EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32015D0038
Decision (EU) 2015/2218 of the European Central Bank of 20 November 2015 on the procedure to exclude staff members from the presumption of having a material impact on a supervised credit institution's risk profile (ECB/2015/38)
Deċiżjoni (UE) 2015/2218 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Novembru 2015 dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni (BĊE/2015/38)
Deċiżjoni (UE) 2015/2218 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Novembru 2015 dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni (BĊE/2015/38)
ĠU L 314, 1.12.2015, p. 66–71
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 24/03/2022
1.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/66 |
DEĊIŻJONI (UE) 2015/2218 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-20 ta' Novembru 2015
dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni (BĊE/2015/38)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fi ħdan il-qafas stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu kompetenza esklużiva biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament li huma relatati ma' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti jew friegħi stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti minn istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. |
(2) |
Sabiex jiġu segwiti l-objettivi tal-unjoni bankarja wara l-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2012, li qalet li l-proċess lejn unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda għandha tibni fuq il-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni, għandu jiġi stabbilit qafas legali armonizzat fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2) jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati. B'mod partikolari, it-Titolu 2 tal-Parti III jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċess ġust għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. |
(4) |
Il-qafas għal superviżjoni prudenzjali stabbilit permezz tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jidentifikaw il-membri tal-persunal kollha li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Kwalunkwe kriterju użat għal dan l-iskop għandu jiżgura li l-identifikazzjoni ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni tirrifletti l-livell ta' riskju tal-attivitajiet differenti fi ħdan l-istituzzjoni. |
(5) |
Il-BĊE huwa responsabbli sabiex jiżgura, fi ħdan il-qafas tar-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 (4), li l-entitajiet taħt is-superviżjoni diretta tiegħu japplikaw ir-regoli dwar l-identifikazzjoni ta' persunal li jkollhom impatt materjali fuq il-profil ta' riskju ta' istituzzjoni b'mod koerenti li jissalvagwardja s-sodezza ta' kwalunkwe identifikazzjoni ta' din ix-xorta. Din id-Deċiżjoni għalhekk tipprovdi għal proċedura b'rabta mal-applikazzjoni tal-kriterji kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali kemm għan-notifika tal-approvazzjoni minn qabel, kif ukoll l-applikazzjoni għaliha, li l-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni għandhom jissottomettu lill-BĊE sabiex jeskludu membri tal-persunal jew kategoriji ta' membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li huma persunal identifikat fuq il-bażi tal-kriterji kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:
(1) |
“istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE); |
(2) |
“Deċiżjoni superviżorja tal-BĊE” għandha l-istess tifsira kif iddefinita fl-Artikolu 2(26) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(3) |
“persunal identifikat” tfisser il-membri kollha tal-persunal ta' istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni ta' kreditu, fuq bażi individwali, subkonsolidata jew konsolidata, kif iddefinit fil-paragrafi (48) u (49) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
Article 3
Informazzjoni ġenerali li għandha tingħata lill-BĊE
1. In-notifika skont l-Artikolu 4(4) u l-applikazzjoni għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja għat-tmiem tas-sena finanzjarja preċedenti u s-sena finanzjarja attwali:
(a) |
id-data ta' referenza; |
(b) |
l-identifikatur tal-entità legali (legal entity identifier — LEI) tal-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni; |
(c) |
in-numru ta' impjegati ekwivalenti għal full-time; |
(d) |
in-numru ta' persunal identifikat; |
(e) |
in-numru ta' persunal identifikat fuq il-bażi tal-kriterji kwalitattivi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014; |
(f) |
in-numru ta' persunal identifikat ibbażat esklużivament fuq il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, flimkien ma' indikazzjoni tal-kategorija li għaliha jappartjeni kull membru tal-persunal identifikat mill-kategoriji speċifikati fl-Artikolu 4(1)(a), (b) jew (c) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014; |
(g) |
in-numru ta' persunal identifikat ibbażat esklużivament fuq kriterji addizzjonali stipulati mill-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni. |
2. In-notifika skont l-Artikolu 4(4) u l-applikazzjoni għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja għal kull membru tal-persunal li għalih tintalab esklużjoni.
