EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014R0673

Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 673/2014 tat- 2 ta' Ġunju 2014 dwar l-istabbiliment ta' Panel ta' Medjazzjoni u r-Regoli ta' Proċedura Tiegħu (BĊE/2014/26)

ĠU L 179, 19.6.2014, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/673/oj

19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/72


REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (UE) Nru 673/2014

tat-2 ta' Ġunju 2014

dwar l-istabbiliment ta' Panel ta' Medjazzjoni u r-Regoli ta' Proċedura Tiegħu

(BĊE/2014/26)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ser joħloq panel ta' medjazzjoni li jkun responsabbli biex isolvi differenzi fil-fehmiet espressi mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri parteċipanti kkonċernati fir-rigward ta' oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju stabbilit taħt dak ir-Regolament.

(2)

Skont il-Premessa 73 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-istabbiliment tal-Panel ta' Medjazzjoni, u b'mod partikolari l-kompożizzjoni tiegħu, għandhom jiżguraw li dan jirrisolvi l-fehmiet differenti b'mod ibbilanċjat, fl-interess tal-Unjoni kollha.

(3)

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Panel ta' Medjazzjoni huma mingħajr preġudizzju għall-proċedura li fiha Stat Membru partiċipanti mhux taż-żona tal-euro jinnotifika lill-BĊE dwar in-nuqqas ta' qbil immotivat tiegħu ma' oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Peress li l-Viċi-President tal-Bord Superviżorju huwa membru kemm tal-Kunsill Governattiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju, huwa jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jippresjedi l-Panel ta' Medjazzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU PRELIMINARI

Artikolu 1

Natura supplimentari

Dan ir-Regolament għandu jissupplimenta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2). It-termini użati f'dan ir-Regolament għandu jkollhom l-istess tifsira bħat-termini ddefiniti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

KAPITOLU I

IL-PANEL TA' MEDJAZZJONI

Artikolu 2

Stabbiliment

Qiegħed jiġi stabbilit Panel ta' Medjazzjoni skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jkun kompost minn membru wieħed għal kull Stat Membru parteċipanti.

2.   Il-Viċi-President tal-Bord Superviżorju, li ma huwiex membru tal-Panel ta' Medjazzjoni, għandu jaġixxi bħala President tal-Panel ta' Medjazzjoni.

Artikolu 4

Ħatra tal-membri

1.   Kull Stat Membru parteċipanti għandu jaħtar membru wieħed tal-Panel ta' Medjazzjoni minn fost il-membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju. Il-President għandu jiffaċilita l-kisba ta' bilanċ bejn membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju.

2.   Il-mandat tal-membri tal-Panel ta' Medjazzjoni għandu jiskadi jekk ma jibqgħux membri tal-korpi li minnhom ġew maħtura.

3.   Meta jaġixxi bħala membru tal-Panel ta' Medjazzjoni, kull membru għandu jaġixxi fl-interess tal-Unjoni kollha.

Artikolu 5

Attendenza għal laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni

1.   Ħlief kif ipprovdut fil-paragrafu 2, l-attendenza għal-laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni għandha tkun ristretta għall-membri, il-President u s-Segretarju tiegħu.

2.   Fuq stedina mill-Panel ta' Medjazzjoni, l-esperti jistgħu jattendu għal laqgħat speċifiċi tal-Panel ta' Medjazzjoni jekk il-ħila esperta tagħhom tkun meħtieġa.

Artikolu 6

Laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni

1.   Kull meta l-President jidhirlu li huwa neċessarju, huwa jista' jsejjaħ laqgħa tal-Panel ta' Medjazzjoni.

2.   Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-BĊE.

3.   Fuq talba tal-President, il-laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni jistgħu jsiru wkoll permezz ta' telekonferenza, ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni minn tal-anqas tliet membri.

4.   Il-minuti tal-laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-membri għall-approvazzjoni fil-laqgħa tagħhom li jmiss jew qabel permezz ta' proċedura bil-miktub, u malli jiġu approvati għandhom jiġu ffirmati mill-President. Huma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju.

