EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0014

Deċiżjoni (UE) 2016/868 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/6 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2016/14)

ĠU L 144, 1.6.2016, p. 99–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/868/oj

1.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/99


DEĊIŻJONI (UE) 2016/868 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Mejju 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/6 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2016/14)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 u l-Artikolu 46.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/6 (2) tiddefinixxi l-miżuri ta' tħejjija li l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu sabiex iħejju għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ).

(2)

Minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni BĊE/2014/6, sar progress sinifikanti lejn l-istabbiliment ta' qafas għal żmien twil għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu li huwa bbażat fuq rekwiżiti armonizzati għar-rapportar statistiku.

(3)

Minħabba n-numru u l-kumplessità tar-rekwiżiti previsti għar-rapportar statistiku, l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni stipulat fid-Deċiżjoni BĊE/2014/6 għandha tiġi estiża sabiex is-SEBĊ u l-aġenti li jirrapportaw ikollhom żmien biżżejjed biex iħejju sew għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu. Peress li ser jgħaddi ammont sinifikanti ta' ħin qabel ma jibda r-rapportar attwali, l-iskeda ta' żmien ipprovduta fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/6 għat-tlestija tal-fażi preparatorja għandha tiġi ssostitwita bi skadenza li tiżgura li l-fażi preparatorja tintemm meta jibda r-rapportar taħt il-qafas fit-tul għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu.

(4)

Din l-iskeda ta' żmien riveduta ser tapplika wkoll għal banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta' Stati Membri li l-munita tagħom mhijiex l-euro f'sitwazzjonijiet fejn dawk il-BĊNi jikkooperaw mal-banek ċentrali tal-Eurosistema fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 (3).

(5)

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2014/6 il-Kumitat tal-Istatistika (iktar 'il quddiem l-“KST”) jirrapporta annwalment lill-Kunsill Governattiv dwar il-progress miksub mill-BĊE u l-BĊNi individwali fir-rigward tal-implimentazzjoni min-naħa tagħhom ta' miżuri ta' tħejjija. Dan ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni miġbura mill-KST mingħand il-BĊNi kollha, inkluża informazzjoni dwar il-progress miksub mill-BĊNi b'deroga skont l-Artikolu 3(3) ta' dik id-Deċiżjoni. Ir-rapporti separati previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2014/6 m'għadhomx jitqiesu li huma neċessarji,

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni BĊE/2014/6 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/6 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, it-tieni sentenza hija ssostitwita b'dan li ġej:

“Dan il-qafas fit-tul għandu, sal-bidu tal-ewwel trasmissjoni attwali ta' mikrodejta dwar il-kreditu mill-BĊNi lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (*), jinkludi: (a) bażijiet ta' dejta nazzjonali dwar il-mikrokreditu mħaddma mill-BĊNi kollha tal-Eurosistema, u (b) bażi ta' dejta komuni dwar il-mikrokreditu li hija kondiviża bejn il-membri tal-Eurosistema u li tikkonsisti f'mikrodejta dwar il-kreditu għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(*)  Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u dwar ir-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).”"

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.   Il-KST għandu, wara li jikkunsidra l-pariri minn kumitati relevanti oħrajn tas-SEBĊ, iħejji d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' tħejjija stipulati fil-paragrafu 1 u jissottomettihom għal adozzjoni lill-Kunsill Governattiv. Il-KST għandu jirrapporta lill-Kunsill Governattiv fuq bażi annwali dwar il-progress miksub mill-BĊE u l-BĊNi individwali, inklużi BĊNi b'deroga skont l-Artikolu 3(3).”

(3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'li ġej:

“3.   Fir-rigward ta' BĊNi li jeħtieġu perijodu itwal ta' introduzzjoni gradwali matul il-fażi ta' tħejjija għall-iżvilupp jew il-kisba ta' aċċess għal bażijiet ta' dejta komprensivi ta' mikrodejta dwar il-kreditu, il-Kunsill Governattiv jista', matul il-fażi ta' tħejjija, jagħti derogi temporanji individwali mill-obbligu li jiġu applikati miżuri ta' tħejjija speċifiċi ddefiniti taħt il-paragrafu 1. Il-perijodu ta' kull deroga individwali għandu jkun limitat strettament għall-ħin minimu meħtieġ sabiex il-BĊN ikkonċernat jikseb matul il-fażi ta' tħejjija konformità mal-miżuri ta' tħejjija koperti minn din id-deroga, u fi kwalunkwe każ għandu jiġi ffissat b'mod li jippermetti li l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 jinkisbu fir-rigward tal-BĊNi tal-Eurosistema kollha. Id-drittijiet kollha ta' aċċess għal informazzjoni statistika kunfidenzjali dderivati minn mikrodejta dwar il-kreditu mibgħuta lill-BĊE bħala parti minn miżura ta' tħejjija speċifika għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta' kwalunkwe BĊN li jibbenefika minn deroga temporanja fir-rigward ta' din il-miżura. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li għandhom jiġu imposti restrizzjonijiet ulterjuri fuq BĊNi individwali li jibbenefikaw minn kwalunkwe deroga taħt dan il-paragrafu.”;

