EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011D0005(01)

2011/295/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 20 ta’ April 2011 dwar l-għażla ta’ fornituri ta’ servizz ta’ netwerk ta’ TARGET2-Securities (BĊE/2011/5)

ĠU L 134, 21.5.2011, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 117 - 121

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/295/oj

21.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/22


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ April 2011

dwar l-għażla ta’ fornituri ta’ servizz ta’ netwerk ta’ TARGET2-Securities

(BĊE/2011/5)

(2011/295/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1 u 12.1 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

TARGET2-Securities (iktar ’il quddiem “T2S”) għandu l-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni wara n-negozjar billi joffri ħlas pan-Ewropew ċentrali, newtrali u mingħajr fruntieri ta’ flus kontanti u titoli fi flus tal-bank ċentrali sabiex id-depożitorji ċentrali tat-titoli (central securities depositories –CSDs) ikunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ ħlas armonizzati u kommoditizzati b’kunsinna kontra pagament f’ambjent tekniku integrat b’kapaċitajiet transkonfinali.

(2)

Fil-kuntest tat-Tielet Rapport tal-Progress Interim ta’ T2S, fi Frar 2010, il-Bord għall-Programm T2S iddeċieda li d-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (iktar ’il quddiem l-“4BĊ”) ser jagħmlu l-preparamenti meħtieġa sabiex ikollhom sa tliet fornituri tas-servizz ta’ netwerk T2S li jipprovdu servizzi ta’ konnettività lill-pjattaforma T2S u li Banca d’Italia għandu jmexxi il-proċedura tal-għażla.

(3)

Fil-kuntest tar-Raba’ Rapport tal-Progress T2S, fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-forniment ta’ netwerk fit-T2S għandu jkun soġġett għall-kompetizzjoni u li ser jingħataw massimu ta’ tliet liċenzji.

(4)

Fil-kuntest tal-Ħames Rapport tal-Progress T2S, f’Lulju 2010, il-Bord għall-Programm T2S iddeċieda li Banca d’Italia għandu jaġixxi bħala l-fergħa operattiva tal-Eurosistema għall-proċedura tal-għażla. Ġie deċiż ukoll li l-Bord għall-Programm T2S għandu jkun responsabbli biex jinnomina lill-membri tal-bord tal-għażla peress li l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu ħsieb u jkunu responsabbli għall-kriterji tal-għażla u għall-eżitu tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla bbażata fuq il-kriterji tal-għażla. Banca d’Italia għandha twettaq korrettament il-proċedura tal-għażla u r-responsabbiltà speċifika tagħha relatata mal-proċedura tal-għażla għandha tkun separata mir-responsabbiltà li assumew l-4BĊ taħt il-ftehim Livell 2-Livell 3.

(5)

Fit-13 ta’ Awwissu 2010, il-Bord għall-Programm T2S iddeċieda li r-responsabbiltà ta’ Banca d’Italia għandha tiġi speċifikata b’mod aktar preċiż f’mandat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema lill-Banca d’Italia biex twettaq il-proċedura tal-għażla.

(6)

L-iskop tal-proċedura tal-għażla huwa biex fornituri ta’ servizz ta’ netwerk jiġu fdati bl-inkarigu li jipprovdu firxa ta’ servizzi ta’ konnettività ddefiniti minn qabel, li fuq il-bażi tagħhom il-fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S jiddisinnjaw, jimplimentaw, jipprovdu u jħaddmu soluzzjonijiet ta’ konnettività maħsuba biex tiġi skambjata b’mod sigur informazzjoni dwar negozju bejn l-atturi T2S li jkunu kollegati direttament u l-pjattaforma T2S.

(7)

Għalkemm proċedura ta’ għażla għal fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S tmur lil hinn mill-ambitu tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (1), ir-regoli stipulati fid-Direttiva 2004/18/KE, il-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2008/17 tas-17 ta’ Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (2) u l-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2004/18/KE fejn applikabbli għall-bank ċentrali mogħti l-mandat għandhom jintużaw bħala linji ta’ gwida ġenerali.

(8)

Banca d’Italia nħatret mill-Kunsill Governattiv biex tmexxi l-proċedura tal-għażla għal fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S.

