EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012O0018

2012/476/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta’ Awwissu 2012 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2012/18)

ĠU L 218, 15.8.2012, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 005 P. 306 - 309

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/05/2013; Imħassar b' 32013O0004

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2012/476/oj

15.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/20


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Awwissu 2012

dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9

(BĊE/2012/18)

(2012/476/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK CENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5.1, 12.1, 14.3 u 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti f’Anness I ta’ Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1).

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2011 u fl-20 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar miżuri addizzjoni għal appoġġ imsaħħaħ għall-kreditu biex jappoġġaw is-self mill-banek u l-likwidità fis-suq tal-flus taż-żona tal-euro, inkluż miżuri stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25 tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (2). Barra minn dan, ir-referenzi għall-proporzjon tar-riżerva fil-Linja Gwida BĊE/2007/9 tal-1 ta’ Awwissu 2007 dwar l-istatistika monetarja, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u dik tas-swieq (3) teħtieġ li tiġi allinjata mal-emendi lil Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2003/9) (4) introdotti minn Regolament (UE) Nru 1358/2011 (5).

(3)

Il-BĊNi m’għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds ta’ bank eliġibbli ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma jilħaqx il-limitu tal-Eurosistema biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta’ kreditu għoljin, kif stipulat fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25.

(4)

Id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 għamlet rieżami tal-eċċezzjoni mill-projbizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib stipulata f’Taqsima 6.2.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 fir-rigward ta’ bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern użati mill-kontropartijiet stess bħala kollateral.

(5)

Kontropartijiet li jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema għandhom jitħallew iżidu l-livelli ta’ użu minnhom stess ta’ bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern li huma kellhom fit-3 ta’ Lulju 2012 skont l-approvazzjoni ex ante tal-Kunsill Governattiv f’ċirkostanzi eċċezzjonali. It-talbiet ippreżentati lill-Kunsill Governattiv għall-approvazzjoni ex ante iridu jkunu akkompanjati minn pjan ta’ finanzjament.

(6)

Id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 tenħtieġ tiġi sostitwita minn din il-Linja Gwida, li għandha tkun implimentata mill-BĊNi fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tagħhom.

(7)

Il-miżuri addizzjonali stipulati f’din il-Linja Gwida għandhom japplikaw b’mod temporanju, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi m'għadhomx aktar neċessarji biex jiżguraw mekkaniżmu adegwat għat-trażmissjoni tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament u kollateral eliġibbli

1.   Ir-regola għat-twettiq ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stabbiliti f’din il-Linja Gwida għandhom ikunu applikati flimkien mal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   F’każ ta’ kwalunkwe diskrepanza bejn din il-Linja Gwida u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, tal-ewwel għandha tingħata preċedenza. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 mingħajr tibdil sakemm mhux stipulat mod ieħor f’din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Għażla biex operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal jiġu tterminati jew modifikati

L-Eurosistema tista’ tiddeċiedi illi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kontropartijiet jistgħu jnaqqsu l-ammont ta’, jew jitterminaw, ċerti operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal qabel il-maturità. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ppubblikati fl-avviz ta’ sejħa għall-offerti jew f’format ieħor meqjus xieraq mill-Eurosistema.

Artikolu 3

Ammissjoni ta’ ċerti titoli ggarantiti minn assi addizzjonali

1.   Minbarra t-titoli ggarantiti minn assi (ABS – asset-based securities) eliġibbli taħt Kapitolu 6 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, ABS li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti taħt Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji ta‘ eliġibbiltà applikabbli lil ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, sakemm ikollhom żewġ valutazzjonijiet ta’ mill-inqas B trippla (6) mal-ħruġ u fi kwalunkwe ħin wara. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS għandhom jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta’ assi li ġejjin: (i) ipoteki fuq immobbli residenzjali; (ii) self lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); (iii) ipoteki kummerċjali; (iv) self fuq ix-xiri ta’ karozzi; (v) kiri; u (vi) finanzjament għall-konsumatur;

(b)

m’għandu jkun hemm ebda taħlit ta’ klassijiet ta’ assi differenti fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(c)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS m’għandhomx ikun fihom self illi huwa kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunx jirrendi fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS,

(ii)

ma jkunx jirrendi meta inkorporat fl-ABS matul il-ħajja tal-ABS, pereżempju permezz ta’ sostituzzjoni, jew tibdil fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(iii)

fi kwalunkwe ħin, huwa strutturat, sindakat jew aġevolat;

(d)

id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwita’ tas-servizz;

2.   ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li għandhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A singola (7) għandhom ikunu suġġetti għat-telf impost fil-valutazzjoni ta’ 16 %.