(4)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Sabiex jiġi żgurat l-allinjament kif suppost tal-mikrodejta dwar il-kreditu li għandha tinġabar għal żmien twil mal-ħtiġijiet statistiċi ta' utenti prospettivi tas-SEBĊ, il-KST għandu, matul il-fażi ta' tħejjija, jorganizza t-trażmissjoni annwali, fit-tmiem ta' Marzu ta' kull sena, mill-BĊNi lill-BĊE ta' mikrodejta dwar il-kreditu, relatata mat-30 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel, bl-użu ta' livell adegwat ta' anonomizzazzjoni u aggregazzjoni fir-rigward tat-tagħrif dwar il-mutwatarji, sabiex jiġi żgurat illi l-mutwatarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati. L-ewwel trażmissjoni għandha sseħħ fl-aħħar ta' Marzu 2014, b'referenza għat-30 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru 2013, u għandha tkun ibbażata fuq l-iskema ta' rapportar ta' referenza stabbilita fl-Anness. Kwalunkwe trażmissjoni oħra fuq bażi ad hoc għandha tiġi organizzata mill-KST fuq bażi volontarja u fuq il-bażi tal-iskema ta' rapportar li għandha tikkunsidra l-eżistenza ta' mikrodejta dwar il-kreditu disponibbli fil-pront u l-karatteristiċi tagħha, u tiżgura illi d-dejta miġbura tkun proporzjonata mal-istat tax-xogħol ta' tħejjija li jkun tlesta fil-ħin tat-trażmissjoni. Dejta dwar mutwatarji li jappartjenu għal setturi istituzzjonali li mhumiex korporazzjonijiet mhux finanzjarji tista' tiġi rrapportata matul il-fażi ta' tħejjija fuq bażi aggregata, sakemm il-BĊN jipprovdi tagħrif relevanti dwar il-metodoloġija.”

(5)

L-Anness tad-Deċiżjoni BĊE/2014/6 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill- BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Mejju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01, Volum 03, p. 23).

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/6 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ĠU L 104, 8.4.2014, p. 72).

(3)  Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ĠU C 103, 8.4.2014, p. 1).


ANNESS

It-tabella tal-Anness tad-Deċizjoni BĊE/2014/6 hija mibdula bit-Tabella li ġejja:

“Tip

Attributi

Ħarsa ġenerali

Livell ta' anonimizzazzjoni

Attributi tal-mutwanti Attributi

Identifikatur tal-mutwanti

Identifikazzjoni tal-mutwanti skont il-kodifikazzjoni użata mir-Reġistru tad-Database tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati tas-SEBĊ (RDIA) (*).

Mhux anonimizzati

Attributi tal-mutwatarju

Identifikatur tal-mutwatarju

Identifikazzjoni alfanumerika tal-mutwatarju, biex jiġi żgurat li selliefa individwali ma jistgħux jiġu identifikati

Anonimizzat

Pajjiż ta' residenza

Pajjiż ta' residenza tal-mutwatarju, skont l-ISO 3166 standard (**).

Settur istituzzjonali

Settur istituzzjonali (jew sottosettur) tal-mutwatarju, skont il-klassifikazzjoni tal-ESA 2010. Is-sottosetturi li ġejjin huma rikjesti:

Korporazzjonijiet mhux finanzjarji (S.11)

Il-Bank ċentrali (S.121);

Korporazzjoniet li jaċċettaw id-depożiti għajr għall-bank ċentrali (S.122)

Fondi ta' suq tal-flus (S.123)

Fondi ta' investiment li mhumiex MMF (S.124)

Intermedjarji finanzjarji oħrajn, ħlief għall-korporazzjonijiet ta' assigurazzjoni u fondi ta' pensjoni (S.125)

Awżiljari finanzjarji (S.126)

Istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u mutwanti tal-flus (S.127)

Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (S.128)

Fondi tal-pensjoni (S.129)

Gvern ġenerali (S.13)

Unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet li m'għandhomx skop ta' qligħ li jservu unitajiet domestiċi (S.14 + S.15)

Settur tal-attività ekonomika

Klassifikazzjoni tal-mutwatarji (finanzjarji u mhux finanzjarji) skont l-attivitajiet ekonomiċi, skont il-klassifikazzjoni statistika ta' NACE rev.2 (***). Il-kodiċi tan-NACE għandhom jiġu rrapportati b'dettall ta' żewġ livelli (b'“diviżjoni”)

Daqs

Klassifikazzjoni ta' mutwatarji skont id-daqs tagħhom: mikro, żgħar, ta' daqs medju u kbar.

