EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017R2095

Regolament (UE) 2017/2095 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/2017/34)

ĠU L 299, 16.11.2017, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2095/oj

16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/22


REGOLAMENT (UE) 2017/2095 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/2017/34)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 34.3 u 19.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, (1) u partikolarment l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) applika r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew(BĊE/1999/4) (2) biex jimponi sanzjonijiet f'diversi oqsma tal-kompetenza tiegħu, inkluż b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, l-operazzjoni tas-sistemi ta' ħlas u l-ġbir tal-informazzjoni statistika.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/28) (3) jintitola lill-BĊE li jimponi sanzjonijiet fuq operaturi ta' sistemi ta' ħlas ta' importanza sistemika (SIPS) fil-każ ta' ksur ta' dak ir-Regolament.

(3)

Fil-qasam tas-sorveljanza tas-SIPS, l-esperjenza miksuba fit-twettiq tal-ewwel valutazzjoni komprensiva skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) wriet li għandhom isiru ċerti emendi fir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) sabiex jiġi żgurat li effettivament jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet għal ksur tas-sorveljanza.

(4)

B'mod partikolari, hija meħtieġa kjarifika tad-definizzjoni ta' bank ċentrali nazzjonali kompetenti biex tiġi ggarantita konsistenza mad-definizzjoni ta' awtorità kompetenti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). Barra minn hekk, kjarifika tal-kompożizzjoni tal-unità investigattiva indipendenti interna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li tista' twettaq b'mod indipendenti l-funzjonijiet investigattivi tagħha fil-qasam tas-sorveljanza tas-sistemi ta' ħlas.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) għandu jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, il-kliem “bank ċentrali nazzjonali kompetenti” ifisser il-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu seħħ il-ksur allegat jew, għall-ksur fil-qasam tas-sorveljanza ta' sistemi ta' ħlas sistemikament importanti, ifisser il-bank ċentrali tal-Eurosistema li ġie identifikat bħala l-awtorità kompetenti fit-tifsira tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/28) (*1). Termini oħrajn għandhom l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98,

(*1)  Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16).”"

2.

fl-Artikolu 1b, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Għall-finijiet li jiddeċiedi jekk jibdiex proċedura ta' ksur skont l-Artikolu 2 u jeżerċita l-poteri mniżżla fl-Artikolu 3, il-BĊE għandu jistabbilixxi unità investigattiva indipendenti interna (iktar 'il quddiem “unità investigattiva”) komposta minn uffiċjali investigattivi li għandhom iwettqu l-funzjonijiet investigattivi tagħhom b'mod indipendenti mill-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Governattiv, u m'għandhomx jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv. L-unità investigattiva għandha tinkludi uffiċjali investigattivi b'firxa ta' għarfien, ħiliet u esperjenza rilevanti.”;

3.

fl-Artikolu 1b, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Għall-investigazzjoni ta' ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), il-BĊE jista' jaħtar bħala uffiċjali investigattivi: (i) membri tal-persunal tal-BĊE jew ta' bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru, sakemm il-ħatra tiġi aċċettata mill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti; jew (ii) esperti esterni li jaġixxu abbażi ta' mandat xieraq. Il-BĊE ma jistax jaħtar bħala uffiċjali investigattivi membri tal-Kumitat tal-Infrastruttura tas-Suq u tal-Ħlasijiet jew membri tal-persunal tal-BĊE jew ta' bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li kienu involuti direttament fl-attivitajiet ta' grupp ta' valutazzjoni li wettqu l-valutazzjoni ta' sorveljanza inizjali li tidentifika ksur jew raġunijiet għal suspett li kien hemm ksur.”;

4.

fl-Artikolu 8, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Meta ssir din ir-reviżjoni, il-Kunsill Governattiv jista':

(a)

jikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv,

(b)

jemenda d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv billi jiġi mmodifikat l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta u/jew ir-raġunijiet li jagħtu lok għal ksur;

(c)

iwarrab id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv.”;

5.

fl-Artikolu 10, huwa miżjud il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal sanzjonijiet għal ksur ta' regolamenti u deċiżjonijiet tal-BĊE fil-qasam tas-sorveljanza ta' sistemi ta ħlas sistemikament importanti.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 19

(2)  Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).

(3)  Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16).


Fuq