EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32007O0006

Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ l- 20 ta’ Lulju 2007 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/28 dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2007/6)

ĠU L 196, 28.7.2007, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 24/06/2008; Impliċitament imħassar minn 32008O0005

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2007/536/oj

28.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 196/46


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

ta’ l-20 ta’ Lulju 2007

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/28 dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi

(BĊE/2007/6)

(2007/536/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, b’mod partikolari t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 105(2),

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 12.1 u 30.6,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 30.1 ta’ l-Istatut, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro jgħaddu lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) assi barranin ta’ riżerva, u l-BĊE għandu d-dritt sħiħ li jżomm u jimmaniġġja dawk ir-riżervi barranin li huma ttrasferiti lilu.

(2)

Skond l-Artikoli 9.2 u 12.1 ta’ l-Istatut, il-BĊE jista’ jimmaniġġja xi wħud mill-attivitajiet tiegħu permezz tal-BĊNi u għandu rikors lejn il-BĊNi biex iwettqu ċerti operazzjonijiet minn tiegħu. Għaldaqstant, il-BĊE jikkunsidra li l-BĊNi għandhom, bħala l-aġenti tiegħu, jimmaniġġjaw ir-riżervi barranin ittrasferiti lilu.

(3)

Skond il-Linja Gwida BĊE/2006/28 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (1), kull BĊN ta’ Stat Membru parteċipanti jinħtieġ iwettaq operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE bħala aġent tal-BĊE u juża d-dokumentazzjoni legali speċifikata f’din il-Linja Gwida.

(4)

Id-definizzjoni ta’ “ġurisdizzjonijiet Ewropej’ fil-Linja Gwida BĊE/2006/28 għandha tkun modifikata biex taħseb għad-dħul futur ta’ l-Istati Membri fl-UME.

(5)

Għall-finijiet li jiddaħħal, fil-lista ta’ strumenti eliġibbli, strument li għandu x’jaqsam ma’ l-iswaps tar-rata ta’ l-imgħax li jikkwalifikaw bħala operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter fejn tiġi żgurata espożizzjoni lil hinn minn ċerti limiti, il-Linja Gwida BĊE/2006/28 għandha tkompli tiġi emendata biex tistipula li l-iswaps tar-rata ta’ l-imgħax għandhom jiġu ddokumentati bħala operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Il-Linja Gwida BĊE/2006/28 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 qed jiġi sostitwit b’li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

‘ġurisdizzjonijiet Ewropej’ tfisser il-ġurisdizzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha li adottaw l-euro skond it-Trattat, kif ukoll id-Danimarka, l-Isvezja, l-Isvizzera u r-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales biss);

‘BĊN parteċipanti’ tfisser il-BĊN ta’ xi Stat Membru li adotta l-euro.”.

(2)

L-Artikolu 3(1) u (2) huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   L-operazzjonijiet kollha li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE għandhom jitwettqu bl-użu tad-dokumentazzjoni legali standard kif mitlub b’dan l-Artkolu. Madankollu, il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi juża l-ftehim standard stabbilit fl-Anness I, punt 1(ċ) jew 2(ċ), aktar milli l-ftehim stabbilit fl-Anness I, punt 1(a) jew 2(a) ma’ din il-Linja Gwida fir-rigward ta’ Stat Membru malli jadotta l-euro, jekk ma tkunx disponibbli valutazzjoni legali f’forma u b’sustanza aċċettabbli għall-BĊE rigward l-użu tal-ftehim standard indikat f’dak l-Istat Membru. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma minnufih lill-Kunsill b’kull deċiżjoni mittieħda skond din id-dispożizzjoni.

2.   Operazzjonijiet iggarantiti li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE li jkopru ftehim ta’ xiri mill-ġdid, ftehim ta’ xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, ftehim ta’ xiri/bejgħ lura u ftehim ta’ bejgħ/xiri lura, u l-operazzjonijiet kollha ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE għandhom ikunu ddokumentati skond il-ftehim standard imniżżla fl-Anness I, f’dawk il-forom kif jistgħu jiġu approvati jew emendati mill-BĊE minn żmien għal żmien.”

(3)

L-Anness I, punt 2 huwa sostitwit b’li ġej:

“(2)

L-operazzjonijiet kollha ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE (u li jinkludu swaps tar-rata ta’ l-imgħax fejn l-espożizzjoni hija assigurata b’garanzija) għandhom ikunu ddokumentati bl-użu tal-ftehim standard li ġejjin, f’dik il-forma kif tista’ tiġi approvata jew emendata mill-BĊE minn żmien għal żmien:

(a)

Il-Ftehim Master ta’ l-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea;

(b)

Il-Ftehim Master ta’ l-1992 ta’ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ l-Iswaps u d-Derivattivi (Multicurrencycross-border, verżjoni tal-liġi ta’ New York) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet federali jew ta’ l-istat ta’ l-Istati Uniti; u

(ċ)

Il-Ftehim Master ta’ l-1992 ta’ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ l-Iswaps u d-Derivattivi (Multicurrencycross-border, verżjoni tal-liġi Ingliża) għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skond il-liġijiet ta’ kull ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fis-subparagrafi (a) jew (b).”

Artikolu 2

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2007.

Artikolu 3

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 20 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU C 17, 28.1.2007, p. 5.


Fuq