Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32010D0031(01)

    2011/15/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li tikkonċerna l-ftuħ ta’ kontijiet għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2010/31)

    ĠU L 10, 14.1.2011, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 23/03/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/15(1)/oj

    14.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 10/7


    DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-20 ta’ Diċembru 2010

    li tikkonċerna l-ftuħ ta’ kontijiet għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

    (BĊE/2010/31)

    (2011/15/UE)

    IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 21 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 17 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), sabiex imexxi l-operat tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jiftaħ kontijiet għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra tas-suq.

    (2)

    Skont l-Artikoli 21.1 u 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, entitajiet, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew oħrajn pubbliċi, entitajiet oħra irregolati minn liġi pubblika, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.

    (3)

    Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (1), il-BĊE jista’ jaċċetta banek ċentrali bħala klijenti.

    (4)

    Qed issir referenza għall-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, Société Anonyme (EFSF), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata mwaqqfa fil-Lussemburgu, bl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bħala l-azzjonisti tagħha. Il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF daħal fis-seħħ u sar jorbot fl-4 t’Awwissu 2010.

    (5)

    Skont il-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF u konformi mal-liġijiet lokali tal-EFSF, l-EFSF għandu jipprovdi finanzjament fil-forma ta’ ftehim għall-faċilità ta’ self (minn hawn ’il quddiem il-‘Ftehim għall-Faċilità ta’ Self’) lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fejn dawn l-Istati Membri jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji u jkunu daħlu f’memorandum ta’ ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li jkun fih kundizzjonalità tal-politika.

    (6)

    L-Artikolu 3(5) tal-Ftehim dwar il-Qafas tal-EFSF jistipula illi l-iżburżar tas-self mogħti mill-EFSF lil Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jsir permezz tal-kontijiet tal-EFSF u tal-Istat Membru rilevanti li jkun qed jissellef li jkunu nfetħu mal-BĊE għall-finijiet tal-Fteħim għall-Faċilità ta’ Self. Deċiżjoni BĊE/2010/15 tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-amministrazzjoni ta’ self EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (2) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-ftuħ ta’ kont ta’ flus kontanti mal-BĊE f’isem l-EFSF għat-tħaddim tal-Ftehim għall-Faċilità ta’ Self.

    (7)

    Ir-rimborż taħt il-Ftehim għall-Faċilità ta’ Self ser isir permezz ta’ kontijiet ta’ flus kontanti miftuħin mal-BĊE f’isem il-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istat Membru relevanti li qed jissellef.

    (8)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-kontijiet ta’ flus kontanti li għandhom jinfetħu mal-BĊE f’isem il-BĊN tal-Istat Membru relevanti li qed jissellef għat-tħaddim tal-Ftehim dwar il-Faċilità tas-Self,

    ADOTTA DIN ID-DECIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ftuħ ta’ kontijiet ta’ flus kontanti

    Il-BĊE jista’, fuq talba tal-BĊN tal-Istat Membru li qed jissellef, jiftaħ kontijiet ta’ flus kontanti f’isem dan il-BĊN għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ Ftehim għal Faċilità ta’ Self (minn hawn ’il quddiem ‘kont ta’ flus kontanti ta’ BĊN’).

    Artikolu 2

    Aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet fil-kontijiet ta’ flus kontanti

    Kont ta’ flus kontanti ta’ BĊN għandu jintuża biss għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ Ftehim għal Faċilità ta’ Self.

    Artikolu 3

    Aċċettazzjoni ta’ istruzzjonijiet

    Il-BĊE għandu, b’rabta ma’ kont ta’ flus kontanti ta’ BĊN, jaċċetta biss istruzzjonijiet mingħand il-BĊN li għandu l-kont.

    Artikolu 4

    Bilanċ ta’ kontijiet ta’ flus kontanti

    Fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm ammont fid-debitu tal-kont ta’ flus kontanti ta’ BĊN. Għalhekk, ebda ħlasijiet m’għandhom isiru minn dawn il-kontijiet minbarra l-ammonti li hemm fil-kreditu ta’ dawn il-kontijiet.

    Artikolu 5

    Remunerazzjoni

    Il-BĊE għandu jħallas imgħax fuq il-bilanċ overnight fil-kreditu ta’ kont ta’ flus kontanti ta’ BĊN f’ammont ekwivalenti għar-rata applikabbli tal-faċilità tad-depożitu tal-BĊE fuq bażi attwali/360.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Diċembru 2010.

    Il-President tal-BĊE

    Jean-Claude TRICHET


    (1)  ĠU L 237, 8.9.2007, p. 71.

    (2)  ĠU L 253, 28.9.2010, p. 58


    Fuq