Varjabbli tad-dejta tal-kreditu

Identifikatur tas-self

Identifikazzjoni alfanumerika tas-self, kif użata minn istituzzjonijiet ta' kreditu f'livell nazzjonali.

Munita

Denominazzjoni tal-munita tas-self, skont l-ISO 4217 standard (**).

Tip ta' self

Klassifikazzjoni ta' self skont it-tip tagħhom:

Fuq talba (sejħa) u avviż qasir (kont kurrenti)

Dejn tal-karta ta' kreditu

Riċevibbli kummerċjali

Kirjiet finanzjarji

Self ta' xiri mill-ġdid bil-maqlub

Self għal żmien ieħor

Tip ta' kollateral

Tip ta' kollateral li jappoġġja s-self mogħti, kollateral ta' proprjetà immobbli, kollateral ieħor (inklużi titoli u deheb), l-ebda kollateral.

Maturità oriġinali

Maturità tas-self miftiehem fil-bidu jew f'data iktar tard ta' negozjar mill-ġdid; inqas minn jew ugwali għal sena, iktar minn sena.

Maturità residwa

Maturità li tirreferi għaż-żmien miftiehem tal-fidi tas-self; inqas minn jew ugwali għal sena, iktar minn sena.

Status mhux produttiv

Self fejn il-mutwatarju jkun inadempjenti.

Self sindikat

Ftehim ta' self wieħed li fih jipparteċipaw diversi istituzzjonijiet bħala mutwatarji.

Dejn subordinat

Strumenti ta' dejn subordinat jipprovdu pretensjoni sussidjarja fuq l-istituzzjoni emittenti li tista' tiġi eżerċitata biss wara li l- pretensjonijiet kollha bi status aktar għoli (eż. depożiti/self) ikunu ġew sodisfatti, u jkunu ngħatawlhom xi wħud mill-karatteristiċi ta' “ishma u ekwitajiet oħra”.

Miżuri tad-dejta ta' kreditu

Kreditu miġbud

Ammont totali ta' self pendenti (ammont prinċipali, mingħajr ma jitnaqqas tnaqqis fil-valur), aġġustament tar-riskju ta' kreditu rapportat iddikjarat gross, ħlief għal telf ta' kreditu rreġistrati bħala kanċellazzjoni.

Linji ta' kreditu

Ammont ta'kreditu mogħti imma mhux miġbud.

Arretrati

Kwalunkwe pagament (ammont) fuq self, li huwa ttardjat b'iktar minn 90 ġurnata.

Valur kollaterali

Valur kollaterali fil-ħin tar-rapportar.

Aġġustament speċifiku tar-riskju ta' kreditu

Provvediment għat-telf tas-self speċifiku għar-riskji tal-kreditu skont il-qafas tal-kontabbiltà sistematiku. Tali miżura għandha tiġi rrapportata biss għas-self mhux produttiv.

Assi ppeżati għar-riskju

Ammonti ta' skopertura ppeżati għar-riskju skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****) jew atti suċċessivi.

Probabbiltà ta' inadempjenza (biss għal istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni biss)

Probabilità ta' inadempjenza ta' kontroparti f'perjodu ta' sena, skont id-Direttiva 2006/48/KE jew atti suċċessivi. Għal rapportar dwar kull mutwatarju individwali, għandha tiġi rrapportata medja ta' volum ippeżat.

Telf ta' inadempjenza (biss għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw approċċ ibbażat fuq klassifikazzjoni interna)

Proporzjon tat-telf dwar l-esponiment minħabba l-inadempjenza tal-kontroparti mal-ammont pendenti fl-inadempjenza, skont id-Direttiva 2006/48/KE jew atti suċċessivi. Għal rapportar dwar kull mutwatarju individwali, għandha tiġi rrapportata medja ta' volum ippeżat.

Rata tal-imgħax

Il-proporzjon, bħala perċentwal fis-sena, tal-ammont li d-debitur għandu jħallas lill-kreditur f'perjodu ta' żmien partikolari għall-ammont tal-kapital tas-self, depożitu jew garanzija ta' debitu, skont ir-Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*****) jew atti suċċessivi. Għal rapportar dwar kull mutwatarju individwali, għandha tiġi rrapportata medja ta' volum ippeżat.


(*)  Għal istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM), ara l-lista ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(**)  Kif ippubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) fuq is-sit elettroniku tagħha fuq www.iso.org

(***)  Kif ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) fuq is-sit elettroniku tagħha fuq www.ec.europa.eu/eurostat.

(****)  Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

(*****)  Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2001, dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2001/18) (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 24).”.


Fuq