Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014Q0621(01)
Rules of procedure of the Supervisory Board of the European Central Bank
Ir-Regoli tal-proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew
Ir-Regoli tal-proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew
ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 27/07/2020
21.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 182/56 |
IR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-BORD SUPERVIŻORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
IL-BORD SUPERVIŻORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b'mod partikoli l-Artikolu 19 tagħha,
ADOTTA DAWN IR-REGOLI TAL-PROĊEDURA:
KAPITOLU PRELIMINARI
Artikolu 1
Natura supplimentari
Dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jissupplimentaw ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. It-termini użati f'dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fir-regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.
KAPITOLU I
IL-BORD SUPERVIŻORJU
Artikolu 2
Laqgħat tal-Bord Superviżorju
2.1. Il-Bord Superviżorju għandu jidddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta mill-President. Il-Bord Superviżorju għandu, fil-prinċipju, jiltaqa' regolarment skont skeda li huwa għandu jiddeċiedi fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta' kull sena kalendarja.
2.2. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-Bord Superviżorju jekk tiġi ppreżentata talba biex issir laqgħa minn tal-inqas tlieta mill-membri tiegħu.
2.3. Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Bord Superviżorju kull meta huwa jidhirlu li dan ikun meħtieġ. F'dawn il-każijiet, dan għandu jiġi speċifikat fin-nota ta' trasmissjoni.
2.4. Fuq talba tal-President, id-deliberazzjonijiet tal-Bord Superviżorju jistgħu jsiru wkoll permezz ta' telekonferenza, ħlief jekk issir oġġezzjoni minn tal-inqas tliet membri tal-Bord Superviżorju.
Artikolu 3
Attendenza għal-laqgħat tal-Bord Superviżorju
3.1. Ħlief kif ipprovdut f'dawn ir-Regoli, l-attendenza għal-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandha tkun ristretta għall-membri tiegħu u, meta l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx il-bank ċentrali nazzjonali, għar-rappreżentant tal-bank ċentrali nazzjonali.
3.2. Kull rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti jista' normalment ikun akkumpanjat minn persuna waħda. Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx il-bank ċentrali nazzjonali, dan il-paragrafu għandu japplika għar-rappreżentant li jkollu d-dritt tal-vot. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll f'każ ta' attendenza minn supplent, kif ipprovdut fl-Artikolu 3.3.
3.3. Jekk rappreżentant ta' awtorità nazzjonali kompetenti jew, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx il-bank ċentrali nazzjonali, rappreżentant tal-bank ċentrali nazzjonali, ma jkunx jista' jattendi, huwa għandu jaħtar supplent bil-miktub biex jattendi u juża d-dritt tal-vot tiegħu kif applikabbli, ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor fil-komunikazzjoni bil-miktub. Din il-komunikazzjoni bil-miktub għandha tintbagħat lill-President f'ħin bizzejjed qabel il-laqgħa.
3.4. Fin-nuqqas kemm tal-President kif ukoll tal-Viċi President, il-Bord Superviżorju għandu jkun ippresedut mill-aktar membru anzjan tal-Bord Superviżorju, fl-ewwel lok skont kemm ikun ilu membru, u skont l-età f'każ fejn żewġ membri jew aktar ikun ilhom membri għall-istess tul ta' żmien.
3.5. Fuq stedina mill-President, rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea u/jew rappreżentant tal-Awtorità Bankarja Ewropea jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat bħala osservaturi. Il-President għandu jistieden lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea jekk talba għal tali stedina tiġi ppreżentata minn tal-inqas tliet membri tal-Bord Superviżorju. B'applikazzjoni tal-istess regoli, il-Bord Superviżorju jista' jistieden ukoll lil persuni oħrajn biex jattendu għal-laqgħat tiegħu jekk jidhirlu li huwa xieraq li jsir dan.
Artikolu 4
Organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Bord Ġenerali
4.1. Il-Bord Superviżorju għandu jadotta l-aġenda għal kull laqgħa. Aġenda provizorja għandha titħejja mill-President u għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti relatati, lill-membri tal-Bord Superviżorju tal-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa relevanti, ħlief f'każijiet ta' emerġenza, f'liema kaz il-President għandu jaġixxi kif ikun xieraq skont iċ-ċirkostanzi. Il-Bord Superviżorju jista' jiddeċiedi li jneħħi jew iżid punti mal-aġenda provviżorja fuq proposta mill-President jew minn kwalunkwe membru ieħor tal-Bord Superviżorju. Ħlief f'każ ta' emerġenzi, punt għandu jitneħħa mill-aġenda provviżorja fuq talba ta' mill-anqas tliet membri tal-Bord Superviżorju jekk id-dokumenti relatati ma jkunux ġew ippreżentati lill-membri tal-Bord Superviżorju fil-ħin.
4.2. Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju għandhom jiġi ppreżentati għall-approvazzjoni mill-membri tiegħu fil-laqgħa ta' wara (jew jekk meħtieġ qabel permezz ta' proċedura bil-miktub) u għandhom ikunu ffirmati mill-President.
