EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014R0468

Regolament (UE) Nru . 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17)

ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/468/oj

14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/1


REGOLAMENT (UE) Nru . 468/2014 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ April 2014

li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU)

(BĊE/2014/17)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 33(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Inter-istituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi biex jiġu eżerċitati kontabilità u sorveljanza demokratiċi fuq l-eżerċitar tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2),

Wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika u l-analiżi li saru b’mod konformi mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (iktar ‘il quddiem ir-“Regolament MSU”) jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kompost mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (national competent authorities - NCAs) tal-Istati Membri parteċipanti.

(2)

Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva li jwettaq il-kompiti mikro-prudenzjali mogħtija lilu mill-Artikolu 4 tiegħu dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU u biex jissorvelja l-funzjonament tas-sistema, fuq il-bażi tar-responsabbiltajiet u l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament MSU.

(3)

Fejn xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u l-kontabbiltà tal-BĊE għall-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU, l-NCAs huma responsabbli biex jassistu lill-BĊE, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament MSU u f’dan ir-Regolament, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, inkluża assistenza f’attivitajiet ta’ verifika. Għal dan l-iskop, l-NCAs għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-BĊE meta jwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament MSU.

(4)

Il-BĊE, l-NCAs u l-awtoritajiet nazzjonali nominati (national designated authorities - NDAs) għandhom iwettqu l-kompiti makro-prudenzjali msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament MSU u jsegwu l-proċeduri ta’ koordinazzjoni pprovduti fih, f’dan ir-Regolament u fil-liġi tal-Unjoni relevanti, mingħajr preġudizzju għall-irwol tal-Eurosistema u tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(5)

Fi ħdan l-MSU, ir-responsabbiltajiet superviżorji rispettivi tal-BĊE u tal-NCA huma allokati fuq il-bażi tas-sinifikanza tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-MSU. Dan ir-Regolament jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-metodoloġija speċifika għall-evalwazzjoni ta’ dik is-sinifikanza, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament MSU. Il-BĊE għandu kompetenza ta’ superviżjoni diretta fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, kumpaniji holding finanzjarji mħallta stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, u fergħat fi Stati Membri parteċipanti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri li ma jipparteċipawx li huma sinifikanti. L-NCAs huma responsabbli għas-superviżjoni diretta tal-entitajiet li huma inqas sinifikanti, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jiddeċiedi f’każijiet speċifiċi li jagħmel superviżjoni diretta ta’ dawk l-entitajiet meta dan ikun neċessarju għall-applikazzjoni konsistenti ta’ standards ta’ superviżjoni.

(6)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi reċenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-prinċipju ta’ separazzjoni bejn investigazzjoni u l-fażi tat-teħid ta’ deċiżjoni, ser tiġi stabbilita unità indipendenti ta’ investigazzjoni mill-BĊE li għandha tinvestiga b’mod awtonomu l-ksur ta’ regoli u deċiżjonijiet ta’ superviżjoni.

(7)

L-Artikolu 6(7) tar-Regolament MSU jipprovdi li l-BĊE għandu, b’konsultazzjoni mal-NCAs u fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Superviżorju, jadotta u jippubblika qafas biex jorganizza l-arranġamenti prattiċi għal kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU.

(8)

L-Artikolu 33(2) tar-Regolament MSU jiddikjara li l-BĊE għandu jippubblika, permezz ta’ regolamenti u deċiżjonijiet, l-arranġamenti operazzjonali ddettaljati għal-implimentazzjoni tal-kompiti mogħtija lilu permezz ta’ dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament jinkludi d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 33(2) dwar il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU.

(9)

Bħala riżultat, dan ir-Regolament jiżviluppa aktar u jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti fir-Regolament MSU bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU, kif ukoll fejn xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali nominati, u b’hekk jiżgura l-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

(10)

Il-BĊE jagħti importanza kbira lill-evalwazzjoni komprensiva ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluża l-evalwazzjoni tal-karta tal-bilanċ li huwa għandu jwettaq qabel ma jassumi l-kompiti tiegħu. Dan jestendi għal kull Stat Membru li jissieħeb maż-żona tal-euro u li b’hekk jingħaqad mal-MSU wara d-data għall-bidu tas-superviżjoni b’mod konformi mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament MSU.

(11)

Huwa essenzjali għall-funzjonament mingħajr xkiel tal-MSU li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa bejn il-BĊE u l-NCAs u li jiskambjaw l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha impatt fuq il-kompiti rispettivi tagħhom, b’mod partikolari, l-informazzjoni kollha li l-NCAs ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ proċeduri li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza u s-sodezza ta’ entità taħt superviżjoni jew li jinteraġixxu mal-proċeduri superviżorji b’rabta ma’ dawk l-entitajiet,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u skop

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-qafas imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament MSU, jiġifieri qafas biex jiġu organizzati l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament MSU fir-rigward tal-kooperazzjoni fi ħdan l-MSU, sabiex jinkludi:

(i)

il-metodoloġija speċifika għall-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ jekk entità taħt superviżjoni hijiex ikklassifikata bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU, u l-arranġamenti li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni;

(ii)

id-definizzjoni tal-proċeduri, inklużi l-limiti taż-żmien, ukoll f’relazzjoni mal-possibbiltà għall-NCAs li jħejju abbozzi ta’ deċiżjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-BĊE, fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fir-rigward tas-superviżjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni;

