Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014R0469R(01)
Corrigendum to Regulation (EU) No 469/2014 of the European Central Bank of 16 April 2014 amending Regulation (EC) No 2157/1999 on the powers of the European Central Bank to impose sanctions (ECB/1999/4) (ECB/2014/18) ( OJ L 141, 14.5.2014 )
Rettifka għar-Regolament (UE) Nru 469/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (BĊE/2014/18) ( ĠU L 141, 14.5.2014 )
Rettifka għar-Regolament (UE) Nru 469/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (BĊE/2014/18) ( ĠU L 141, 14.5.2014 )
ĠU L 267, 6.9.2014, p. 27–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/469/corrigendum/2014-09-06/oj
6.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 267/27 |
Rettifka għar-Regolament (UE) Nru 469/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4)
(BĊE/2014/18)
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 141 tal-14 ta' Mejju 2014 )
F'paġna 51, it-test tar-Regolament huwa sostitwit b'dan li ġej:
REGOLAMENT (UE) Nru 469/2014 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-16 ta' April 2014
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4)
(BĊE/2014/18)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikoli 34.3 u 19.1 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) applika r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) (2) biex jimponi sanzjonijiet f' diversi oqsma tal-kompetenza tiegħu, inkluż b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, l-operat tas-sistemi ta' ħlas u l-ġbir tal-informazzjoni statistika. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (3) jintitola lill-BĊE biex jimponi penali finanzjarji amministrattivi fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huwa jissorvelja meta dawn l-istituzzjonijiet jiksru xi obbligu skont il-liġi tal-Unjoni li hija applikabbli direttament u sanzjonijiet f'każ ta' ksur ta' regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE. |
(3) |
Il-BĊE adotta r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) (4) biex jispeċifika aktar il-proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju mill-BĊE, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mill-awtoritajiet nazzjonali ddenominati tal-kompiti superviżorji tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-impożizzjoni tal-penali amministrattivi mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam superviżorju. |
(4) |
Sabiex jistabbilixxi reġim konsistenti għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BĊE adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/19 (5). |
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 għandu jiġi kjarifikat fis-sens li japplika biss għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-bank ċentrali li mhumiex superviżorji, filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) japplika għall-impożizzjoni ta' penali amministrattivi mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu. |
(6) |
Meta jiġu speċifikati iktar ir-regoli proċedurali li japplikaw għall-bidu u t-twettiq tal-proċedura ta' infrazzjoni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 2532/98, il-BĊE għandu jqis il-grad ta' gravità tas-sanzjoni stabbilita. |
(7) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 għandu jiġi emendat f'dan is-sens, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi
Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 huwa emendat kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 1a ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 1: “Artikolu 1a Kamp ta' applikazzjoni Dan ir-Regolament għandu japplika biss għas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-bank ċentrali li mhumiex superviżorji. M'għandux japplika għal kwalunkwe sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu.” ; |
(2) |
Artikolu 1b ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 1a: “Artikolu 1b Unità investigattiva indipendenti 1. Għall-finijiet ta' deċiżjoni dwar jekk jibdiex proċedura ta' infrazzjoni skont l-Artikolu 2 u jeżerċita s-setgħat imniżżla fl-Artikolu 3, il-BĊE għandujistabbilixxi unità investigattiva indipendenti interna (minn hawn 'il quddiem ‘unità investigattiva’) komposta minn uffiċjali investigattivi li għandhom iwettqu l-funzjonijiet investigattivi tagħhom indipendentement mill-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Governattiv, u m'għandhomx jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv. 2. Fejn il-BĊE iqis illi hemm raġuni għal suspett li wieħed jew iktar mill-infrazzjoni qegħdin jitwettqu jew ġew imwettqa, il- kwistjoni trid tiġi riferita lill-Bord Eżekuttiv. 3. Fejn il-Bord Eżekuttiv iqis illi s-sanzjoni applikabbli tista' taqbeż il-limitu stipulat fl-Artikolu 10(1), il-proċedura ssimplifikata stabbilita fl-Artikolu 10 m'għandhiex tapplika u l-Bord Eżekuttiv għandu jirreferi l-kwistjoni lill-unità investigattiva. L-unità investigattiva għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tibdiex proċedura ta' infrazzjoni jew le. 4. Kull referenza għall-BĊE fl-Artikoli 2 sa 4, l-Artikolu 5(1) sa (3) u l-Artikolu 6 għandu jinqara bħala referenza għall-unità investigattiva tal-BĊE jew, fejn tapplika l-proċedura ssimplifikata skont l-Artikolu 10, lill-Bord Eżekuttiv. 5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti biex jibda proċedura ta' infrazzjoniu jagħmel investigazzjoni skont dan ir-Regolament.” ; |