Artikolu 5
Aċċess għall-informazzjoni
Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju għandhom ikollhom aċċess regolari għal informazzjoni aġġornata dwar l-istituzzjonijiet meqjusin bħala sinifikanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. L-informazzjoni disponibbli lill-membri tal-Bord Superviżorju għandha tinkludi partiti ta' informazzjoni ewlenin li jippermettu għarfien tajjeb ta' dawn l-istituzzjonijiet. Il-Bord Superviżorju jista' jadotta mudelli interni għall-iskambju ta' informazzjoni għal dan l-iskop.
Artikolu 6
Votazzjoni
6.1. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ta' kull Stat Membru parteċipanti għandhom jitqiesu flimkien bħala membru wieħed.
6.2. Ħlief jekk ikun indikat espressament mod ieħor bil-miktub mill-awtorità nazzjonali kompetenti, id-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat mir-rappreżentant tal-awtorità kompetenti nazzjonali jew is-supplent tiegħu skont l-Artikolu 3.3.
6.3. Sabiex ikun jista' jittieħed vot fi ħdan il-Panel ta' Medjazzjoni, għandu jkun hemm kworum ta' zewġ terzi tal-membri tiegħu. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha l-membri jistgħu jivvutaw mingħajr ma jitqies il-kworum.
6.4. Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jipproċedi biex jivvota fuq talba tal-President. Il-President għandu jagħti bidu wkoll għal proċedura ta' votazzjoni fuq talba minn tliet membri tal-Panel ta' Medjazzjoni.
6.5. Ħlief fejn jipprovdi mod ieħor ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Superviżorju għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu li jkollhom dritt ta' vot. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. F'każ ta' parità, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, japplikaw ir-regoli tal-votazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13c tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.
6.6. Il-President jista' jibda votazzjoni sigrieta jekk jintalab jagħmel hekk minn tal-inqas tliet membri tal-Bord Superviżorju li jkollhom dritt għal vot.
6.7. Il-votazzjoni tista' ssir ukoll bi proċedura bil-miktub, sakemm ma joġġezzjonawx tal-inqas tliet membri tal-Bord Superviżorju li jkollhom dritt għal vot. F'dak il-każ, il-punt għandu jitpoġġa fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Bord Superviżorju. Proċedura bil-miktub normalment tkun tirrikjedi mhux inqas minn ħamest ijiem tax-xogħol għall-kunsiderazzjoni minn kull membru tal-Bord Superviżorju u rekord ta' tali deliberazzjonijiet fil-proċedimenti tal-laqgħa sussegwenti tal-Bord Superviżorju. In-nuqqas ta' vot espliċitu minn membru tal-Bord Superviżorju fi proċedura bil-miktub għandu jitqies bħala approvazzjoni.
Artikolu 7
Emerġenzi
7.1. F'każijiet ta' emerġenza, il-President jew, fin-nuqqas tiegħu jew tagħha, il-Viċi President, għandu jlaqqa' l-Bord Superviżorju fil-ħin biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, kif ikun xieraq anki permezz ta' telekonferenzi b'deroga mill-Artikolu 2.4. Meta jsejjaħ laqgħa bħal din, il-President jew, fin-nuqqas tiegħu jew tagħha, il-Viċi President għandu jagħmilha ċara fl-ittra ta' stedina li, b'deroga mill-Artikolu 6.3, jekk kworum ta' 50 % għal deċiżjonijiet ta' emerġenza ma jintlaħaqx, il-laqgħa tiġi xolta u minnufih wara tinfetaħ laqgħa straordinarja fejn id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-kworum.
7.2. Il-Bord Superviżorju jista' jistabbilixxi iktar regoli interni fuq l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u miżuri oħrajn f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.
Artikolu 8
Delega ta' poter
8.1. Il-Bord Superviżorju jista' jawtorizza lill-President jew lill-Viċi President biex jieħu f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, miżuri ta' maniġment jew amministrattivi ddefiniti sew, inkluż l-użu ta' strumenti bi tħejjija għal deċiżjoni li għandha titieħed kollettivament mill-membri tal-Bord Superviżorju f'xi żmien wara u l-istrumenti li jimplimentaw id-deċiżjonijiet finali meħudin mill-Bord Superviżorju.
8.2. Il-Bord Superviżorju jista' jitlob wkoll lill-President jew lill-Viċi President biex jadotta (i) it-test definittiv ta' kwalunkwe strument kif iddefinit fl-Artikolu 8.1 bil-kundizzjoni li s-sustanza ta' tali strument tkun diġà ġiet iddeterminata fid-diskussjoni, u/jew (ii) deċiżjonijiet finali, fejn tali delega tinvolvi poteri eżekuttivi limitati u ddefiniti b'mod ċar, li l-eżerċizzju tagħhom huwa suġġett għal rieżami strett fid-dawl tal-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Bord Superviżorju.
8.3. Id-delegi u d-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 8.1 u 8.2 għandhom jiġu rrekordjati fil-proċedimenti tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju.