(a) |
l-isem, l-entità, l-unità operatorja, id-dipartiment, it-titlu tal-kariga u l-linja tar-rapportar tal-membru tal-persunal flimkien man-numru ta' impjegati ekwivalenti għal full-time taħt it-tmexxija tal-membru tal-persunal; |
(b) |
jekk il-membru tal-persunal jappartjenix għal xi funzjoni ta' teħid ta' riskju jew kontroll tar-riskju u jekk dan ikun il-każ, il-limitu minimu f'miljuni ta' euro ta' pożizzjonijiet ta' riskju li l-funzjoni tista' tieħu; |
(c) |
jekk il-membru tal-persunal huwiex membri ta' xi kumitat u, jekk dan huwa l-każ, l-isem tal-kumitat, il-livell ta' rapportar tiegħu u l-grad ta' awtorità tiegħu biex jieħu deċiżjonijiet ta' riskju espressi bħala perċnetwal tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta' Grad; |
(d) |
l-ammont totali ta' remunerazzjoni f'euro u l-proporzjon ta' remunerazzjoni varjabbli sa fissa mogħti lill-membru tal-persunal fis-sena finanzjarja preċedenti; |
(e) |
l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għar-remunerazzjoni varjabbli tal-membru tal-persunal; |
(f) |
il-kriterji kwantitattivi li fuq il-bażi tagħhom il-membru tal-persunal kien evalwat bħala persunal identifikat (Artikolu 4(1)(a), (b) jew (c) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014); |
(g) |
il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-esklużjoni tal-membru tal-persunal tkun mitluba (Artikolu 4(2)(a) jew (b) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014). |
3. In-notifika skont l-Artikolu 4(4) u l-applikazzjoni għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 għandhom jinkludu r-rapport tal-valutazzjoni tal-awditu intern jew estern annwali dwar il-proċess ta' identifikazzjoni ta' persunal identifikat u r-riżultati tiegħu, li jkopru wkoll l-esklużjonijiet mitluba.
Artikolu 4
Dokumentazzjoni meħtieġa biex tissostanzja li unità tax-xogħol mhijiex materjali
1. Meta jippreżentaw notifika skont l-Artikolu 4(4) jew japplikaw għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, l-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni għandhom jissottomettu lill-BĊE d-dokumentazzjoni li ġejja sabiex jissostanzjaw li membru tal-persunal, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni membru tal-persunal, iwettaq biss attivitajiet professjonali f'unità operatorja li ma tkunx unità operatorja materjali kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014:
(a) |
deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru tal-persunal jew kategorija ta' persunal relevanti li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal; |
(b) |
organigramma tal-unità operatorja relevanti li turi l-istruttura ġerarkika u l-linji tar-rapportar, inkluż il-membru tal-persunal jew kategorija ta' persunal relevanti li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal; |
(c) |
deskrizzjoni dettaljata tal-allokazzjoni ta' kapital intern lill-unità operatorja relevanti skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE għas-sena finanzjarja attwali u s-sentejn ta' qabel; |
(d) |
ħarsa ġenerali eljn l-allokazzjoni ta' kapital intern lill-unitajiet operatorji kollha skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE għas-sena finanzjarja attwali u s-sentejn ta' qabel; |
(e) |
dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni tat lill-membru tal-persunal, jew kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, remunerazzjoni li tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għalkemm il-membru tal-persunal iwettaq attivitajiet professjonali f'unità operatorja mhux materjali; |
(f) |
dikjarazzjoni mmotivata li tispjega għaliex il-membru tla-persunal, jew il-kategorija tal-persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, ma jissodisfawx il-kriterji kwalitattivi msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014. |
2. Jekk id-definizzjoni ta' unitajiet operatorji fi ħdan l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni tkun inbidlet matul is-sena finanzjarja attwali u s-sentejn finanzjarji ta' qabel, l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni għandha tipprovdi r-raġunijiet għal din il-bidla.
