Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32003D0014(01)
2003/797/EC: Decision of the European Central Bank of 7 November 2003 concerning the administration of the borrowing-and-lending operations concluded by the European Community under the medium-term financial assistance facility (ECB/2003/14)
Id-Deċiżjoni tal-bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Novembru, 2003 dwar l-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet ta' self li l-Komunità ewropea kkonkludiet skond il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (ECB/2003/14)
Id-Deċiżjoni tal-bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Novembru, 2003 dwar l-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet ta' self li l-Komunità ewropea kkonkludiet skond il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (ECB/2003/14)
ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35–36
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Edizzjoni(jiet) speċjali oħra
(CS, ET, LV, LT, HU, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10 Volum 003 P. 318 - 319
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 23/07/2009
Official Journal L 297 , 15/11/2003 P. 0035 - 0036
Id-Deċiżjoni tal-bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Novembru, 2003 dwar l-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet ta' self li l-Komunità ewropea kkonkludiet skond il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (ECB/2003/14) (2003/797/KE) IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 119 u l-Artikolu 123(2), Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 21.2, l-Artikolu 44 u l-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 47.1, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 332/2002 tat-18 ta' Frar, 2002, li jwaqqaf faċilità li tipprovdi assistenza finanzjajra ta' tul medju għall-bilanċi tal-pagamenti ta' l-Istati Membri [1] u partikolarment l-Artikolu 9, Billi: (1) Skond l-Artikolu 123(2) tat-Trattat u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 44 ta' l-Istatut, u skond l- l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ECB/1998/NP2 tat-23 ta' Ġunju, 1998, li għandha x'taqsam mal-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar ċerti xogħlijiet li ħa f'idejh mill-Istitut Monetarju Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) ħa r-responsabbiltà tax-xogħlijiet ta' l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) imsemmi fil-ħames subinċiż ta' l-Artikolu 117(2) tat-Trattat, il-ħames subinċiż ta' l-Artikolu 4.1 u t-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 6.1 ta' l-Istatut ta' l-IME, sa mhux aktar tard mill-ġurnata li tiġi immedjatament qabel l-ewwel ġurnata tat-tielet stadju ta' l-għaqda ekonomika u monetarja (it-tielet stadju). (2) Konformi mad-Deċiżjoni ECB/1998/NP15 ta' l-1 ta' Diċembru, 1998, li għandha x'taqsam mal- ħidma tal-ECB dwar ċerti funzjonijiet rigward assistenza finanzjarja ta' tul medju għall-bilanċi tal- pagamenti ta' l-Istati Membri [2], id-Deċiżjoni ta' l-IME Nru. 8/95 tat-2 ta' Mejju, 1995, li għandha x'taqsam ma' l-amministrazzjoni ta' l-operazzjonijiet ta' self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skond il-mekkaniżmu ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju, baqgħet valida u kompliet tapplika sa mill-ewwel ġurnata tat-tielet stadju. (3) Il-funzjonijiet imsemmija fir-recital (2) kienu mwettqa abbażi ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1969/88 ta' l-24 ta' Ġunju, 1988, li jwaqqaf faċilità waħda li tipprovdi assistenza finanzjarja ta' tul medju għall-bilanċi tal-pagamenti ta' l-Istati Membri [3]. (4) Ir-Regolament (KE) Nru 332/2002, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Frar, 2002, irrevoka r-Regolament (KEE) Nru 1969/88. (5) Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru. 332/2002, il-ECB għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji għall-amministrazzjoni tas-self mogħti skond il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju mwaqqfa b'dan ir-Regolament. (6) Id-deċiżjoni preżenti li timplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru. 