(9)

Banca d’Italia aċċettat l-ħatra u kkonfermat r-rieda tagħha li taġixxi b’mod konformi ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“bank ċentrali” tfisser il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jew bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN) jew bank ċentrali ieħor li jagħmel il-munita tiegħu disponibbli fit-T2S;

(b)

“depożitorju tat-titoli ċentrali” (CSD) tfisser entità li: (a) tippermetti li t-tranżazzjonijiet ta’ titoli jiġu pproċessati u mħallsa b’entrata fuq il-kotba; (b) tipprovdi servizzi ta’ kustodja, eż. l-amministrazzjoni ta’ azzjonijiet korporattivi u fidi; u (c) tiżvolġi rwol attiv biex tiżgura l-integrità tal-ħruġ ta’ titoli;

(ċ)

“Bord għall-Programm T2S” tfisser il-korp ta’ tmexxija tal-Eurosistema stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-BĊE 2009/6 tad-19 ta’ Marzu 2009 fuq it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (3), li għandu l-kompitu li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u t-twettiq ta’ kompiti ta’ natura purament teknika f’relazzjoni ma’ T2S, jew is-suċċessur tiegħu;

(d)

“fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S” tfisser fornitur ta’ servizz ta’ netwerk li jkun iffirma ftehim ta’ liċenzja biex jipprovdi servizzi ta’ konnettività;

(e)

“servizzi ta’ konnettività” tfisser il-konnessjoni diretta ta’ netwerk mal-pjattaforma T2S li attur T2S b’konnessjoni diretta jkun jeħtieġ li tiġi pprovduta minn fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S sabiex ikun jista’ jibbenefika minn, jew iwettaq kompiti u responsabbiltajiet relatati ma’, is-servizzi T2S;

(f)

“liċenzja” tfisser l-att tal-għoti tad-dritt kif mogħti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema lil fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S biex jipprovdi firxa ta’ servizzi ta’ konnettività ddefiniti minn qabel, li fuq il-bażi tagħhom fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S għandu jiddisinnja, jimplimenta, jipprovdi u jħaddem soluzzjonijiet ta’ konnettività maħsuba biex tiġi skambjata b’mod sigur informazzjoni dwar negozju bejn l-atturi T2S li jkunu konnessi direttament u l-pjattaforma T2S;

(g)

“bord tal-għażla” tfisser bord ta’ ħames esperti kompost minn rappreżentant wieħed minn kull bank ċentrali mogħti l-mandat (li jaġixxi bħala president), l-4BĊ u l-EPCO, kif ukoll żewġ rappreżentanti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, kull wieħed minnhom innominat mill-Bord għall-Programm T2S u maħtur formalment mill-bank ċentrali mogħti l-mandat;

(h)

“Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema” (Eurosystem Procurement Coordination Office - EPCO) tfisser il-korp maħluq taħt id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 biex jikkoordina l-akkwisti konġunti tal-Eurosistema;

(i)

“Bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE;

(j)

“Ftehim Livell 2-Livell 3” tfisser il-ftehim ta’ forniment u tħaddim innegozjat bejn il-Bord għall-Programm T2S u l-4BĊ, approvat mill-Kunsill Governattiv u sussegwentement iffirmat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-4BĊ. Fih jinsabu d-dettalji addizzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, il-Bord għall-Programm T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(k)

“attur T2S b’konnessjoni diretta” tfisser kwalunkwe entità li hija awtorizzata tiskambja dejta elettronika mal-pjattaforma T2S;

(l)

“bank ċentrali mogħti l-mandat” tfisser il-BĊN taż-żona tal-euro maħtur mill-Kunsill Governattiv biex imexxi l-proċedura tal-għażla għall-fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S u mogħti s-setgħa mill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jiffirma l-ftehim ta’ liċenzja mal-parteċipanti magħżula f’isem u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(m)

“Servizzi T2S” tfisser is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema lis-CSDs u l-banek ċentrali;

(n)

“ftehim ta’ liċenzja” tfisser ftehim irregolat mil-liġi Ġermaniża, kif propost mill-Bord għall-Programm T2S u approvat mill-Kunsill Governattiv, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi reċiproki tal-banek ċentrali tal-Eurosistema u tal-fornitur relevanti ta’ servizz ta’ netwerk T2S;

(o)