3. Il-BĊE jista' jeħtieġ li l-istituzzjoni ta' kreditu tissottometti aktar informazzjoni sabiex tissostanzja l-applikazzjoni.
Artikolu 5
Dokumentazzjoni li turi li l-attivitajiet professjonali ta' membru tal-persunal m'għandhom ebda impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' unità operatorja materjali
1. Meta jippreżentaw notifika skont l-Artikolu 4(4) jew japplikaw għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jissottomettu lill-BĊE d-dokumentazzjoni li ġejja sabiex juru li l-attivitajiet professjonali ta' membru tal-persunal jew kategorija ta' persunal m'għandhom ebda impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' unità operatorja materjali kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014:
(a) |
deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru tal-persunal jew kategorija ta' persunal relevanti li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal; |
(b) |
organigramma tal-unità operatorja relevanti li turi l-istruttura ġerarkika u l-linji tar-rapportar, inkluż il-membru tal-persunal jew kategorija ta' persunal relevanti li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal; |
(c) |
deskrizzjoni dettaljata tal-kriterji oġġettivi stipulati fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 li ntużaw sabiex jiġi evalwat li l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal relevanti, jew il-kategorija tal-persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal m'għandhom ebda impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' unità operatorja materjali, waqt li jiġi speċifikat kif dawk il-kriterji ġew applikati u kif l-indikaturi relevanti kollha tar-riskju u tal-prestazzjoni użati għall-finijiet tal-kejl tar-riskju intern ittieħdu inkunsiderazzjoni; |
(d) |
dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni tat lill-membru tal-persunal, jew kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, remunerazzjoni li tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għalkemm il-membru tal-persunal m'għandu ebda impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' unità operatorja materjali; |
(e) |
dikjarazzjoni mmotivata li tispjega għaliex il-membru tal-persunal relevanti, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, ma jissodisfawx il-kriterji kwalitattivi msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014. |
2. Il-BĊE jista' jeħtieġ li l-istituzzjoni ta' kreditu tissottometti aktar informazzjoni sabiex tissostanzja l-applikazzjoni.
Artikolu 6
Dokumentazzjoni supplimentari biex tissostanzja applikazzjonijiet għal membri tal-persunal li jingħataw remunerazzjoni totali ta' EUR 1 000 000 jew aktar
1. Meta japplikaw għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għal membru tal-persunal li kien ingħata remunerazzjoni totali ta' EUR 1 000 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti, l-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni għandhom jissottomettu d-dokumentazzjoni li ġejja lill-BĊE sabiex jissostanzjaw iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 4( %) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014:
(a) |
deskrizzjoni ddettaljata taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-attività professjonali tal-membru tal-persunal relevanti u l-impatt tagħhom fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni. Sitwazzjoni ferm kompetittiva m'għandhiex titqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali; |
(b) |
deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe ċirkustanza eċċezzjonali marbuta mar-remunerazzjoni tal-membru tal-persunal relevanti li tispjega għaliex l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni tat lill-membru tal-persunal remunerazzjoni ta' EUR 1 000 000 jew aktar, minkejja li jkun irrapportat li l-membru tal-persunal m'għandux impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni. |
2. Il-BĊE jista' jeħtieġ li l-istituzzjoni ta' kreditu tissottometti aktar informazzjoni sabiex tissostanzja l-applikazzjoni.
Article 7
Perijodu għas-sottomissjoni ta' notifiki
1. Notifiki skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għandhom jiġu ppreżentati mingħajr dewmien, iżda sa mhux aktar tard minn sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja preċedenti. Konstatazzjoni minn istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni li tintuża bħala l-bażi għal notifika għandha tkun limitata għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja wara s-sena meta tkun saret in-notifika.
