EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32010D0033

2011/11/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Diċembru 2010 dwar it-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali taħt il-qafas komuni għal reġistri kummerċjali għal finijiet ta’ statistika (BĊE/2010/33)

ĠU L 6, 11.1.2011, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 005 P. 282 - 284

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/11(1)/oj

11.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/37


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Diċembru 2010

dwar it-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali taħt il-qafas komuni għal reġistri kummerċjali għal finijiet ta’ statistika

(BĊE/2010/33)

(2011/11/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 192/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika, fir-rigward tal-iskambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1097/2010 tas-26 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta’ statistika, fir-rigward tal-iskambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u banek ċentrali (3),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 8a(2), (3), (5) u l-Artikolu 8b tiegħu,

Wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 46.2 tal-Istatut tas-SEBĊ,

Billi:

(1)

Regolament (KE) Nru 177/2008 jistabbilixxi qafas komuni ġdid għar-reġistri kummerċjali tad-dejta tal-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali esklussivament għall-finijiet tal-istatistika sabiex jinżamm qafas armonizzat għall-iżvilupp ta’ reġistri kummerċjali.

(2)

Skambju ta’ dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni u banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-‘BĊNi’), u bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ informazzjoni ta’ grupp ta’ intrapriżi multinazzjonali fl-Unjoni.

(3)

Sabiex jiġu żgurati l-format, il-miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità u l-proċeduri li jikkonċernaw id-dejta trażmessa mill-Kummissjoni lill-BĊNi u lill-BĊE, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1097/2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008.

(4)

Minħabba l-istrutturi ta’ kontroll separati tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS), huwa neċessarju li jiġu definiti l-format, il-miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità u l-proċeduri li jikkonċernaw id-dejta li l-BĊE u l-BĊNi jirċievu mingħand il-Kummissjoni u d-dejta trażmessa mill-BĊNi lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipparteċipaw fl-ESS kif definit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar Statistika Komunitarja u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(5)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu estiżi sabiex japplikaw għall-banek ċentrali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro permezz ta’ ftehim bejn dawk il-banek ċentrali u l-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skop

1.   Il-BĊNi għandhom jużaw it-tabella f’parti B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1097/2010 meta jittrażmettu l-karatteristiċi li jikkonċernaw lil gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u l-unitajiet li jikkostitwuhom lill-istitut nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali oħrajn tal-Istat Membru tagħhom li jipparteċipaw fl-ESS fl-Istat Membru tagħhom (minn hawn ’il quddiem il-‘membru tal-ESS’), bla ħsara għar-reġim dwar il-kunfidenzjalità fir-Regolament (KE) Nru 2533/98.

2.   Il-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, meta jkunu qed jittrażmettu dawn il-karatteristiċi lill-membru tal-ESS tal-Istat Membru tagħhom għal valutazzjoni, korrezzjoni, inserzjoni u integrazzjoni mad-dejta li l-membru tal-ESS jittrażmetti lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 177/2008.

Artikolu 2

Format u proċeduri għat-trażmissjoni

1.   Il-format stabbilit fl-Anness għandu jintuża meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS.

2.   Meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS, id-dejta u l-metadata għandhom ikunu trażmessi skont l-istandards tal-ESS u permezz tal-istruttura definita fl-aktar verżjoni riċenti tal-Manwal ta’ Rakkomandazzjonijiet tal-Eurostat dwar ir-Reġistri Kummerċjali li jista’ jinkiseb mingħand il-Kummissjoni (Eurostat).

3.   Meta dejta tiġi trażmessa mill-BĊNi lill-membri tal-ESS, il-BĊNi għandhom isegwu l-istess konvenzjonijiet dwar l-għoti ta’ ismijiet, l-istrutturi u d-definizzjonijiet ta’ oqsma kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 192/2009.

4.   Id-dejta u l-metadata trażmessi skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu skambjati b’mod elettroniku.

5.   Id-dejta u l-metadata trażmessi skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu trażmessi permezz tal-mezz żgur użat għat-trażmissjoni ta’ dejta kunfidenzjali, jew permezz ta’ aċċess mill-bogħod assigurat.

Artikolu 3

Miżuri ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità

1.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jaħżnu d-dejta li jirċievu mingħand il-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1097/2010, u li tkun ġiet immarkata bħala kunfidenzjali, f’żona żgura b’aċċess ristrett u kkontrollat.

2.   Dejta li jkunu rċevew il-BĊE u l-BĊNi mingħand il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tintuża esklussivament għall-finijiet ta’ statistika.

3.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jiżguraw illi informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda tiġi inkluża fir-rapport annwali dwar il-kunfidenzjalità jew li l-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu informati b’mezzi oħrajn.

Artikolu 4

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 61, 5.3.2008, pg. 6.

(2)  ĠU L 67, 12.3.2009, pg. 14.

(3)  ĠU L 312, 27.11.2010, p. 1

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8

(5)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.


ANNESS

STRUTTURA U FORMAT GĦAT-TRAŻMISSJONI TA’ DEJTA

Is-settijiet ta’ dejta li ġejjin u li fihom informazzjoni kunfidenzjali huma inklużi fil-proċess ta’ ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-reġistru tal-Unjoni ta’ gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u l-unitajiet li jikkostitwuhom (minn hawn ’il quddiem ir-‘reġistru tal-EuroGruppi’):

Sett ta’ dejta bir-riżultati tal-proċess ta’ aggregazzjoni

Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar l-unitajiet legali

Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar il-kontroll u l-proprjetà tal-unitajiet;

Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar l-intrapriżi;

Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar gruppi ta’ intrapriżi globali;

Settijiet ta’ dejta b’informazzjoni dwar gruppi ta’ intrapriżi separati.

Sett ta’ dejta bir-riżultati tal-gruppi ta’ intrapriżi separati u globali jiġi ġġenerat fl-aħħar ta’ kull ċiklu ta’ ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-reġistru tal-EuroGruppi.

Il-format għas-settijiet ta’ dejta huwa stabbilit fl-Anness, Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 192/2009.

Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni tal-grupp ta’ intrapriżi multinazzjonali fl-Unjoni, il-BĊNi jgħaddu s-settijiet ta’ dejta bl-informazzjoni korretta u kompluta li tinkludi marki ta’ kunfidenzjalità lill-membru tal-ESS tal-Istat Membru tagħhom. Skont Parti A tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1097/2010 l-awtorità nazzjonali kompetenti tivvaluta l-korrezzjonijiet, l-inserzjonijiet u l-marki ta’ kunfidenzjalità li jkunu waslu mingħand il-BĊNi u fejn meħtieġ, jintegrahom fid-dejta li jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11 ta’ Regolament (KE) Nru 177/2008.


Fuq