EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015D0006

Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 10 ta' Frar 2015 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6)

ĠU L 53, 25.2.2015, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 28/06/2016; Imħassar b' 32016D0018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/300/oj

25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/29


DEĊIŻJONI (UE) 2015/300 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Frar 2015

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1), u b'mod partikolari t-Taqsima 1.6 u t-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.2 u 6.4.2 tal-Anness I tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikoli 6 u 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kriterji standard li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stipulati fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema. Bis-saħħa tat-Taqsima 6.3.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew garanti jissodisfax r-rekwiżiti tagħha għal standards għoljin fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li hija tista' tqis relevanti. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi ta' kwalità tal-kreditu huma speċifikati fir-regoli tal-Eurosistema dwar il-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu għal assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(3)

Is-sospensjoni tar-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, li ġew deċiżi inizjalment mill-Kunsill Governattiv fis-6 ta' Mejju 2010, kienet miżura eċċezzjonali u temporanja li kienet ibbażata fuq valutazzjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv tal-konformità ma' programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali. F'dak iż-żmien, il-Kunsill Governattiv kien ikkunsidra l-fatt li r-Repubblika Ellenika kienet approvat programm li l-Kunsill Governattiv qies li kien xieraq, sabiex, minn perspettiva ta' ġestjoni tar-riskju ta' kreditu, l-istrumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa mir-Repubblika Ellenika jżommu standard ta' kwalità suffiċjenti sabiex ikomplu jkunu eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta' kreditu esterna. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv qies l-impenn qawwi tal-Gvern Grieg biex jimplimenta bis-sħiħ dak il-programm (3).

(4)

Skont l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, il-limiti minimi tal-kwalità kreditizja tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali, ħlief jekk il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi illi l-Istat Membru rispettiv ma għadux jikkonforma mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku tiegħu. Taħt l-Artikolu 1(3) tal-istess Linja Gwida, ir-Repubblika Ellenika hija, għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 ta' dik il-Linja Gwida, meqjusa bħala Stat Membru taż-żona tal-euro li jikkonforma ma' programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali.

(5)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kunsill Governattiv għamel valutazzjoni, skont liema preżentament ma huwiex possibbli li wieħed jassumi li ġiet konkluża b'suċċess ir-reviżjoni tal-programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika m'għadhiex titqies li hija konformi mal-kundizzjonalità tal-programm u, bħala riżultat ta' dan, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni temporanja tal-limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu tal-Eurosistema, kif stipulati fl-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, m'għadhomx issodisfati. Bħala konsegwenza, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tkompli titqies li hija konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stipulati fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal ċerti assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom japplikaw f'każ ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

3.   F'każ ta' diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni, il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-11 ta' Frar 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  Ara l-Premessa 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/3 tas-6 ta' Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 102).


Fuq