“parteċipant magħżul” tfisser parteċipant fil-proċedura tal-għażla għall-fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S li jkun ingħata ftehim ta’ liċenzja;

(p)

“avviż ta’ kuntratt” tfisser l-avviż tal-proċedura tal-għażla li għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-bank ċentrali mogħti l-mandat;

(q)

“regoli dwar l-għoti” tfisser ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-proċedura tal-għażla u li jikkostitwixxu parti mill-atti tal-għażla li għandhom jiġu ppubblikati;

(r)

“atti tal-għażla” tfisser it-tħabbir tal-għoti, l-avviż ta’ kuntratt, kif ukoll ir-regoli dwar l-għoti, u l-annessi tagħhom u d-dokumenti mehmuża magħhom;

(s)

“BĊN taż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(t)

“prova tal-kunċett” tfisser test li għandu jsir minn fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ liċenzja, li huwa mmirat biex tiġi vverifikata l-konformità tas-soluzzjoni li huwa joffri ma’ rekwiżiti bażiċi ta’ funzjonalità, reżiljenza u sigurtà;

(u)

“data tat-tnedija” tfisser id-data meta l-ewwel CSD jibda juża s-servizzi T2S.

Artikolu 2

Bank ċentrali mogħti l-mandat

Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu, għall-benefiċċju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema:

(a)

iwettaq il-proċedura tal-għażla għal fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S b’kooperazzjoni sħiħa mal-Bord għall-Programm T2S u l-bord tal-għażla, f’ismu stess u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, billi jipprovdi r-riżorsi materjali u umani meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-għażla tikkonforma mal-liġi applikabbli fl-Istat Membru tal-bank ċentrali mogħti l-mandat; u

(b)

b’mod konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla, jiffirma l-ftehim ta’ liċenzja relevanti f’isem u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, bin-numru totali ta’ fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S f’ebda ħin partikolari ma jkun aktar minn tnejn.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet tal-għażla u tal-għoti

1.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jwettaq il-proċedura għall-għażla ta’ fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi t-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament ugwali, l-aċċess ugwali u n-non-diskriminazzjoni.

2.   In-numru totali ta’ fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S f’ebda ħin partikolari m’għandu jkun aktar minn tnejn.

3.   Meta jwettaq il-proċedura tal-għażla, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu b’mod partikolari josserva l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jwettaq proċedura miftuħa għall-għoti tal-liċenzji li permezz tagħha kull operatur ekonomiku interessat jista’ jippreżenta offerta;

(b)

l-atti tal-għażla kollha għandhom jiġu mħejjija b’mod konġunt mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-bank ċentrali mogħti l-mandat, u approvati mill-Bord għall-Programm T2S;

(ċ)

il-fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-irħas prezz massimu għal firxa ta’ servizzi standard li għandhom jiġu pprovduti lill-komunità ta’ atturi T2S b’konnessjoni diretta, skont il-mudell approvat mill-Bord għall-Programm T2S;

(d)

l-atti tal-għażla kollha għandhom jiġu ppubblikati bl-Ingliż. Il-bank ċentrali mogħti l-mandat jista’ jippubblika wkoll l-avviż ta’ kuntratt fil-lingwa uffiċjali tiegħu. Il-parteċipanti fil-proċedura tal-għażla għandhom jissottomettu l-offerti tagħhom u d-dokumenti addizzjonali kollha bl-Ingliż;

(e)

il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt li l-proċedura tal-għażla titwettaq f’ismu u fl-interess tiegħu kif ukoll fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(f)

il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jippubblika l-avviż ta’ kuntratt ta’ mill-inqas f’dawn li ġejjin: (i) Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; (ii) il-ġurnal uffiċjali nazzjonali użat għal avviżi ta’ kuntratti mill-bank ċentrali mogħti l-mandat; (iii) żewġ gazzetti nazzjonali; u (iv) il-Financial Times u The Economist. L-atti tal-għażla għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-bank ċentrali mogħti l-mandat. L-avviż ta’ kuntratt għandu jiġi ppubblikat ukoll fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, b’link għas-sit elettroniku tal-bank ċentrali mogħti l-mandat sabiex ikun hemm aċċess għall-atti tal-għażla kollha;

