EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019D0009

Deċiżjoni (UE) 2019/669 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' April 2019 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/10 dwar id-denominazzjonijiet, speċifikazzjonijiet, riproduzzjoni, skambju u rtirar ta' karti tal-flus tal-euro (BĊE/2019/9)

ĠU L 113, 29.4.2019, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/669/oj

29.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/6


DEĊIŻJONI (UE) 2019/669 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' April 2019

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/10 dwar id-denominazzjonijiet, speċifikazzjonijiet, riproduzzjoni, skambju u rtirar ta' karti tal-flus tal-euro (BĊE/2019/9)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' April 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/10 (1), li stabbilixxa għadd ta' standards tekniċi biex ikopri kemm serje kurrenti kif ukoll futuri ta' karti tal-flus euro u kkjarifika aktar uħud mir-regoli u proċeduri fir-rigward tal-karti tal-flus tal-euro.

(2)

Il-BĊE ddeċieda li jagħmel modifiki għat-tieni serje ta' karti tal-flus tal-euro, magħrufa bħala s-serje Europa. L-għoli tal-karti tal-flus tal-euro 100 u euro 200 għandu jitnaqqas.

(3)

Fl-4 ta' Mejju 2016, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jeskludi l-karti tal-euro ta' denominazzjoni ta' euro 500 mis-serje Europa.

(4)

Barra minn hekk, l-adeżjoni tal-Kroazja fl-2013 teħtieġ li l-inizjali tal-BĊE bil-Kroat jiġu miżjuda mad-denominazzjonijiet tal-euro 50, 100 u 200 tat-tieni serje ta' karti tal-flus tal-euro. Għandhom jiżdiedu mal-element tad-disinn li jinkludi l-varjanti uffiċjali tal-lingwa tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, il-limitu għar-rekwiżit li tiġi pprovduta dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-karti tal-flus tal-euro u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, fejn applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għandha tiżdied għal EUR 10 000. Din iż-żieda se tarmonizzaha mal-limitu għal persuni li jinnegozjaw f'oġġetti sal-punt li l-ħlasijiet isiru jew jiġu riċevuti fi flus kontanti f'ammont ta' EUR 10 000 jew aktar skont id-Direttiva (UE) 2015/849.

(6)

Hemm il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-iskambju ta' karti tal-flus danneġġjati jista' jsir billi jiġu skambjati karti tal-flus tal-istess valur fi kwalunkwe denominazzjoni jew billi jiġi trasferit jew ikkreditat il-valur lill-kont ta' applikant. Għandu jiġi ċċarat li t-tariffa għall-iskambju ta' karti tal-flus ġenwini ddanneġġjati minn apparat kontra s-serq tapplika wkoll meta l-applikant jitlob li l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jittrasferixxi jew jikkredita l-valur tal-karti tal-flus rispettivi f'kont.

(7)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   Il-karti tal-flus tal-euro tal-ewwel serje għandhom jinkludu seba' denominazzjonijiet ta' karti tal-flus tal-euro fil-medda ta' 5 euro sa 500 euro. Il-karti tal-flus tal-euro tat-tieni serje għandhom jinkludu sitt denominazzjonijiet fil-medda ta' 5 sa 200 euro. Il-karti tal-flus tal-euro għandhom juru t-tema “Żminijiet u stili tal-Ewropa” bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.

Valur fuq il-wiċċ (EUR)

Dimensjonijiet (l-ewwel serje)

Dimensjonijiet (it-tieni serje)

Kulur dominanti

Disinn

5

120 × 62 mm

120 × 62 mm

Griża

Klassiku

10

127 × 67 mm

127 × 67 mm

Ħamra

Romanesk

20

133 × 72 mm

133 × 72 mm

Blu

Gotiku

50

140 × 77 mm

140 × 77 mm

Oranġjo

Rinaxximent

100

147 × 82 mm

147 × 77 mm

Ħadra

Barokk u rococò

200

153 × 82 mm

153 × 77 mm

Isfar fil-kannella

Arkitettura tal-ħadid u l-ħġieġ

500

160 × 82 mm

mhux inkluża fit-tieni serje

Vjola

Arkitettura moderna tas-seklu 20”;

(b)

Il-paragrafu 2(c) huwa mibdul b'li ġej:

“(c)

l-inizjali tal-BĊE fil-varjanti uffiċjali tal-lingwa tal-Unjoni Ewropea;

(i)

għall-ewwel serje ta' karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-ħames varjanti tal-lingwa uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, EZB, EKT u EKP;

(ii)

għat-tieni serje ta' karti tal-flus euro: (1) għad-denominazzjonijiet ta' euro 5, euro 10 u euro 20, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għad-disa' varjanti tal-lingwi uffiċjali: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, EKB, BĊE u EBC; (2) għad-denominazzjonijiet ta' euro 50, euro 100 u euro 200, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-għaxar varjanti tal-lingwi uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, ESB, EKB, BĊE u EBC;”;

2.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2(h) huwa mibdul b'dan li ġej:

“(h)

fejn l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 preżenti għal skambju, f'tranżazzjoni waħda jew aktar, karti tal-flus ewro ġenwini ddanneġġjati b'valur ta' mill-inqas EUR 10 000, dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-karti tal-flus u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, fejn applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), għandhom jiġu pprovduti minn dawk l-istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll fil-każ ta' dubju dwar jekk intlaħaqx il-valur limitu ta' EUR 10 000. Ir-regoli stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti ta' identifikazzjoni u rappurtar aktar stretti adottati mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(*1)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

3.

fl-Artikolu 3, huwa miżjud il-paragrafu 4 ġdid li ġej:

“4.   Il-BĊNi jistgħu jwettqu l-iskambju billi jagħtu flus kontanti fil-valur tal-karti tal-flus fi kwalunkwe denominazzjoni, billi jittrasferixxu l-valur tal-karti tal-flus f'kont bankarju tal-applikant li jista' jiġi identifikat mingħajr ambigwità minn identifikatur tan-numru tal-kont tal-ħlas internazzjonali (IBAN) kif definiti fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew billi jikkreditaw il-valur tal-karti tal-flus f'kont tal-applikant mal-BĊN, kif jitqies xieraq mill-BĊN.

(*2)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).”"

4.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   BĊNi għandhom jitolbu ħlas lill-istituzzjonijiet u lill-aġenti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 meta jitolbu lill-BĊNi, skont l-Artikolu 3, jiskambjaw karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew iddanneġġjati minn apparat kontra s-serq. Dan il-ħlas għandu japplika wkoll irrispettivament minn jekk il-BĊN jesegwix l-iskambju fi flus kontanti jew billi jittrasferixxi jew jikkredita l-valur tal-karti tal-flus f'kont.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Frankfurt am Main, l-4 ta' April 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 tad-19 ta' April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).


Fuq