EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0003(01)

Deċiżjoni (UE) 2017/102 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/5 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2017/3)

ĠU L 16, 20.1.2017, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/102/oj

20.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/55


DEĊIŻJONI (UE) 2017/102 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta' Jannar 2017

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/5 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2017/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/45) (1), stabbilixxiet programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP). Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta'xiri ta'assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, l-ABsPP huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

Ix-xiri ta' assi taħt l-APP hija miżura proporzjonata għal mitigazzjoni tar-riskji għall-prospetti għall-iżviluppi fil-prezzijiet, billi tkompli ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta' self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b'hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta' inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta' żmien medju. L-APP jikkonforma bi sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont it-Trattati, inkluża l-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, u ma jfixkilx l-operat tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

(3)

Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b'mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li ċerti parametri tal-APP għandhom jiġu aġġustati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-APP. L-aġġustamenti huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv, jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-Trattati u jirriflettu debitament kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju.

(4)

B'mod aktar speċifiku, l-orizzont maħsub ta' xirjiet taħt l-APP għandu jiġi estiż sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta' inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju.

(5)

Il-likwidità provduta lis-suq permezz tax-xirjiet ikkombinati fix-xahar taħt l-APP għandha tkompli tammonta għal EUR 80 biljun sa tmiem Marzu 2017. Minn April 2017, ix-xirjiet fix-xahar ikkombinati taħt l-APP għandhom jipproċedu b'ritmu ta' EUR 60 biljun sat-tmiem ta' Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-mira tiegħu ta' inflazzjoni. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir anqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti ma' progress ulterjuri lejn aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv beħsiebu jżid il-programm f'termini ta' daqs u/jew durazzjoni.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr skossi ta' xirjiet taħt l-APP matul l-orizzont maħsub, ix-xirjiet ta' titoli taħt l-APP b'rendIment għall-maturità li tkun taħt ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu tal-BĊE għandhom jiġu permessi sal-grad meħtieġ.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 (BĊE/2014/45) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/5 (BĊE/2014/45), għandu jiżdied il-punt (10) li ġej:

“(10)

Huma permessi xirjiet ta' ABSs nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) ugwali għal jew 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta' ABSs b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta' depożitu.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-13 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta' Jannar 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).


Fuq