(g)

il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jirrispondi għal talbiet għal kjarifika fil-proċedura tal-għażla mibgħuta lill-indirizz elettroniku speċifikat fl-avviż ta’ kuntratt. Kwalunkwe risposta ta’ dan it-tip għandha tiġi ppubblikata mill-bank ċentrali mogħti l-mandat u mill-BĊE fuq is-siti elettroniċi rispettivi tagħhom;

(h)

il-membri tal-bord tal-għażla għandhom jiġu nnominati mill-Bord għall-Programm T2S u għandhom jinħatru formalment mill-bank ċentrali mogħti l-mandat immedjatament wara t-tmiem tal-perjodu li fih jistgħu jsiru l-offerti;

(i)

il-membri tal-bord tal-għażla għandhom ikunu obbligati jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess li tkun ġiet approvata mill-Bord għall-Programm T2S;

(j)

il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jieħu ħsieb l-aspetti operazzjonali tal-proċedura tal-għażla;

(k)

il-bord tal-għażla għandu, inter alia, jeżamina d-dokumentazzjoni amministrattiva u teknika, u jiddeċiedi dwar l-esklużjoni mill-proċedura tal-għażla ta’ parteċipanti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni. Il-bord tal-għażla għandu jevalwa offerti li jkunu aktar baxxi min-normal skont ir-regoli stipulati fl-atti tal-għażla. Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika l-parteċipanti mhux esklużi mill-proċedura tal-għażla f’ordni inkrimentali skont l-offerti ekonomiċi tagħhom;

(l)

Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jikkomunika formalment id-deċiżjonijiet kollha tal-bord tal-għażla lill-parteċipanti kkonċernati b’mezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub li jkun sigur u f’waqtu.

4.   Malli l-bord tal-għażla jkun ikklassifika l-parteċipanti b’mod konformi mal-paragrafu 3(k) (għoti preliminari), il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iwettaq verifika interna tal-leġittimità sabiex jivverifika li l-proċedura tal-għażla twettqet b’mod korrett. Meta din il-verifika tkun tlestiet b’mod pożittiv, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu joħroġ l-għoti finali u għandu jivverifika li l-parteċipanti magħżula jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni u li d-dikjarazzjonijiet li jkunu għamlu dwarhom infushom huma veritieri. Jekk il-verifika tal-leġittimità ma jkollhiex riżultat pożittiv, l-għoti finali għandu jiġi ddifferit u l-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jitlob gwida dwar dan mingħand il-Bord għall-Programm T2S.

5.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu stess kif ukoll fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-proċedura tal-għażla. Huwa għandu jirrapporta wkoll dwar dan lill-Bord għall-Programm T2S u jikkonforma mad-deċiżjonijiet meħuda minn dan tal-aħħar.

6.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tiegħu relatati mal-kompiti li huwa jwettaq fil-proċedura tal-għażla.

Artikolu 4

Ftehim ta’ liċenzja

1.   Ladarba tkun ġiet konkluża l-proċedura tal-għażla u tal-għoti mill-bank ċentrali mogħti l-mandat taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-bank ċentrali mogħti l-mandat u l-bord tal-għażla għandhom iwettqu l-miżuri ta’ preparazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-bank ċentrali mogħti l-mandat ikun jista’ jidħol fi ftehim ta’ liċenzja ma’ kull wieħed mill-parteċipanti magħżula fiisem u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Għal dan il-għan, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jagħtu s-setgħa lill-bank ċentrali mogħti l-mandat biex jiffirma l-ftehim ta’ liċenzji, permezz ta’ prokura separata biex jaġixxi f’isem u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema (aġenzija żvelata).

2.   Wara l-iffirmat tal-ftehim ta’ liċenzja, fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S għandu jwettaq prova tal-kunċett. Jekk il-fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S jonqos milli jwettaq b’suċċess il-prova tal-kunċett, il-ftehim ta’ liċenzja jiġi tterminat. F’dik iċ-ċirkostanza, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jagħti liċenzja lill-parteċipant fil-proċedura tal-għażla li jkun kklassifika t-tieni l-aktar fil-għoli fil-lista ta’ klassifikazzjoni wara l-parteċipanti magħżula.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi li ġejjin, liċenzja mogħtija fil-proċedura inizjali tal-għażla għandha tiskadi seba’ snin wara d-data tat-tnedija.

