EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0015

Deċiżjoni (UE) 2017/1361 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/5 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2017/15)

ĠU L 190, 21.7.2017, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1361/oj

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/24


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1361 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Mejju 2017

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/5 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2017/15)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/45) (1), stabbilixxiet programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP). Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, l-ABsPP huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija, inkluż permezz tal-APP, tinvolvi d-definizzjoni tal-għodda, tal-istrumenti u l-proċeduri li jridu jintużaw mill-Eurosistema sabiex tiġi implimentata politika bħal din b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(3)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda fit-22 ta' Marzu 2017 li għandhom jiġu rfinati aktar ir-regoli applikabbli għal titoli ggarantiti b'assi (ABSs) oriġinati minn entitajiet ta' stralċ sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b'mod konsistenti fil-politika monetarja tal-Eurosistema permezz tal-APP.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 (BĊE/2014/45) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/5 (BĊE/2014/45), għandu jiżdied il-punt (11) li ġej:

“(11)

L-entità li oriġinat jew stabbilixxiet ABS mhijiex entità, kemm jekk tkun proprjetà pubblika jew privata, li: (i) ikollha bħala l-iskop ewlieni tagħha l-iżvestiment gradwali tal-assi tagħha u l-waqfien tan-negozju tagħha; jew (ii) tkun entità għall-ġestjoni jew l-iżvestiment ta' assi stabbilita biex tappoġġa ristrutturar u/jew riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju, inklużi vetturi tal-ġestjoni tal-assi li jirriżultaw minn azzjoni ta' riżoluzzjoni fil-forma tal-applikazzjoni ta' għodda għas-separazzjoni tal-assi skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fil-21 ta' Lulju 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).


Fuq