(3) |
fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'li ġej: “1. Ma għandhiex tinbeda iktar minn proċedura waħda ta' infrazzjoni kontra l-istess impriża bbażata fuq l-istess fatti. Għal dan il-għan, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni tittieħed mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti dwar jekk tinbediex jew le proċedura ta' infrazzjoni, sakemm ikunu infurmaw u kkonsultaw wieħed ma' xulxin.” ; |
(4) |
fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'li ġej: “3. Il- BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, skont il-każ, għandhom, fuq talba, ikunu ntitolati biex jassistu u jikkoperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-proċedura ta' infrazzjoni, partikolarment billi jittrasmettu kull tagħrif li jitqies rilevanti.” ; |
(5) |
Artikolu 7a ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 7: “Artikolu 7a Sottomissjoni ta' proposta lill-Bord Eżekuttiv 1. Jekk l-unità investigattiva jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, iqisu, wara t-tmiem tal-proċedura ta' infrazzjoni, li għandha tiġi imposta sanzjoni fuq l-intrapriża kkonċernata, huma għandhom jippreżentaw proposta lill-Bord Eżekuttiv li tiddetermina li l-intrapriża kkonċernata kkommettiet infrazzjoni u li tispeċifika l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta. 2. L-unità investigattiva jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, għandhom jibbażaw il-proposta tagħhom biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li fuqhom l-intrapriża kkonċernata kellha l-opportunità li tikkummenta. 3. Jekk il-Bord Eżekuttiv iqis li l-fajl sottomess mill-unità investigattiva jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, mhuwiex komplut, jista' jirritorna l-fajl, flimkien ma' talba rraġunata għal informazzjoni addizzjonali, lill-unità investigattiva jew lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti. 4. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta' fajl komplut, jaqbel mal-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, li jimponi sanzjoni fuq l-intrapriża kkonċernata, huwa għandu jadotta deċiżjoni skont il-proposta ppreżentata mill-unità investigattiva jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti. 5. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta' fajl komplut, iqis li l-fatti deskritti fil-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, ma jidhrux li jikkostitwixxu evidenza suffiċjenti ta' ksur, il-Bord Eżekuttiv jista' jadotta deċiżjoni biex jagħlaq il-każ. 6. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi tal-fajl komplut, jaqbel li l-intrapriża kkonċernata wettqet infrazzjoni, kif iddeterminat fil-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, infrazzjoniiżda ma taqbilx mas-sanzjoni proposta, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tispeċifika s-sanzjoni li jikkunsidra bħala xierqa. 7. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta' fajl komplut, ma jaqbilx mal-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, iżda jikkonkludi li twettqer infrazzjoni differenti minn dik imwettqa mill-intrapriża kkonċernata, jew li hemm bażi fattwali differenti għall-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, huwa għandu jinforma lill-intrapriża kkonċernata bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tiegħu u l-oġġezzjonijiet mqajma kontra l-intrapriża kkonċernata. 8. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni li tiddetermina jekk l-intrapriża kkonċernata kkommettietx infrazzjoni jew le u tispeċifika, jekk ikun hemm, is-sanzjoni li trid tiġi imposta. Deċiżjonijiet adottati mill-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu bbażati biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li l-intrapriża kellha l-opportunità li tikkummenta dwarhom.” . |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet finali
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' April 2014.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4 (Edizzjoni speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Volum 03 p. 139–144).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21 — Edizzjoni speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Volum 03 p. 139–144).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(4) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-ekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Ir-Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17). Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(5) Rakkomandazzjoni BĊE/2014/19 tas-16 ta' April 2014 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2532/98 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU C 144, 14.5.2014, p. 2).