4.   Meta ftehim ta’ liċenzja ma’ fornitur ta’ servizz ta’ netwerk T2S jiġi tterminat qabel it-tmiem tat-terminu tiegħu, iżda wara t-twettiq b’suċċess tal-prova tal-kunċett, fid-diskrezzjoni tal-Bord għall-Programm T2S, ftehim ta’ liċenzja jista’ jiġi offrut jew lill-parteċipant fil-proċedura tal-għażla li jkun ikklassifika t-tieni l-aktar fil-għoli wara l-parteċipanti magħżula, jew jingħata lil fornitur ieħor ta’ servizz ta’ netwerk wara proċedura tal-għażla ġdida li għandha titwettaq mill-bank ċentrali mogħti l-mandat jew minn bank ċentrali ieħor tal-Eurosistema maħtur mill-Kunsill Governattiv. Il-ftehim ta’ liċenzja ġdid għandu jkun għal terminu ta’ seba’ snin.

5.   Fuq talba tal-Bord għall-Programm T2S, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jestendi t-terminu tal-ftehim ta’ liċenzji kollha darbtejn b’sena.

6.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jkollu l-mandat li jirrappreżenta lill-banek ċentrali tal-Eurosistema b’mod konġunt fil-konfront tal-fornituri ta’ servizz ta’ netwerk T2S u terzi oħrajn fir-rigward tas-servizzi ta’ konnettività kif ukoll biex jiġġestixxi l-ftehim ta’ liċenzji f’isem u fl-interess tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fuq bażi kontinwa, kemm billi, inter alia, jinforza d-drittijiet u l-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, inkluż fi proċeduri quddiem qrati, inkluż iżda mhux limitat għal ksur ta’ kuntratt, danni, terminazzjoni, kontestazzjonijiet jew modifiki oħrajn ta’ kuntratt. Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jirrapporta dwar dan lill-Bord għall-Programm T2S, u jikkonforma mal-istruzzjonijiet maħruġa minn dan tal-aħħar.

7.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jitwettqu d-dmirijiet u l-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, u jekk applikabbli, id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu stess, fir-rigward tal-ftehim ta’ liċenzji, u għandu jirrapporta dwar dan lill-Bord għall-Programm T2S, u jirrispetta kwalunkwe struzzjonijiet relatati maħruġa mill-Bord għall-Programm T2S.

8.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jirċievi kwalunkwe avviż, dikjarazzjoni u ċitazzjoni, inkluża n-notifika ta’ kawża, fir-rigward ta’ ftehim ta’ liċenzja sabiex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet u l-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, u jekk applikabbli, id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu stess, fir-rigward ta’ ftehim ta’ liċenzja.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jagħtu rimbors lill-bank ċentrali mogħti l-mandat għall-ispejjeż raġonevoli kollha li huwa jġarrab għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-ftehim ta’ liċenzji skont il-paragrafi 6 sa 8.

Artikolu 5

Talbiet ta’ kumpens

1.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jinżamm responsabbli fil-konfront tal-banek ċentrali tal-Eurosistema mingħajr limitazzjoni għal kwalunkwe telf jew dannu li jirriżultaw minn frodi jew aġir skorrett volontarju fit-twettiq tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt din id-Deċiżjoni. Huwa għandu jinżamm responsabbli fil-konfront tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għal kwalunkwe telf jew dannu li jirriżultaw min-negliġenza grossa tiegħu fit-twettiq tal-obbligi tiegħu taħt din id-Deċiżjoni, f’liema każ ir-responsabbiltà tiegħu għandha tkun limitata għal ammont totali massimu ta’ EUR 2 000 000 għal kull sena kalendarja.

2.   Meta terza persuna ġġarab telf jew danni b’riżultat ta’ frodi jew aġir skorrett volontarju tal-bank ċentrali mogħti l-mandat fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu taħt din id-Deċiżjoni, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe kumpens li jrid jitħallas lil dik it-terza persuna.

