BĊE biex jippubblika l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tagħhom. Il-President għandu jikkonsulta lill-President tal-Bord Superviżorju qabel ma' jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-proċeduri tal-Bord Superviżorju, il-Kumitat ta' Tmexxija tiegħu u kull waħda mis-substrutturi tiegħu ta' natura temporanja.

(6)

Il-liġi tal-Unjoni applikabbli hija rilevanti kemm għall-iżvelar u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti fl-eżerċizzju tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

L-iżviluppi fl-ekonomiji tal-Istati Membri u fis-swieq finanzjarji, u l-impatt tagħhom fuq it-tmexxija tal-politika monetarja tal-BĊE, u/jew fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru, żiedu l-bżonn għal interazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u bejn il-BĊE u istituzzjonijiet jew korpi Ewropej u internazzjonali. Irriżulta li huwa ta' importanza kruċjali għall-BĊE li jkun f'pożizzjoni li jwassal messaġġi rilevanti u skjetti lill-awtoritajiet Ewropej u tal-Istati Membri sabiex jaqdi l-interess pubbliku bl-iktar mod effettiv fit-twettiq tal-mandat tiegħu. Dan jista' jfisser li komunikazzjoni informali u kunfidenzjali effettiva għandha tkun possibbli wkoll u ma għandhiex tiġi mminata bil-possibbiltà ta' żvelar.

(8)

B'mod iktar speċifiku, il-BĊE huwa meħtieġ li jinteraġixxi ma' awtoritajiet u korpi nazzjonali, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, awtoritajiet u amministrazzjonijiet superviżorji ta' pajjiżi terzi, fir-rigward ta': (a) l-appoġġ tas-SEBĊ għall-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat; (b) il-kontribuzzjoni tas-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, bis-saħħa tal-Artikolu 127(5) tat-Trattat; u (c) il-kompiti mogħtija lill-BĊE mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, kemm il-BĊE kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom dmir li jikkooperaw in bona fede u obbligu li jiskambjaw l-informazzjoni. Il-BĊE jikkoopera wkoll fil-livell internazzjonali fejn għandhom x'jaqsmu l-kompiti tal-SEBĊ. Sabiex il-BĊE jikkoopera b'mod effettiv, huwa essenzjali li jipprovdi u jippreżerva “spazju għal riflessjoni” għall-iskambju ta' fehmiet u informazzjoni li jkun liberu u kostruttiv bejn l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u korpi oħrajn imsemmijin iktar 'il fuq. Fuq din il-bażi, il-BĊE għandu jkun intitolat li jipproteġi dokumenti skambjati bħala parti mill-kooperazzjoni tiegħu ma' banek ċentrali nazzjonali, awtoritajiet kompetenti nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali nominati u awtoritajiet u korpi relevanti oħrajn.

(9)

Barra minn hekk, fit-twettiq tal-kompitu tas-SEBĊ li tippromwovi l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, huwa importanti li jiġu protetti dokumenti li l-iżvelar tagħhom jimmina l-interess pubbliku fir-rigward tas-saħħa finanzjarja u s-sigurtà tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, l-iskemi ta' ħlas u l-fornituri tas-servizzi ta' ħlas.

(10)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2004/3 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċizjoni BĊE/2004/3 hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 3, qegħdin jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(c)

‘awtortità kompetenti nazzjonali’ (NCA) u ‘awtorità nazzjonali nominata’ (NDA) għandhom l-istess tifsira li jagħtihom ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (*);

(d)

‘awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn’ tfisser awtoritajiet u korpi rilevanti nazzjonali, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, awtoritajiet u amministrazzjonijiet superviżorji ta' pajjiżi terzi.

(*)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”"

;

2.

fl-Artikolu 4(1)(a), l-ewwel inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-BĊE, tal-Bord Superviżorju jew korpi oħrajn stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013,”

;

3.

fl-Artikolu 4(1)(a), qegħdin jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“il-politika tal-Unjoni jew ta' Stat Membru fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn,

l-iskop tal-ispezzjonijiet superviżorji,

is-sodezza u s-sigurtà tal-infrastrutturi tas-suq finanzarju, l-iskemi ta' ħlas jew fornituri ta' servizzi ta' ħlas.”

;

4.

L-Artikolu 4(3) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-aċċess għal dokument abbozzat jew irċevut mill-BĊE għal użu intern bħala parti mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, jew għall-iskambju ta' fehmiet bejn il-BĊE u l-BĊNi, NCA jew NDA għandu jkun miċħud anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.

L-aċċess għad-dokumenti li jirriflettu skambji ta' fehmiet bejn il-BĊE u awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn għandu jiġi miċħud anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, jekk l-iżvelar tad-dokument jimmina serjament l-effettività tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.”

;

5.

Fl-Artikolu 7(1), ir-referenza għal “Direttur Ġenerali tas-Segretarjat u tas-Servizzi tal-Lingwa” tinbidel b'“Direttur Ġenerali tas-Segretarjat”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Jannar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/3 tal-4 ta' Marzu 2004 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 42).

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2011/6 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 158, 16.6.2011, p. 37).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


Fuq