5.   Is-Segretarju tal-Bord Superviżorju għandu jaġixxi bħala Segretarju tal-Panel ta' Medjazzjoni. F'din l-aħħar funzjoni, is-Segretarju għandu jassisti lill-President tal-Panel tal-Medjazzjoni fit-tħejjija għal-laqgħat tal-Panel ta' Medjazzjoni u tal-Kumitat li Jeżamina l-Każ u għandu jkun responsabbli biex jabbozza l-minuti ta' dawn il-laqgħat. Huwa għandu jassisti wkoll lis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv fit-tħejjija għal laqgħat tal-Kunsill Governattiv fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni li fiha kien involut il-Panel ta' Medjazzjoni u għandu jkun responsabbli għall-abbozzar tal-parti rispettiva tal-minuti tal-proċedimenti.

Artikolu 7

Votazzjoni

1.   Sabiex ikun jista' jittieħed vot fi ħdan il-Panel ta' Medjazzjoni, għandu jkun hemm kworum ta' zewġ terzi tal-membri tiegħu. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha l-membri jistgħu jivvutaw mingħajr ma jitqies il-kworum.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jiddeċiedi permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. F'każ ta' parità, l-aktar membru anzjan tal-Panel ta' Medjazzjoni, l-ewwel nett f'termini ta' kariga, u skont l-età f'każ li żewġ membri jew aktar ikollhom l-istess pożizzjoni f'termini ta' kariga, għandu jkollu l-vot deċiżiv.

3.   Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jipproċedi biex jivvota fuq talba tal-President. Il-President għandu jagħti bidu wkoll għal proċedura ta' votazzjoni fuq talba minn tliet membri tal-Panel ta' Medjazzjoni.

4.   Fuq talba tal-President, id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll bi proċedura bil-miktub.

KAPITOLU II

MEDJAZZJONI

Artikolu 8

Talba għal medjazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri parteċipanti li jkunu kkonċernati minn u jkollhom fehmiet differenti dwar oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju jistgħu jistaqsu lill-Bord Superviżorju, fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta jirċievu l-oġġezzjoni, inklużi r-raġunijiet għall-oġġezzjoni, biex tintalab medjazzjoni sabiex jiġu solvuti dawk id-differenzi, bil-għan li tiġi żgurata separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji. Kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha tagħmel dan billi tissottometti avviż ta' talba għal medjazzjoni lill-Bord Superviżorju, li tidentifika l-oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv, u li tinkludi stqarrija dwar ir-raġunijiet għat-talba għal medjazzjoni. Is-Segretarja għandu jinnotifika dawk it-talbiet għal medjazzjoni lill-membri tal-Bord Superviżorju.

2.   Kull awtorità kompetenti oħra ta' Stat Membru parteċipanti kkonċernata minn u li jkollha fehmiet differenti dwar l-istess oġġezzjoni tista' tissottometti avviż ta' talba għal medjazzjoni separat jew tingħaqad ma' talba għal medjazzjoni eżistenti fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika tal-ewwel talba għall-medjazzjoni u tesprimi d-differenza ta' opinjoni tagħha.

3.   Oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju tista' tkun soġġetta għal medjazzjoni darba biss.

4.   Awtorità kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti mhux taż-żona tal-euro li tinnotifika lill-BĊE dwar in-nuqqas ta' qbil immotivat tagħha ma' oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13 g tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, ma tistax titlob medjazzjoni skont il-paragrafu 1 fir-rigward tal-istess oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv.

5.   Jekk awtorità kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti tistaqsi lill-Bord Superviżorju biex jitlob medjazzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi l-oġġezzjoni, il-Bord Superviżorju għandu jippreżenta avviż ta' talba għal medjazzjoni lis-Segretarjat tal-Kunsill Governattiv fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi l-oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta' deċiżjoni relevanti tal-Bord Superviżorju u l-oġġezzjoni relevanti mill-Kunsill Governattiv għandhom jiġu annessi mal-avviż ta' talba għal medjazzjoni. L-avviż ta' talba għal medjazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju.

6.   Jekk awtorità kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti mhux taż-żona tal-euro li tkun talbet medjazzjoni fir-rigward ta' oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont il-paragrafu 1 tinnotifika lill-BĊE bin-nuqqas ta' qbil immotivat tagħha mal-istess oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, it-talba għal medjazzjoni għandha titqies li ġiet irtirata.