3.   ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li m’għandhomx żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas A singola għandhom ikunu suġġetti għat-telf impost fil-valutazzjoni li ġej: (a) ABS sostnuti minn ipoteki kummerċjali għandhom ikunu suġġetti għal -telf impost fil-valutazzjoni ta’ 32 %; u (b) l-ABS l-ħrajn kollha għandhom ikunu suġġetti għal -telf impost fil-valutazzjoni ta’ 26 %.

4.   Kontroparti ma tistax tippreżenta ABS li hija eliġibbli skont il-paragrafu 1 bħala kollateral, jekk il-kontroparti, jew kwalunkwe terza parti li magħha għandha rabtiet mill-qrib, taġixxi bħala fornitur ta’ ħeġġ ta’ rata ta’ imgħax fir-rigward tal-ABS.

5.   BĊN jista’ jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema ABS li l-assi sottostanti tagħhom jinkludu ipoteki fuq immobbli residenzjali jew self lil SMEs jew it-tnejn u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u r-rekwiżiti li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1(a) sa (d) u l-paragrafu 4 aktar ‘il fu, imma li mill-bqija huma konformi mal-kriterji tal-eliġibbilt applikabbli għall-ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u għandhom żewġ gradazzjonijiet ta’ mill-anqas B trippla. Dan l-ABS għandhom ikunu limitati għal dawk maħruġin qabel l-20 ta’ Ġunju 2012 u għandhom ikunu suġġetti għal tnaqqis impost fil-valutazzjoni ta’ 32 %.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(1)

“ipoteka fuq immobbli residenzjali”, minbarra self appoġġat minn ipoteka fuq proprjetà immobbli residenzjali, għandha tinkludi self iggarantit fuq immobbli residenzjali (mingħajr ipoteka fuq proprjetà) jekk il-garanzija hija pagabbli minnufih mal-inadempjenza. Garanzija bħal din tista’ tingħata f’forom kuntrattwali differenti, inkluż kuntratti ta' assigurazzjoni, sakemm huma jkunu ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku jew istituzzjoni finanzjarja suġġetta għas-superviżjoni pubblika. Il-valutazzjoni tal-kreditu tal-garanti għall-finijiet ta’ dawn il-garanziji għandha tkun konformi ma’ stadju 3 tal-kwalità tal-iskala tal-Eurosistema għall-klassifika armonizzata tul il-ħajja tat-tranżazzjoni;

(2)

“impriża żgħira” u “impriża ta’ daqs medju” għandhom ifissru entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, fejn il-bejgħ irrapportat għall-entità, jew jekk l-entità hijaa parti minn grupp ikkonsolidat, għall-grupp ikkonsolidat, huwa anqas minn EU 50 miljun;

(3)

“self li ma jirrendix” għandha tinkludi self fejn il-ħlas ta’ imgħax jew ta’ kapital huwa tard b’90 jum jew aktar u d-debitur huwa inadempjenti, kif definit f’Anness VII tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (8), jew fejn hemm raġunijiet tajbin biex ikun hemm dubju dwar jekk il-ħlas huwiex se jsir kollu;

(4)

“self strutturat” tfisser struttura li tinvolvi talbiet ta’ kreditu subordinati;

(5)

“self mingħand konsorzju” tfisser self mogħti minn grupp ta’ selliefa f’konsorzju li jislef;

(6)

“self leveraged” tfisser self mogħti lil kumpanija li diġà għandha ammont konsiderevoli ta' dejn, bħal finanzjament għal akkwist mill-maniġment jew għal takeover, fejn is-self jintuża għall-akkwist tal-ekwità ta' kumpanija li hija wkoll id-debitur tas-self;

(7)

“dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz” tfisser dispożizzjonijiet fid-dokumentazzjoni legali ta’ ABS li jiżguraw illi inadempjenza minn min jagħmel manutenzjoni ma twassalx għal terminazzjoni tal-manutenzjoni u li tinkludi skatti għall-ħatra ta’ fornitur ta’ manutenzjoni ta’ sostenn u pjan ta’ azzjoni ta’ livell għoli li jispeċifika l-passi li jinħatar fornitur ta’ manutenzjoni ta’ sostenn u kif għandha tiġi ttrasferita l-amministrazzjoni tas-self.

Artikolu 4

Ammissjoni ta’ ċerti talbiet ta’ kreditu addizzjonali

1.   BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema talbiet ta’ kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema.