3.   Meta terza persuna ġġarab telf jew danni b’riżultat ta’ negliġenza grossa jew ordinarja tal-bank ċentrali mogħti l-mandat fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu taħt din id-Deċiżjoni, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe kumpens li jrid jitħallas lil dik it-terza persuna. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jirrimborsaw lill-bank ċentrali mogħti l-mandat għal kwalunkwe kumpens ta’ dan it-tip li jaqbeż l-ammont totali massimu ta’ EUR 2 000 000 għal kull sena kalendarja, fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni ta’ qorti jew ftehim bonarju bejn il-bank ċentrali mogħti l-mandat u kwalunkwe tali terza persuna, kemm-il darba l-ftehim bonarju jkun ġie approvat minn qabel mill-Bord għall-Programm T2S.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jirrimborsaw bis-sħiħ u fil-pront lill-bank ċentrali mogħti l-mandat għal kwalunkwe kumpens imħallas minnu lil terzi persuni meta dan ikun jirriżulta minn: (a) ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni u l-kriterji tal-għoti; (b) deċiżjoni magħmula mill-bord tal-għażla fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni u l-kriterji tal-għoti; (c) imġieba skorretta mill-bord tal-għażla, ħlief jekk ikun aġixxa b’mod konformi mal-parir bil-miktub tal-bank ċentrali mogħti l-mandat jew ma jkunx irċieva parir bil-miktub xieraq mill-bank ċentrali mogħti l-mandat fuq il-kwistjoni kkonċernata minn qabel; (d) kwalunkwe deċiżjoni jew avveniment lil hinn mill-kontroll tal-bank ċentrali mogħti l-mandat inklużi dawk li jistgħu jaffettwaw l-effettività tal-liċenzji mogħtija.

5.   Il-bank ċentrali mogħti l-mandat m’għandux jiġi rrimborsat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għal kumpens imħallas lil terzi persuni li jirriżultaw minn attivitajiet operazzjonali u atti proċedurali oħrajn li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ħlief jekk il-bank ċentrali mogħti l-mandat ikun aġixxa, kontra l-parir tiegħu stess, b’mod konformi ma’ struzzjonijiet mill-Bord għall-Programm T2S skont l-Artikolu 3(5).

6.   Meta azzjonijiet legali ppreżentati minn terzi persuni jkunu relatati ma’ atti jew ommissjonijiet fir-rigward tal-proċedura tal-għażla li għalihom il-banek ċentrali tal-Eurosistema jridu jassumu responsabbiltà esklużiva, il-banek ċentrali tal-Eurosistema, wara li jkunu kkonsultaw lill-bank ċentrali mogħti l-mandat, għandhom jagħtu struzzjonijiet lill-bank ċentrali mogħti l-mandat fuq il-miżuri li għandu jieħu, eż. kwalunkwe rappreżentazzjoni minn konsulent legali estern jew minn servizzi legali interni tal-bank ċentrali mogħti l-mandat, b’mod tempestiv. Ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fi kwalunkwe proċedura ta’ dan it-tip, l-ispejjeż u d-drittijiet tal-litigazzjoni li jirriżultaw minn tali azzjoni għandhom jitħallsu mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

7.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jassumu responsabbiltà għal atti u ommissjonijiet tal-membri individwali tal-bord tal-għażla fir-rigward tal-proċedura tal-għażla.

8.   Meta jiġu ppreżentati azzjonijiet legali minn terzi persuni għal atti jew ommissjonijiet marbuta ma’ proċedura tal-għażla li għalihom il-bank ċentrali mogħti l-mandat jassumi responsabbiltà esklużiva, il-bank ċentrali mogħti l-mandat għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-banek ċentrali tal-Eurosistema dwar il-miżuri li għandu jieħu, eż. kwalunkwe rappreżentazzjoni minn konsulent legali estern jew mis-servizzi legali interni tiegħu, u għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż sussegwenti.

9.   Meta l-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-bank ċentrali mogħti l-mandat ikunu responsabbli konġuntament għat-telf jew danni mġarrba minn terza persuna, kull wieħed minnhom għandu jħallas sehem indaqs mill-ispejjeż.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finali

1.   Mandat għandu jkompli jkun fis-seħħ għal seba’ snin mid-data tat-tnedija.

2.   L-iskadenza ta’ mandat ma taffettwax il-validità tal-ftehim ta’ liċenzja relevanti.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ April 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(2)  ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76.

(3)  ĠU L 102, 22.4.2009, p. 12.


Fuq