EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0004(01)

2014/427/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 6 ta' Frar 2014 dwar il-ħatra ta' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju (BĊE/2014/4)

ĠU L 196, 3.7.2014, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/427/oj

3.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/38


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta' Frar 2014

dwar il-ħatra ta' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju

(BĊE/2014/4)

(2014/427/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(1)), (2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 13b.6. tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar erba' rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-Bord Superviżorju, li l-ebda wieħed minnhom ma għandu jwettaq dmirijiet relatati direttament mal-funzjoni monetarja tal-BĊE.

(2)

Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-ħatriet tar-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki.

(3)

Huwa neċessarju li r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiġi kkumplimentat fir-rigward tal-proċedura għall-ħatra tal-erba' rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għat-tneħħija tagħhom u l-kundizzjonijiet li japplikaw lill-persuni li jinħatru f'dawn il-pożizzjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ħatra ta' rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju

1.   L-erba' rappreżentanti tal-BĊE għandhom jinħatru fil-Bord Superviżorju minn fost persuni ta' pożizzjoni rikonoxxuta u esperjenza fil-qasam bankarju u finanzjarju.

2.   Il-mandat tagħhom għandu jkun ta' ħames snin u m'għandux ikun jista' jiġġedded. Permezz ta' deroga minn din ir-regola, il-mandat tal-ewwel erba' rappreżentanti tal-BĊE għandu jkun ta' bejn tlieta u ħames snin għall-ħatra inizjali.

3.   It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-erba' rappreżentanti tal-BĊE, b'mod partikolari s-salarju, il-pensjoni u benefiċċji soċjali oħra tagħhom, għandhom ikunu is-suġġett ta' kuntratt mal-BĊE u għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.

4.   Ir-rappreżentanti tal-BĊE għandhom jaqdu dmirijiethom fuq bażi full-time jew part-time, skont it-termini u l-kundizzjonijiet fil-kuntratti tagħhom mal-BĊE. Huma ma għandhomx ikunu impjegati f'xi xogħol, kemm bi qliegħ jew le, ħlief jekk ikunu awtorizzati mill-Kunsill Governattiv. Ma tista' tingħata ebda awtorizzazzjoni għal attivitajiet li jistgħu jwasslu għal, jew jidhru li jwasslu għal, kunflitt ta' interess mal-pożizzjonijiet tagħhom bħala membri tal-Bord Superviżorju. B'mod partikolari, huma ma għandhomx iwettqu xi dmir għal awtorità nazzjonali kompetenti kif definita fl-Artikolu 2 ta' Regolament (UE) Nru 1024/2013.

5.   Jekk rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew dmirijietha, jew ikunu nstabu ħatja ta' mġiba skorretta serja, il-Kunsill Governattiv jista', fuq applikazzjoni tal-Bord Eżekuttiv u wara li jkun semagħhom, jiddeċiedi li jneħħihom mill-kariga.

6.   Kull post vakanti għall-pożizzjoni ta' rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandu jimtela bil-ħatra ta' rappreżentant ġdid skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Frar 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta' Frar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.


Fuq