2.   BĊNi li jiddeċiedu biex jaċċettaw talbiet ta’ kreditu skont il-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għal dan il-għan billi jispeċifikaw devjazzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Dawn il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom jinkludu l-kriterju li t-talbiet ta’ kreditu huma rregolati mil-liġijiet tal-Istat Membru tal-BĊN li jistabbilixxi l-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju. Dawn il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

3.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali il-BĊNi jistgħu, sakemm ikollhom l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv, jaċċettaw talbiet ta’ kreditu: (a) bl-applikazzjoni tal-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju stabbiliti minn BĊN ieħor skont il-paragrafi 1 u 2; jew (b) irregolati mil-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru ħlief għall-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-BĊN li qed jaċċetta.

4.   BĊN ieħor għandu jipprovdi assistenza lil BĊN li qed jaċċetta talbiet ta’ kreditu skont il-paragrafu 1 jekk ikun ġie miftiehem bilateralment bejn iż-żewġ BĊNi u sakemm ikollu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

Aċċettazzjoni ta’ xi bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern

1.   Il-BĊNi m’għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds ta’ bank eliġibbli ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tikkonformax mal-limitu tal-Eurosistema biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta’ kreditu għoljin għal emittenti u garanti ta’ assi negozjabbli skont it-Taqsimiet 6.3.1 u 6.3.3 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-Kunsill Governattiv kull meta jiddeċiedu biex ma jaċċettawx it-titoli deskritti fil-paragrafu 1 bħala kollateral.

3.   Il-kontropartijiet ma jistgħux jippreżentaw bonds ta’ bank maħruġin minnhom infushom u ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku taż-ŻEE bid-dritt li timponi taxxi u bonds bħal dawn maħruġin minn entitajiet b’rabtiet mill-qrib bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema f’eċċess mill-valur nominali ta’ dawn il-bonds diġa’ ppreżentati bħala kollateral fit- ta’ Lulju 2012.

4.   F’każijiet eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi dwar derogi mir-rekwiżit stabbilit f’paragrafu 3. Talba għal deroga għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ finanzjament.

Artikolu 6

Verifika

Sat-12 ta’ Marzu 2012, il-BCNi għandhom jibagħtu lill-BĊE it-testi u l-mezzi li permezz tagħhom huma bi ħsiebhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 5.

Artikolu 7

Emenda għal Linja Gwida BĊE/2007/9

F’Parti 5 ta’ Anness III il-paragrafu li jsegwi Tabella 2 huwa sostitwit b’li ġej:

Kalkolu tal-konċessjoni f’somma waħda għal finijiet ta’ kontroll (R6):

Konċessjoni f’somma waħda: Il-konċessjoni hija applikata għal kull istituzzjoni ta’ kreditu. Kull istituzzjoni ta’ kreditu tnaqqas somma waħda massima intiża biex tnaqqas il-kost amministrattiv tal-ġestjoni ta’ ħtiġijiet ta' riżerva żgħira ħafna. Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] ikun anqas minn EUR 100 000, allura l-konċessjoni f’somma waħda għandha tkun ugwali għal [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] ikun akbar minn jew ugwali għal EUR 100 000, allura l-konċessjoni f’somma waħda għandha tkun ugwali għal EUR 100 000. Istituzzjonijiet li jitħallew jirrapportaw statistika fir-rigward tal-bażi ta’ rizerva kkonsolidata tagħhom bħala grupp (kif definit f’Parti 2, Taqsima 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32)) iżommu r-riżervi minimi permezz ta’ waħda mill-istituzzjonjiet fil-grupp li qed taġixxi bħala intermedjarju esklussivament għal dawn l-istituzzjonijiet. Skont Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (*), huwa biss fil-każ aħħari li l-grupp sħiħ huwa intitolat li jnaqqas il-konċessjoni f’somma waħda.

Ir-riżervi minimi (jew “meħtieġa”) jinħadmu kif ġej:

Riżervi minimi (jew “meħtieġa”) = bażi ta’ riżerva × proporzjon ta’ rizerva – konċessjoni f’somma waħda

Il-proporzjon ta’ riżerva japplika skont Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-14 ta’ Settembru 2012.

Artikolu 9

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65.

(3)  ĠU L 341, 27.12.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(5)  Regolament (UE) Nru 1358/2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9), (BĊE/2011/26) (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 51).

(6)  Gradazzjoni ta’ “B trippla” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “Baa3” minn Moody’s, “BBB-“ minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew gradazzjoni ta “BBB” minn DBRS.

(7)  Gradazzjoni ta’ “A singola” hija gradazzjoni ta’ mill-anqas “A3” minn Moody’s, “A-“ minn Fitch jew Standard & Poor’s, jew gradazzjoni ta’ “AL” minn DBRS.

(8)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.


Fuq