2. Għal membri tal-persunal li kienu koperti minn notifika fil-perijodu ta' preżentata preċedenti, notifika ġdida mhijiex meħtieġa sakemm il-kriterju użat għall-konstatazzjoni jkun għadu applikabbli.
3. Fil-każ ta' membru tal-persunal li jkun is-suġġett ta' notifika għall-ewwel darba, il-konstatazzjoni għandha tapplika kemm għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja meta saret in-notifika, kif ukoll għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja ta' wara. Din id-dispożizzjoni għandha tkun applikabbli biss fir-rigward ta' notifiki ppreżentati wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Perijodu għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel
Applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 għandhom jiġu ppreżentati mingħajr dewmien, iżda sa mhux aktar tard minn sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja preċedenti.
Artikolu 9
Evalwazzjoni mill-BĊE
1. Fuq il-bażi ta' notifiki ppreżentati skont l-Artikolu 4(4) u applikazzjonijiet ippreżentati għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, il-BĊE għandu jevalwa:
(a) |
il-kompletezza tad-dokumentazzjoni; |
(b) |
il-bażi li fuqha l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni tkun iddeterminat li l-membru tal-persunal ikkonċernat, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014; |
(c) |
jekk il-membru tal-persunal, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, m'għandu ebda impatt materjali fuq il-profil ta' riskju ta' unità operatorja materjali permezz tal-attivitajiet professjonali mwettqa billi jiġi vverifikat:
|
(d) |
fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel għal membri tal-persunal mogħtija remunerazzjoni totali ta' EUR 1 000 000 jew aktar, jekk japplikawx ċirkustanzi eċċezzjonali. F'dawk il-każijiet il-BĊE għandu jinforma lill-Awtorità Bankarja Ewropea dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni inizjali qabel ma jieħu xi deċiżjoni. |
2. F'każ ta' applikazzjoni ppreżentata għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, il-BĊE għandu joħroġ deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi d-dokumentazzjoni sħiħa.
3. F'każ ta' notifika skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014, fejn il-valutazzjoni tindika li r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 mhumiex issodisfati, il-BĊE għandu jinnotifika lill-istituzzjoni ta' kreditu dwar dan fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi d-dokumentazzjoni sħiħa. L-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni m'għandhiex tapplika l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014. Fin-nuqqas ta' notifika mill-BĊE skont l-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, l-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni għandha titqies li hija konformi mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 u r-rekwiżiti msemmija fih.
Artikolu 10
Tul ta' żmien tal-approvazzjoni mogħtija minn qabel
1. Approvazzjoni minn qabel mogħtija mill-BĊE skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 604/2014 għandha tkun limitata għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja wara s-sena meta d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE li jkun fiha l-approvazzjoni ġiet innotifikata lill-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni.
2. F'każ tal-ewwel applikazzjoni għal membru tal-persunal relevanti, l-approvazzjoni għandha tingħata għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja meta d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE li jkun fiha l-approvazzjoni tkun ġiet innotifikata lill-istituzzjoni ta' kreditu taħt superviżjoni kif ukoll għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-sena finanzjarja ta' wara. Din id-dispożizzjoni għandha tkun applikabbli biss b'referenza għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-preżentata ta' notifiki skont l-Artikolu 4(4) jew applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
2. Eċċezzjonalment, il-preżentata ta' notifiki skont l-Artikolu 4(4) jew applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 fuq il-bażi ta' informazzjoni tal-2014 għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2015.
3. L-approvazzjonijiet mogħtija mill-BĊE skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 604/2014 taħt dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom japplikaw għall-prestazzjoni tal-membru tal-persunal matul is-snin finanzjarji 2015 u 2016.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Novembru 2015.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(3) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(4) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 tal-4 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni (ĠU L 167, 6.6.2014, p. 30).
(5) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).