EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0059(01)

Deċiżjoni (UE) 2015/433 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta' Diċembru 2014 dwar l-istabbiliment ta' Kumitat għall-Etika u r-Regoli tal-Proċedura tiegħu (BĊE/2014/59)

ĠU L 70, 14.3.2015, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/433/oj

14.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/58


DEĊIŻJONI (UE) 2015/433 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar l-istabbiliment ta' Kumitat għall-Etika u r-Regoli tal-Proċedura tiegħu (BĊE/2014/59)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikoli l-Artikolu 9a tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tal-istabbiliment ta' Kumitat għall-Etika tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem il-“Kumitat għall-Etika”), il-Kunsill Governattiv jimmira li jsaħħaħ ir-regoli dwar l-etika fis-seħħ u jkompli jsaħħaħ il-governanza korporattiva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), tal-Eurosistema u tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

(2)

Il-kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet ta' governanza korporattiva u regoli dwar l-etika żdiedet matul dawn l-aħħar snin. Wara l-istabbiliment tal-MSU, il-kwistjonijiet ta' governanza saru ta' sinifikanza akbar għall-BĊE. Il-livell ogħla ta' kuxjenza pubblika u skrutinju jeħtieġ li l-BĊE jkollu fis-seħħ, u jimxi b'mod strett ma', regoli dwar l-etika mill-aktar avvanzati sabiex jissalvagwardja l-integrità tal-BĊE u jevita riskji għar-reputazzjoni tiegħu.

(3)

Ir-regoli dwar l-etika għall-membri tal-korpi involuti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-BĊE (iktar 'il quddiem id-“destinatarji”) għandhom ikunu bbażati fuq l-istess prinċipji li japplikaw għal membri tal-persunal tal-BĊE u għandhom ikunu proporzjonati mar-responsabbiltajiet rispettivi tad-destinatarji. Għalhekk, id-diversi regoli li jikkostitwixxu l-qafas ta' etika tal-BĊE, jiġifieri l-Kodiċi ta' Kondotta għal-membri tal-Kunsill Governattiv (2), il-Kriterji Supplimentari tal-Kodiċi tal-Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv (3), il-Kodiċi tal-Kondotta għall-membri tal-Bord Superviżorju u r-Regoli għall-Persunal tal-BĊE, għandhom jiġu interpretati b'mod koerenti.

(4)

Jeħtieġ li r-regoli dwar l-etika jkunu appoġġati minn mekkaniżmi u proċeduri ta' monitoraġġ u rapportar li jaħdmu sew, sabiex tinkiseb implimentazzjoni adegwata u konsistenti fejn il-Kumitat għall-Etika jkollu rwol ewlieni.

(5)

Sabiex tiġi żgurata interoperazzjoni effettiva bejn dawk l-aspetti tar-regoli dwar l-etika li prinċipalment huma relatati mal-implimentazzjoni operazzjonali u dawk li huma relatati prinċipalment ma' kwistjonijiet istituzzjonali u relatati mal-qafas, ta' mill-inqas wieħed mill-membri tal-Kumitat ta' Verifika tal-BĊE (iktar 'il quddiem “il-Kumitat ta' Verifika”) għandu jkun ukoll membru tal-Kumitat għall-Etika.

(6)

Il-Kumitat għall-Etika għandu jinkludi membru estern tal-Kumitat ta' Verifika. Il-membri esterni tal-Kumitat ta' Verifika jintgħażlu minn fost uffiċjali ta' grad għoli b'esperjenza fis-settur tal-banek ċentrali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u kompożizzjoni

1.   Bil-preżenti qiegħed jiġi stabbilit Kumitat għall-Etika.

2.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jkun kompost minn tliet membri esterni, li ta' mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun membru estern tal-Kumitat ta' Verifika.

3.   Il-membri tal-Kumitat għall-Etika għandhom ikunu individwi ta' reputazzjoni eċċellenti mill-Istati Membri, li l-indipendenza tagħhom tkun lil hinn minn ebda dubju u li jkunu jifhmu sew il-governanza tal-BĊE, tas-SEBĊ, tal-Eurosistema u tal-MSU. Huma m'għandhomx ikunu membri attwali ta' korpi involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE, tal-banek ċentrali nazzjonali jew tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (4).

Artikolu 2

Ħatra tal-membri

1.   Il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar il-membri tal-Kumitat għall-Etika.

2.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jaħtar lill-President tiegħu.

