EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32012D0032(01)
2012/839/EU: Decision of the European Central Bank of 19 December 2012 on temporary measures relating to the eligibility of marketable debt instruments issued or fully guaranteed by the Hellenic Republic (ECB/2012/32)
2012/839/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2012/32)
2012/839/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2012/32)
ĠU L 359, 29.12.2012, p. 74–76
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/05/2013; Imħassar b' 32013D0005(01)
29.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 359/74 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-19 ta’ Diċembru 2012
dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika
(BĊE/2012/32)
(2012/839/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikoli 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1,
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1), u b’mod partikolari t-Taqsima 1.6 u t-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.2 u 6.4.2 ta’ Anness I tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet tal-operazzonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti f'Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. |
(2) |
Skont it-Taqsima 1.6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għall-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards għoljin abbażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tqis bħala relevanti. |
(3) |
Id- Deċiżjoni BĊE/2012/3 tal-5 ta’ Marzu 2012 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika (2) issospendiet b’mod temporanju r-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, u ddikjarathom eliġibbli għad-dewmien tat-tisħiħ tal-kollateral mogħti mir-Repubblika Ellenika lill-BĊNi. Mat-terminazzjoni tat-tisħiħ tal-kollateral, peress illi dak iż-żmien l-adegwatezza bħala kollateral ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika ma’ kenitx żgurata, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/14 (3) li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/3 b’effett mil-25 ta’ Lulju 2012, biex b’hekk għamel lil dawn l-istrumenti ineliġibbli. |
(4) |
Il-Kunsill Governattiv issa kkunsidra l-evalwazzjoni pożittiva tal-pakkett politiku mill-Grupp tal-euro għall-ewwel rieżami tat-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja. |
(5) |
Il-Kunsill Governattiv iqis illi dan il-pakkett politiku huwa wieħed xieraq, biex l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika jkollhom standard ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-eliġibbiltà tagħhom bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn xi valutazzjoni tal-kreditu esterna. |
(6) |
Il-Kunsill Governattiv għalhekk iddeċieda illi jrodd l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, suġġett għall-applikazzjoni ta’ telf impost speċifiku għal strumenti li huma differenti minn dawn li għalihom hemm provvediment f’Taqsima 6.4.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. |
(7) |
Din il-miżura eċċezzjonali ser tapplika b’mod temporanju sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi tista’ terġa' tiddaħħal l-applikazzjoni normali tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema u l-qafas għall-kontroll tar-riskju għal operazzjonijiet tal-politika monetarja, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida BĊE/2012/14 u l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika
1. Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għall-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal ċerti assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 għandha tiġi sospiża għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.
2. Strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjoniiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, suġġett għall-applikazzjoni ta’ telf impost speċifiku stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
3. F’każ ta’ diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2012.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.
(2) ĠU L 77, 16.3.2012, p. 19.
(3) ĠU L 199, 26.7.2012, p. 26.
ANNESS
Skeda ta’ tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika
Bonds tal-Gvern Grieg (GGBs – Greek Government bonds) |
Maturity bucket |
Telf impost għal kupuni fissi u floaters |
Telf impost għal kupuni zero |
0-1 |
15,0 |
15,0 |
|
1-3 |
33,0 |
35,5 |
|
3-5 |
45,0 |
48,5 |
|
5-7 |
54,0 |
58,5 |
|
7-10 |
56,0 |
62,0 |
|
> 10 |
57,0 |
71,0 |
|
Government-guaranteed bank bonds (GGBBs) u bonds ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji ggarantiti mill-gvern |
Maturity bucket |
Telf impost għal kupuni fissi u floaters |
Telf impost għal kupuni zero |
0-1 |
23,0 |
23,0 |
|
1-3 |
42,5 |
45,0 |
|
3-5 |
55,5 |
59,0 |
|
5-7 |
64,5 |
69,5 |
|
7-10 |
67,0 |
72,5 |
|
> 10 |
67,5 |
81,0 |