EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52016HB0024

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Awwissu 2016 dwar il-qafas ta’ mmaniġġjar tal-kwalità tad-dejta għall-istatistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2016/24)

ĠU C 297, 17.8.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Awwissu 2016

dwar il-qafas ta’ mmaniġġjar tal-kwalità tad-dejta għall-istatistika fuq investimenti f’titoli

(BĊE/2016/24)

(2016/C 297/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 5.1 u t-tielet inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2012/24) (2) jistabbilixxi illi aġenti għar-rapportar residenti fi Stat Membru fiż-żona tal-euro għandhom jirrapportaw dwar pożizzjonijiet, tranżazzjonijiet u, fejn disponibbli, bidliet oħra fil-volum ta’ titoli miżmuma minnhom fuq bażi ta’ titolu b’titolu. Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma meħtieġa li jikklassifikaw u jaggregaw din id-dejta.

(2)

Il-kwalità kumplessiva tad-dejta fuq investiment f’titoli għandha tiġi vvalutata fil-livell ta’ dejta mdaħħla (titoli individwali) kif ukoll dejta (kemm individwali u aggregata) maħruġa. Sabiex jiġu żgurati l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-konsistenza tal-istatistika dwar l-investimenti f’titoli, il-Linja Gwida BĊE/2013/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) tistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tal-kwalità tad-dejta (DQM) ta’ dik l-istatistika.

(3)

Il-qafas DQM jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro għall-kwalità ta’ dejta maħruġa fuq investiment f’titoli, u, fejn ikun rilevanti, dawk tal-operaturi tad-Database tal-Istatistika tal-Investimenti fit-Titoli [iktar ‘il quddiem l-“SHSDB” (Securities Holdings Statistics Database)] tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali (SEBĊ), jiġifieri il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-Deutsche Bundesbank.

(4)

Sabiex tiġi żgurata kwalità konsistenti, il-membri tas-SEBĊ parteċipanti kollha li jirraportaw dejta lill-BĊE għall-finijiet tal-SHSDB għandhom isegwu l-istess standards tad-DQM. Barra minn dan, BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro huma fl-aqwa pożizzjoni biex iwettqu DQM fuq id-dejta relatata ma’ investituri li jirrisjedu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Filwaqt illi huwa rikonnoxxut illi linji gwida adottati mill-BĊE ma jistgħux jimponu obbligi fuq BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro, l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew japplika kemm għall-BĊNi taż-żona tal-euro kif ukoll lil dawn li mhumiex fiż-żona tal-euro. BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro li jirraportaw dejta lill-BĊE għall-finijiet tal-SHSDB għandhom b’hekk jindikaw u jimplimetaw l-miżuri kollha li huma jikkunsidraw xierqa sabiex jagħmlu d-DQM skont il-Linja Gwida BĊE/2013/7. BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, ma’ BĊNi li mhumiex fiz-zona tal-euro u mal-BĊE fl-applikazzjoni tal-qafas tad-DQM b’konformità ma’ dik il-Linja Gwida,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, it-termini “statistika dwar investimenti f’titoli” u “DQM” għandu jkollhom l-istess tifsira bħal dik prevista fil-Linja Gwida BĊE/2013/7.

Id-destinatarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom japplikaw il-qafas DQM għall-istatistika dwar investimenti f’titoli stabbiliti fl-Artikolu 11(3) sa (6) tal-Linja Gwida BĊE/2013/7 u jikkooperaw b’mod tempestiv mal-operaturi tas-SHSDB.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri li ma humiex fiż-żona tal-euro li jirrapportaw dejta lill-BĊE għall-finijiet tal-SHSDB.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Awwissu 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6).

(3)  Linja Gwida BĊE/2013/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2013 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (ĠU L 125, 7.5.2013, p. 17).


Fuq