3.   Il-mandat tal-membri tal-Kumitat għall-Etika għandu jkun ta' tliet snin, u jista' jiġġedded darba. Il-mandati tal-membri tal-Kumitat għall-Etika li jkunu wkoll membri tal-Kumitat tal-Verifika għandhom jiskadu jekk ma jibqgħux membri tal-Kumitat tal-Verifika.

4.   Il-membri tal-Kumitat għall-Etika għandhom josservaw l-ogħla standard ta' kondotta etika. Huma mistennija li jaġixxu onestament, indipendentement, imparzjalment, b'diskrezzjoni u mingħajr ma jikkunsidraw l-interessi tagħhom stess, u li jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista' twassal għal kunflitt ta' interess personali. Huma mistennija li jżommu f'moħħhom l-importanza tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-membri tal-Kumitat għall-Etika għandhom jastjenu minn kwalunkwe deliberazzjoni f'każijiet ta' kunflitt ta' interess ipperċepit jew potenzjali. Huma għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anki wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu ntemmu.

5.   Il-membri tal-Kumitat għall-Etika għandhom ikunu intitolati li jirċievu ammont fiss annwali flimkien ma' ħlas għax-xogħol attwali mwettaq fuq il-bażi ta' rata fis-siegħa. L-ammont ta' dik ir-remunerazzjoni għandu jiġi ffissat mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 3

Funzjonament

1.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta mill-President. Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Kumitat għall-Etika kull meta huwa jidhirlu li dan ikun meħtieġ.

2.   Fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu, u bi ftehim mal-President, il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta' telekonferenza u d-deliberazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta' proċedura bil-miktub.

3.   Il-membri tal-Kumitat għall-Etika huma mistennija li jattendu kull laqgħa personalment. L-attendenza għal-laqgħat għandha tkun ristretta għall-membri u s-segretarju tiegħu. Madankollu, il-Kumitat għall-Etika jista' jistieden persuni oħrajn biex jattendu l-laqgħat tiegħu jekk jidhirlu li dan ikun xieraq.

4.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jafda lil membru tal-persunal biex iwettaq il-funzjoni segretarjali tal-Kumitat għall-Etika.

5.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jkollu aċċess għal membri tal-maniġment u l-persunal kif ukoll għal dokumenti u informazzjoni li jeħtieġ sabiex iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet

1.   Meta jkun ipprovdut espliċitament f'atti legali adottati mill-BĊE jew f'regoli dwar l-etika adottati mill-korpi involuti fil-proċessi tiegħu għat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-Kumitat għall-Etika għandu jipprovdi pariri dwar kwistjonijiet ta' etika fuq il-bażi ta' talbiet individwali.

2.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jassumi r-responsabbiltajiet assenjati lill-Konsulent għall-Etika maħtur taħt il-Kodiċi tal-Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv u r-responsabbiltajiet assenjati lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE taħt il-Kriterji Supplimentari tal-Kodiċi tal-Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv.

3.   Sabiex jassisti lill-Kumitat tal-Verifika biex iwettaq il-valutazzjoni tiegħu tal-adegwatezza ġenerali tal-qafas ta' konformità tal-BĊE, tas-SEBĊ, tal-Eurosistema u tal-MSU, u tal-effettività tal-proċessi għall-monitoraġġ tal-konformità, il-Kumitat għall-Etika għandu jirrapporta lill-Kumitat tal-Verifika fuq il-parir li jkun ipprovda u l-grad safejn dak il-parir ikun ġie implimentat.

4.   Il-Kumitat għall-Etika għandu jirrapporta annwalment lill-Kunsill Governattiv dwar il-ħidma li tkun saret. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Etika għandu jirrapporta lill-Kunsill Governattiv kull meta jidhirlu li dan ikun xieraq u/jew ikun meħtieġ li jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu.

5.   Minbarra r-responsabbiltajiet stipulati f'dan l-Artikolu, il-Kumitat għall-Etika jista' jwettaq attivitajiet oħrajn relatati ma' dan il-mandat, jekk jintalab jagħmel hekk mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-parir

Id-destinatarji tal-parir tal-Kumitat għall-Etika għandhom jinfurmaw lill-Kumitat għall-Etika dwar l-implimentazzjoni tal-parir tal-Kumitat għall-Etika.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9.

(3)  ĠU C 104, 23.4.2010, p. 8.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).


Fuq