Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011D0025

    2011/870/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2011/25)

    ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 13/09/2012; Imħassar b' 32012D0017(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/870/oj

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 341/65


    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-14 ta’ Diċembru 2011

    dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral

    (BĊE/2011/25)

    (2011/870/UE)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ‘il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”).

    (2)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda dwar miżuri msaħħa addizzjonali għall-appoġġ ta’ kreditu biex jappoġġaw is-self tal-banek u l-likwidità fis-suq tal-flus taż-żona tal-euro. Skont dik id-deċiżjoni u sabiex tissaħħaħ il-provvista ta’ likwidità lil kontropartijiet ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, għandu jkun hem għażla biex ċerti operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal jiġu tterminati jew modifikati qabel il-maturità, u għandhom jitwessgħu il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ assi li għandhom jintużaw bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema.

    (3)

    Dawn il-miżuri iridu japplikaw temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tippermetti l-applikazzjoni tal-qafas ġenerali tal-Eurosistema għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament u kollateral eliġibbli

    1.   Ir-regola għat-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stabbiliti f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw flimkien mad-Dokumentazzjoni Ġenerali.

    2.   F’każ ta’ xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Dokumentazzjoni Ġenerali, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, tal-ewwel għandha tingħata preċedenza. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-Dokumentazzjoni Ġenerali mingħajr tibdil sakemm mhux stipulat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Għażla biex operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal jiġu tterminati jew modifikati

    L-Eurosistema tista’ tiddeċiedi illi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kontropartijiet jistgħu jnaqqsu l-ammont ta’, jew jitterminaw, ċerti operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal qabel ma jimmaturaw.

    Artikolu 3

    Ammissjoni ta’ ċerti titoli garantiti minn assi addizzjonali

    1.   Minbarra t-titoli garantiti minn assi (ABS) eliġibbli taħt Kapitolu 6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, ABS li l-assi sottostanti tagħhom jinkludu jew self b’ipoteka fuq immobbli residenzjali biss jew self lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biss għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema anke jekk dawk l-ABS ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt Taqsima 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali iżda mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà kollha applikabbli għall-ABS skont id-Dokumentazzjoni Ġenerali, sakemm ikollhom klassifika tat-tieni l-aqwa ta’ mill-inqas il-limitu minimu tal-Eurosistema ta’ stadju 2 tal-iskala tal-Eurosistema għall-klassifika armonizzata., kif imsemmi f’Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, mal-ħruġ u fi kwalsiasi ħin wara. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jiggarantixxu l-ABS għandhom jappartjenu għall-istess klassi ta’ assi, jiġifieri il-pool tal-assi għandha tikkonsisti jew minn ipoteki fuq immobbli residenzjali biss jew minn self lil SMEs biss, u ma għandux ikun hemm taħlit ta’ assi minn klassijiet ta’ assi differenti;

    (b)

    l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jiggarantixxu l-ABS ma għandhomx ikun fihom self illi:

    (i)

    fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS, ma jkunx jirrendi; jew

    (ii)

    fi kwalsiasi ħin, huwa strutturat, sindakat jew aġevolat;

    (c)

    il-kontroparti li tippreżenta ABS bħala kollateral, jew kull parti terza li magħha għandha rabtiet mill-qrib, ma għandhiex taġixxi bħala fornitur ta’ ta’ hedge tar-rata tal-imgħax fir-rigward tal-ABS;

    (d)

    id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwita’ tas-servizz.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 il-kliem "impriża żgħira" u "impriża ta’ daqs medju" għandhom ikollhom l-istess tifsira mogħtija lilhom fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (2).

    Artikolu 4

    Ammissjoni ta’ ċerti klejms ta’ kreditu addizzjonali

    1.   BĊN jista’ jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika montarja tal-Eurosistema klejms ta’ kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema

    2.   Il-BĊNi għandhom jistabbilixxu kriterji ta’ eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għall-aċċettazzjoni ta’ klejms ta’ kreditu skont il-paragrafu 1. Dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet finali

    Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2011.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1. Mill-1 ta’ Jannar 2012, il-Linja Gwida BĊE/2000/7 hija sostitwita minn Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduru tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).

    (2)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.


    Fuq