KAPITOLU II
KUMITAT TA' TMEXXIJA
Artikolu 9
Il-Kumitat ta' Tmexxija
Qiegħed jiġi stabbilit Bord Superviżorju skont l-Artikolu 26(10) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
Artikolu 10
Mandat
10.1. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jappoġġa l-attivitajiet tal-Bord Superviżorju u għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju.
10.2. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jeżegwixxi l-kompiti preparatorji tiegħu fl-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali u għandu jaħdem fi trasparenza sħiħa mal-Bord Superviżorju.
Artikolu 11
Kompożizzjoni u ħatra ta' membri
11.1. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun kompost minn tmien membri tal-Bord Superviżorju: il-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju, rappreżentant wieħed tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u ħames rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
11.2. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-President tal-Bord Superviżorju jew, fin-nuqqas eċċezzjonali tal-President, mill-Viċi President.
11.3. Il-Bord Superviżorju għandu jaħtar ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust u rotazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Bord Superviżorju għandu jsegwi sistema ta' rotazzjoni li biha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu allokati lil erba' gruppi, skont klassifikazzjoni bbażata fuq assi totali bankarji kkonsolidati fl-Istat Membru parteċipanti rilevanti. Kull grupp għandu jkollu minimu ta' membru wieħed fuq il-Kumitat ta' Tmexxija. Il-Bord Superviżorju għandu jirrieżamina dawn il-gruppi fuq bażi annwali jew kull meta Stat Membru jadotta l-euro jew jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Ir-rotazzjoni tal-membri fi ħdan kull grupp għandha ssegwi l-ordni alfabetika tal-ismijiet tal-Istati Membri parteċipanti fl-ilsna nazzjonali tagħhom. Il-klassifikazzjoni tal-awtoritjaiet nazzjonali kompetenti fi gruppi u l-għoti ta' siġġijiet fil-Kumitat ta' Tmexxija lill-gruppi huma stabbiliti fl-Anness.
11.4. Il-mandat tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala membri tal-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun ta' sena.
11.5. Il-President għandu jaħtar ir-rappreżentanti tal-BĊE fil-Kumitat ta' Tmexxija minn fost l-erba' rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord Superviżorju u jiddetermina l-mandat rispettiv tagħhom.
11.6. Il-lista ta' membri tal-Kumitat ta' Tmexxija għandha tiġi ppubblikata u aġġornata regolarment.
Artikolu 12
Laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija
12.1. Id-dati tal-laqgħat għandhom jiġu deċiżi mill-Kumitat ta' Tmexxija fuq proposta mill-President. Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Bord Superviżorju kull meta huwa jidhirlu li dan ikun meħtieġ. Fuq talba tal-President, il-Kumitat tat-Tmexxija jista' jiltaqa' wkoll permezz ta' telekonferenzi, sakemm tal-inqas żewġ membri tal-Kumitat tat-Tmexxija ma joġġezzjonawx.
12.2. L-aġenda għal kull laqgħa tal-Kumitat tat-Tmexxija għandha tiġi proposta mill-President u adottata fil-bidu tal-laqgħa mill-Kumitat ta' Tmexxija. Il-Membri kollha tal-Kumitat ta' Tmexxija jistgħu jipproponu punti u dokumenti lill-President għall-kunsiderazzjoni mill-Kumitat ta' Tmexxija.
12.3. L-aġenda ta' kwalunkwe laqgħa tal-Bord ta' Tmexxija għandha tkun disponibbli qabel tali laqgħa għall-membri kollha tal-Bord Superviżorju. Il-minuti ta' kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom ikunu disponibbli lill-membri kollha tal-Bord Superviżorju qabel il-laqgħa sussegwenti tal-Bord Superviżorju.
12.4. Fuq proposta mill-President, il-Kumitat ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jistieden membru wieħed jew iżjed mill-membri l-oħra tal-Bord Superviżorju biex jattendu laqgħa tiegħu sħiħa jew parti minnha. Meta jiġu diskussi kwistjonijiet speċifiċi relatati ma' istituzzjoni ta' kreditu individwali, għandu jiġi mistieden ir-rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tinsab dik l-istituzzjoni ta' kreditu.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' April 2014.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Marzu 2014.
Il-President tal-Bord Superviżorju
Danièle NOUY
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.
ANNESS
SISTEMA TA' ROTAZZJONI
Għall-finijiet tal-Artikolu 11.3, is-sistema ta' rotazzjoni li ġejja għandha tapplika, fuq il-bażi tad-dejta sal-31 ta' Diċembru 2012:
Grupp |
Stat Membru |
Numru ta' siġġijiet fil-Kumitat ta' Tmexxija |
1 |
DE |
1 |
FR |
||
2 |
ES |
1 |
IT |
||
NL |
||
3 |
BE |
2 |
IE |
||
EL |
||
LU |
||
AT |
||
PT |
||
FI |
||
4 |
EE |
1 |
CY |
||
LV |
||
MT |
||
SI |
||
SK |