EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0023(01)

2014/337/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2014 dwar i-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta riżervi (BĊE/2014/23)

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 115–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 29/10/2019; Imħassar b' 32019D0031

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/337/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/115


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Ġunju 2014

dwar i-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta riżervi

(BĊE/2014/23)

(2014/337/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artiklu 3.1, u l-Artikli 17, 18 u 22 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċeduri tal-Eurosistema (1),

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (2),

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 Ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi minn żmien għal żmien li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija.

(2)

F'każ ta' tnaqqis tar-rata ta' faċilità ta' depożitu, jenħtieġ li r-regoli għar-remunerazzjoni tad-depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta' riżervi fil-Linji Gwida BĊE/2011/14, BĊE/2012/27 u BĊE/2014/9 jiġu aġġustati f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Remunerazzjoni ta' depożiti

“Remunerazzjoni” fid-dispożizzjonijiet ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14fir-rigward tal-ġbir ta' depożiti b'terminu fiss u tal-faċilità ta' depożitu tista' tkun: b'rata ta' mgħax pożittiva; (b) b'rata ta' mgħax ta' żero fil-mija, jew (c) b'rata ta' mgħax negattiva. Rata ta' mgħax negattiva tinvolvi obbligu ta' ħlas mnid-detentur tad-depożitu lill-bank ċentrali kkonċernat tal-Eurosistema inkluż id-dritt ta' dak il-bank ċentrali tal-Eurosistema li jiddebita l-kont tal-kontroparti f'dan is-sens.

Artikolu 2

Remunerazzjoni ta' holdings ta' eċċess ta' riżervi

Holdings ta' riżervi li jeċċedu r-riżervi minimi meħtieġa għandhom ikunu remunerati b'żero fil-mija jew bir-rata ta' faċilità ta' depożitu, hi liema hi l-aktar baxxa.

Artikolu 3

Remunerazzjoni ta' bilanċi fit-TARGET2

Kontijiet tal-Modulu tal-Ħlasijiet u s-subkontijiet tagħhom għandhom jew ikunu remunerati b'żero fil-mija jew bir-rata ta' faċilità ta' depożitu, hi liema hi l-aktar baxxa, ħlief jekk jintużaw biex iżommu r-riżervi minimi meħtieġa.

Artikolu 4

Remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern

1.   Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, l-ammont totali ta' depożiti ta' matul il-lejl u b'terminu fiss tal-gvernijiet kollha ma' BĊN li jaqbeż l-ogħla bejn: (a) EUR 200 miljun; jew (b) 0,04 % tal-prodott domestiku gross tal-Istat Membru fejn il-BĊN ikun domiċiljat, għandu jkun remunerat b'rata ta' mgħax ta' żero fil-mija. Jekk ir-rata ta' faċilità ta' depożitu f'dan il-jum tkun negattiva, għandha tapplika rata ta' mgħax li m'għandhiex tkun ogħla mir-rata ta' faċilità ta' depożitu. Rata ta' mgħax negattiva tinvolvi obbligu ta' ħlas lill-BĊN ikkonċernat mid-detentur tad-depożitu, inkluż id-dritt ta' dak il-BĊN li jiddebita l-kont tad-depożitu tal-gvern ikkonċernat f'dan is-sens.

2.   Paragrafu 1 għandu (a) japplika biss ladarba l-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li jbaxxi r-rata ta' faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija, u (b) jinqara flimkien mal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 11 tal-Linja Gwida BĊE/2014/9, bil-patt li dak l-Artikolu 11 tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 japplika biss għall-bilanċ pendenti u l-maturità applikabbli rimanenti ta' depożiti b'terminu fiss miżmumin mal-BĊNi fil-jum tal-kalendarju qabel il-jum li fih il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li jbaxxi r-rata tal-faċilità ta' depożitu għal anqas minn żero fil-mija.

3.   Id-depożiti tal-gvern relatati mal-Unjoni Ewropea/il-Fond Monetarju Internazzjonali u programmi ta' appoġġ finanzjarju oħrajn paragunabbli li jinżammu f'kontijiet mal-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għar-rati ta' remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Linja Gwida BĊE/2014/9 jew remunerati b'rata ta' żero fil-mija, irrispettivament minn liema waħda hija l-oġħla, iżda ma għandhomx jgħoddu għall-ammont limitu msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Remunerazzjoni ta' xi depożiti miżmumin għand il-BĊE

Kontijiet miużmumin għand il-BĊE skont id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 (4), id-Deċiżjoni BĊE/2010/31 (5) u d-Deċiżjoni BĊE/2010/17 (6) għandhom jibqgħu jiġu remunerati bir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Madankollu, meta jkun meħtieġ li d-depożiti jinżammu f'dawk il-kontijiet qabel id-data li fiha jrid isir ħlas skont ir-regoli legali jew kuntrattwali applikabbli għall-faċilità kkonċernata, dawn id-depożiti għandhom jiġu remunerati matul dan il-perijodu bikri fil-faċilità ta' depożitu jew bir-rata ta' żero fil-mija, irrispettivament minn liema waħda hija l-ogħla.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56.

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 tas-7 ta' Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self u tislif li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35).

(5)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/31 tal-20 ta' Diċembru 2010 li tikkonċerna l-ftuħ ta' kontijiet għall-ipproċessar ta' ħlasijiet b'rabta ma' self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 10, 14.1.2011, p. 7).

(6)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/17 tal-14 ta' Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self lil u mill-Unjoni konklużi taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 275, 20.10.2010, p. 10).


Fuq