EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014O0046

2014/870/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta' Novembru 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2014/46)

ĠU L 348, 4.12.2014, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/870/oj

4.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/27


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta' Novembru 2014

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9

(BĊE/2014/46)

(2014/870/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 12.1, 14.3, 18.1 u 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-Linja Gwida BĊE/2014/31 (1), ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli ta' qafas tal-Eurosistema dwar il-valutazzjoni tal-kreditu għal assi kummerċjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja ta Gwida BĊE/2011/14 (2), ma japplikawx għal strumenti ta' dejn kummerċjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro, sakemm jikkonformaw ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

(2)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li r-Repubblika Ellenika hija konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Strumenti ta dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li jissodisfaw il-kriterji l-oħrajn kollha ta' eliġibbiltà b'hekk jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet ta' operazzjonijiet ta kreditu tal-Eurosistema, soġġett għal skeda speċifika ta' haircut.

(3)

Fid-dawl tat-titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq għal assi negozjabbli Griegi, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jirrevedi l-iskeda tal-haircut applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Din l-iskeda hija stabbilita fil-Linja Gwida BĊE/2014/31.

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2014/31 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi għall-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2014/31

L-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa ssostitwit bl-Anness għal din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ, implimentazzjoni u applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-15 ta' Diċembru 2014. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-10 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).

(2)  Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).


ANNESS

L-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa sostitwit minn dan li ġej:

“ANNESS I

Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika

Bonds tal-Gvern Grieg (GGBs — Greek Government bonds)

Maturità residwa (snin)

Kupun b'rata fissa u varjabbli

Kupun żero

0-1

6,5

6,5

1-3

11,0

12,0

3-5

16,5

18,0

5-7

23,0

26,0

7-10

34,0

39,5

> 10

40,0

52,5

Bonds ta' bank iggarantiti minn Gvern (GGBBs) u bonds korporattivi mhux finanzjarji ggarantiti minn gvern

Maturità residwa (snin)

Kupun b'rata fissa u varjabbli

Kupun żero

0-1

13,5

14,0

1-3

19,0

20,0

3-5

24,5

26,5

5-7

31,5

35,0

7-10

43,5

49,5

> 10

50,0

62,0”


Fuq