332/2002 se tirrevoka d-Deċiżjoni ECB/1998/NP15. Minħabba l-fatt li x-xogħlijiet l-oħra u d-deċiżjonijiet ta' l-IME imsemmija fid-Deċiżjoni ECB/1998/NP2, ukoll mhumiex aktar validi jew applikabbli fit-tielet stadju, id-Deċiżjoni ECB/1998/NP2 tistà, għall-iskop ta' ċarezza, tiġi rrevokata wkoll, ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-ECB għandu jwettaq ix-xogħlijiet stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru. 332/2002, bil-mod deskritt fl-Artikli 2 sa 8 li jiġu aktar 'il quddiem. Artikolu 2 Il-ħlasijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-operazzjonijiet ta' self tal-Komunità Ewropea għandhom isiru permezz tal-kontijiet li l-ECB għandu jiftaħ f'ismu. Artikolu 3 1. Il-fondi li jirċievi l-ECB, għall-kont tal-Komunità Ewropea, skond l-arranġamenti għas-self li tkun għamlet din ta' l-aħħar, għandhom jiġu trasferiti għall-kont indikat mill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li jirċievi s-selfa korrispondenti, fl-istess data ta' valur. 2. Il-fondi li jirċievi l-ECB, għall-kont tal-Komunità Ewropea, dwar il-ħlas ta' l-imgħax jew ir-rimborż tal-kapital mill-Istat Membru li rċieva s-self, għandhom jiġu ttrasferiti għall-kontijiet speċifikati mill-kredituri skond l-arranġamenti ta' self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet, fl-istess data ta' valur. Artikolu 4 Għal kull operazzjoni ta' self, il-ECB għandu jiftaħ f'ewro fil-kotba tiegħu, il-kontijiet li ġejjin: (a) kont nostro intitolat "il-Bilanċi f'ewro miżmuma ma' …" li jikkorrispondi għall-fondi rċevuti għall-kont tal-Komunità Ewropea; (b) kont fin-naħa tal-passiv bħala l-kontroparti tal-kont imsemmi taħt (a); (ċ) kont memorandum, intitolat "Il-passivi tal-Komunità Ewropea dwar operazzjonijiet ta' self tal-Komunità Ewropea", diviż, fejn applikabbli, f'sub-kontijiet li jikkorrispondu għall-kredituri individwali dwar l-arranġamenti ta' self; (d) kont memorandum, intitolat "Talbiet tal-Komunità Ewropea dwar operazzjonijiet ta' self tal-Komunità Ewropea". Artikolu 5 Il-ECB għandu jirreġistra l-operazzjonijiet finanzjarji deskritti fl-Artikolu 3 billi jnaqqas jew jikkredita l-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4, fid-data tal-valur tagħhom. Artikolu 6 1. Il-ECB għandu jiċċekkja l-iskadenzi msemmija fl-arranġamenti ta' self għall-ħlas ta' l-imgħax u r-rimborż tal-kapital. 2. Il-ECB għandu jinnotifika lill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkun midjun mal-Komunità Ewropea ta' lanqas ħmistax-il ġurnata kalendarja qabel kull skadenza li tkun tmiss. Artikolu 7 Il-ECB għandu jinforma bil-miktub minnufih lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe operazzjoni li jkun wettaq għall-kont tal-Komunità Ewropea. Il-ECB għandu jindirizza dawn il-komunikazzjonijiet għall-attenzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fil-Kummissjoni Ewropea. Artikolu 8 Fl-aħħar ta' kull sena kalendarja l-ECB għandu jipprepara rapport biex jinfurma lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-operazzjonijiet finanzjarji li jkun wettaq matul is-sena u li jkollhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet ta' self. Dan ir-rapport għandu jinkludi rendikont tat-talbiet u l-passiv tal-Komunità Ewropea li joħorġu mill-operazzjonijiet ta' self. Artikolu 9 Id-Deċiżjoni ECB/1998/NP2 u d-Deċiżjoni ECB/1998/NP15 huma rrevokati. Artikolu 10 Il-Bord Eżekuttiv tal-ECB għandu jagħmel l-arranġamenti kollha neċessarji sabiex jaffettwa din id-Deċiżjoni. Artikolu 11 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Frankfurt am Main, is-7 ta' Novembru, 2003. Għall-Kunsill Ġenerali tal-ECB Jean-Claude Trichet [1] ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 1. [2] Ippubblikat bħala l-Anness V mad-Deċiżjoni BĊE/2000/12 ta' l-10 ta' Novembru, 2000, dwar il-pubblikazzjoni ta' ċerti atti legali u strumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 55, ta' l-24.2.2001, p. 76. [3] ĠU L 178, tat-8.7.1988, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bl-Att dwar l-Adeżjoni ta' l-1994. --------------------------------------------------