Artikolu 9

Kumitat li Jeżamina l-Każ

1.   Meta avviż ta' talba għal medjazzjoni jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 8(5), il-President tal-Panel ta' Medjazzjoni jista' jgħaddih minnufih lill-membri tal-Panel ta' Medjazzjoni.

2.   Għal kull avviż ta' talba għal medjazzjoni li jkun ġie ppreżentat skont l-Artikolu 8(5), il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jistabbilixxi Kumitat li Jeżamina l-Każ fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol mid-data tal-preżentata tal-avviż ta' talba għal medjazzjoni u għandu jinforma lill-membri tal-Panel tal-Medjazzjoni dwar il-kompożizzjoni tiegħu.

3.   Kumitat li Jeżamina l-Każ għandu jkun kompost mill-President tal-Panel ta' Medjazzjoni li jaġixxi bħala l-President tiegħu u erba' membri oħrajn maħtura mill-Panel ta' Medjazzjoni minn fost il-membri tal-Panel ta' Medjazzjoni. Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jimmira li jikseb bilanċ bejn il-membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju. Il-Kumitat li Jeżamina l-Każ ma għandux jinkludi l-membru maħtur mill-Istat Membru parteċipanti li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun esprimiet fehmiet differenti skont l-Artikolu 8(1) jew il-membru maħtur mill-Istat Membru parteċipanti li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun ingħaqdet ma' talba eżistenti għal medjazzjoni skont l-Artikolu 8(2).

4.   Fi żmien 15-il jum ta' xogħol, minn meta l-Panel ta' Medjazzjoni jirċievi l-avviż ta' talba għal medjazzjoni, il-Kumitat li Jeżamina l-Każ għandu jissottometti abbozz ta' opinjoni lill-President tal-Panel ta' Medjazzjoni, li għandu jinkludi analiżi dwar jekk it-talba għal medjazzjoni hijiex ammissibbli u fondata legalment. F'każijiet urġenti l-Kumitat li Jeżamina l-Każ għandu jagħti abbozz ta' opinjoni fi żmien perjodu iqsar li għandu jiġi stabbilit mill-President.

5.   Il-President għandu jissottometti immedjatament l-abbozz ta' opinjoni lill-Panel ta' Medjazzjoni u għandu jsejjaħ laqgħa.

KAPITOLU III

PROĊESS TAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 10

Medjazzjoni

1.   Il-Panel ta' Medjazzjoni għandu jikkunsidra l-abbozz ta' opinjoni mħejji mill-Kumitat li Jeżamina l-Każ u għandu jissottometti opinjoni lill-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv fi żmien 20 jum ta' xogħol minn meta jirċievi l-avviż ta' talba għal medjazzjoni. F'każijiet urġenti l-Panel ta' Medjazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien perjodu iqsar li għandu jiġi stabbilit mill-President.

2.   L-opinjoni għandha tkun bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet li hija bbażata fuqhom.

3.   L-opinjoni tal-Panel ta' Medjazzjoni ma għandhiex torbot lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 11

Tħejjija ta' abbozz ta' deċiżjoni ġdid

1.   Meta tkun ingħatat opinjoni mill-Panel ta' Medjazzjoni, il-Bord Superviżorju, wara li jkun ikkunsidra l-opinjoni, jista' jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv fi żmien 10 ijiem ta' xogħol mis-sottomissjoni tal-opinjoni tal-Panel ta' Medjazzjoni.

2.   F'każijiet urġenti l-Bord Superviżorju jista' jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdid fi żmien perjodu iqsar li għandu jiġi stabbilit mill-President tal-Bord Superviżorju.

3.   Mhuwiex possibbli li ssir talba għal medjazzjoni li tikkonċerna oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni ġdid skont il-paragrafu 2.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 12

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

1.   Il-proċeduri tal-Bord Ġenerali għandhom ikunu kunfidenzjali. Madankollu, il-Kunsill Governattiv jista' jawtorizza lill-President tal-BĊE biex jippubblika l-eżitu ta' dawk il-proċedimenti.

2.   Dokumenti abbozzati jew miżmuma mill-Panel ta' Medjazzjoni għandhom ikunu dokumenti tal-BĊE u għandhom jiġu kklassifikati u mmaniġġjati skont l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/57/KE tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/2) (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).


Fuq