EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015Y0221(02)

Ftehim tal- 31 ta' Diċembru 2014 bejn Lietuvos bankas u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Lietuvos bankas mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

ĠU C 64, 21.2.2015, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

21.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/5


FTEHIM

tal-31 ta' Diċembru 2014

bejn Lietuvos bankas u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Lietuvos bankas mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

(2015/C 64/02)

LIETUVOS BANKAS U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Diċembru 2014 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin u kontribuzzjonijiet minn Lietuvos bankas lejn ir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/61) (1), l-ammont aggregat ekwivalenti f’euro ta’ assi ta’ riżervi barranin illi Lietuvos bankas huwa meħtieġ jittrasferixxi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) huwa EUR 338 656 541,82.

(2)

Skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 il-BĊE huwa meħtieġ li jikkredita lil Lietuvos bankas bi klejm iddenominata f'euro ekwivalenti għall-ammont aggregat iddenominat f'euro tal-kontribuzzjoni ta’ Lietuvos bankas ta’ assi ta’ riżervi barranin, suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-BĊE u Lietuvos bankas jaqblu illi jistabbilixxu l-klejm ta’ Lietuvos bankas għal EUR 239 453 709,58 sabiex jiżguraw illi l-proporzjon bejn l-ammont f’euro tal-klejm ta’ Lietuvos bankas u l-ammont aggregat f’euro tal-klejms ikkreditati lill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi l-oħra”) ikun ugwali għall-proporzjon bejn l-ippeżar ta’ Lietuvos bankas fl-iskema tal-kapital tal-BĊE u l-ippeżar totali tal-BĊNi l-oħra f’din l-iskema.

(3)

Id-differenza bejn l-ammonti msemmija fil-premessi 1 u 2 tirriżulta minn: (a) l-applikazzjoni lill-valur ta’ assi ta' riżervi barranin diġà ttrasferiti minn Lietuvos bankas skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ tar-“rati tal-kambju kurrenti” msemmija fl-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u (b) l-effett fuq il-klejms skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ miżmumin mill-BĊNi tal-aġġustamenti tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2004, l-1 ta’ Jannar 2009 u l-1 ta’ Jannar 2014 skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Mejju 2004, fl-1 ta’ Jannar 2007 u fl-1 ta’ Lulju 2013 skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(4)

Minħabba d-differenza hawn fuq imsemmija, il-BĊE u Lietuvos bankas jaqblu illi l-klejm ta’ Lietuvos bankas tista' titnaqqas billi jiġi paċut kontriha l-ammont li Lietuvos bankas huwa mitlub jikkontribwixxi għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), f'każ li l-klejm ta’ Lietuvos bankas tkun akbar mill-ammont ta' EUR 239 453 709,58.

(5)

Il-BĊE u Lietuvos bankas għandhom jaqblu dwar modalitajet oħrajn sabex tiġi kkreditata l-klejm ta’ Lietuvos bankas, billi jiġi kkunsidrat illi, skont iċ-ċaqlieq fil-kambju barrani, jista' jkun neċessarju illi tiżdied aktar milli titnaqqas il-klejm għall-ammont imsemmi fil-premessa 2.

(6)

Il-Kunsill Governattiv approva d-dħul tal-BĊE f’dan il-Ftehim, li jikkonċerna deċiżjoni li għandha tittieħed taħt l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-SEBĊ, skont l-Artikolu 10.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-proċedura speċifikata fih,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Proċedura sabiex tiġi kkreditata l-klejm ta’ Lietuvos bankas

1.   Jekk l-ammont tal-klejm li l-BĊE huwa mitlub jikkredita lil Lietuvos bankas skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61) (minn hawn 'il quddiem il-“klejm”) ikun akbar minn EUR 239 453 709,58 f'xi waħda mid-dati ta' saldu li fiha l-BĊE jirċìevi assi ta’ riżervi barranin mingħand Lietuvos bankas skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas b’effett minn dik id-data għal EUR 239 453 709,58. Dan it-tnaqqis għandu jsir billi l-klejm tiġi paċuta kontra l-ammont li Lietuvos bankas huwa mitlub jikkontribwixxi għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61). L-ammont paċut għandu jiġi ttrattat bħala kontribuzzjoni bil-quddiem għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), li għandha titqies li saret fid-data li fiha isseħħ it-tpaċija.

2.   Jekk l-ammont mitlub bħala kontribuzzjoni minn Lietuvos bankas għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61) ikun inqas mid-differenza bejn l-ammont tal-klejm ta' Lietuvos bankas u EUR 239 453 709,58, l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas għal EUR 239 453 709,58: (a) billi ssir tpaċija skont il-paragrafu 1 hawn fuq; u (b) billi l-BĊE jħallas lil Lietuvos bankas ammont f’euro ekwivalenti għall-ammont nieqes li jifdal wara dik it-tpaċija. Kull ammont li għandu jitħallas mill-BĊE skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut fl-1 ta' Jannar 2015. Il-BĊE għandu, fiż-żmien propizju, jagħti struzzjonijiet għat-trasferiment ta' dak l-ammont, u ta' imgħax akkumulat nett fuq dan, permezz tat-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2). L-imgħax akkumulat għandu jinħadem fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq għadd ta' 360 jum b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

3.   Jekk l-ammont tal-klejm ta’ Lietuvos bankas ikun anqas minn EUR 239 453 709,58 fid-data finali li fiha l-BĊE jirċievi assi ta’ riservi barranin mingħand Lietuvos bankas skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), l-ammont tal-klejm imbagħad jiżdied f'dik id-data għal EUR 239 453 709,58 u Lietuvos bankas għandu jħallas lill-BĊE ammont f’euro li huwa ekwivalenti għad-differenza. Kull ammont li għandu jitħallas minn Lietuvos bankas skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-1 ta' Jannar 2015, u għandu jitħallas fid-data finali meta l-BĊE jirċievi assi ta' riżervi barranin skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015.

2.   Dan il-Ftehim għandu jitħejja f’żewġ kopji oriġinali bl-Ingliż debitament iffirmati. Il-BĊE u Lietuvos bankas għandhom iżommu kopja oriġinali kull wieħed.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Diċembru 2014.

Għal Lietuvos bankas

Vitas VASILIAUSKAS

Gvernatur

Għall-Bank Ċentrali Ewropew

Mario DRAGHI

President


(1)  ĠU L 50, 21.2.2015, p. 44.


Fuq