(iii)

id-definizzjoni tal-proċeduri, inklużi l-limiti taż-żmien, fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fir-rigward tas-superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni. B’mod partikolari, dawn il-proċeduri għandhom jeħtieġu lill-NCAs, skont il-każijiet iddefiniti f’dan ir-Regolament, biex:

jinnotifikaw lill-BĊE dwar kwalunkwe proċedura superviżorja materjali;

jivvalutaw ulterjorment, fuq talba tal-BĊE, aspetti speċifiċi tal-proċedura;

jibagħtu lill-BĊE l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji materjali, li dwarhom il-BĊE jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu;

(b)

kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU fir-rigward tal-proċeduri relatati ma’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, inklużi proċeduri komuni li japplikaw għal awtorizzazzjonijiet biex jinbeda negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-irtirar ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet u l-evalwazzjoni ta’ akkwisti u ċessjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti;

(c)

proċeduri relatati ma’ kooperazzjoni bejn il-BĊE, l-NCAs u l-NDAs fir-rigward tal-kompiti u l-għodod makroprudenzjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament MSU;

(d)

proċeduri relatati mat-twettiq ta’ kooperazzjoni mill-qrib fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7 tar-Regolament MSU u applikabbli bejn il-BĊE, l-NCAs u l-NDAs;

(e)

definizzjoni tal-proċeduri relatati mal-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fir-rigward tal-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU, inkluż dwar ċerti aspetti relatati mar-rapportar superviżorju;

(f)

proċeduri relatati mal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni u persuni oħrajn;

(g)

arranġamenti lingwistiċi bejn il-BĊE u l-NCAs u bejn il-BĊE u entitajiet taħt superviżjoni u persuni oħrajn;

(h)

proċeduri applikabbli għas-setgħat ta’ sanzjonar tal-BĊE u tal-NCAs fi ħdan l-MSU fir-rigward tal-kompiti mogħtija lil-BĊE permezz tar-Regolament MSU;

(i)

dispożizzjonijiet tranżitorji.

2.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompiti superviżorji li ma ngħatawx lill-BĊE permezz tar-Regolament MSU u li b’hekk jibqgħu tal-awtoritajiet nazzjonali.

3.   Dan ir-Regolament għandu jinqara b’mod partikolari flimkien mad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (3) u r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-MSU, inkluża l-proċedura li tapplika bejn il-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv fir-rigward tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv kif imsemmi fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament MSU u atti legali relevanti oħrajn tal-BĊE, inkluża d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (5).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament MSU għandhom japplikaw, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor, flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“awtorizzazzjoni” tfisser awtorizzazzjoni kif iddefinita fil-punt (42) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

2.

“fergħa” tfisser fergħa kif iddefinita fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

3.

“proċeduri komuni” tfisser il-proċeduri stipulati fil-Parti V fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni biex jinbeda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni biex jitwettaq dak in-negozju u deċiżjonijiet fir-rigward ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti;

4.

“Stat Membru taż-żona tal-euro” tfisser Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

5.

“grupp” tfisser grupp ta’ impriżi li ta’ mill-inqas waħda minnhom tkun istituzzjoni ta’ kreditu u li tikkonsisti f’impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, jew impriżi marbuta ma’ xulxin b’relazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), inkluż kull subgrupp tiegħu;

6.

“tim superviżorju konġunt” tfisser tim ta’ superviżuri inkarigati mis-superviżjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

7.

“entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser kemm (a) entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro; kif ukoll (b) entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun Stat Membru parteċipanti;

8.

“entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro” tfisser entità taħt superviżjoni stabbilita fi Stat Membru taż-żona tal-euro li ma jkollhiex l-istatus ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU;

9.

“awtorità nazzjonali kompetenti” (national competent authority – NCA) tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament MSU. Din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil bank ċentrali nazzjonali (BĊN) mhux innominat bħala NCA. F’dan il-każ, il-BĊN għandu jwettaq dawn il-kompiti fi ħdan il-qafas stabbilit fil-liġi nazzjonali u f’dan ir-Regolament. Referenza għal NCA f’dan ir-Regolament għandha f’dan il-każ tapplika kif xieraq għall-BĊN għall-kompiti assenjati lilu permezz tal-liġi nazzjonali;

10.

“NCA f’kooperazzjoni mill-qrib” tfisser NCA innominata minn Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib b’mod konformi mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

11.

“awtorità nazzjonali nominata” (national designated authority – NDA) tfisser awtorità nazzjonali nominata kif iddefinita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament MSU;

12.

“NDA f’kooperazzjoni mill-qrib” tfisser NDA mhux taż-żona tal-euro nominata minn Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib għall-finijiet tal-kompiti relatati mal-Artikolu 5 tar-Regolament MSU;

13.

“Stat Membru mhux taż-żona tal-euro” tfisser Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro;

14.

“impriża prinċipali” tfisser impriża prinċipali kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

15.

“Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib” tfisser Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun daħal f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament MSU;

16.

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser kemm (a) entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro; u (b) entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti taż-żona tal-euro;

17.

“entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro” tfisser entità taħt superviżjoni stabbilita fi Stat Membru taż-żona tal-euro li jkollha l-istatus ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU;

18.

“entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti taż-żona tal-euro” tfisser entità taħt superviżjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti taż-żona tal-euro li jkollha l-istatus ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU;

19.

“sussidjarja” tfisser impriża sussidjarja kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

20.

“entità taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin: (a) istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti; (b) kumpanija holding finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti; (c) kumpanija holding finanzjarja mħallta stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, kemm-il darba tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (21)(b); (d) fergħa stabbilita fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti.

Kontroparti ċentrali (KPĊ), kif iddefinita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li tikkwalifika bħala istituzzjoni ta’ kreditu fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2013/36/UE, għandha titqies bħala entità taħt superviżjoni skont ir-Regolament MSU, dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni relevanti mingħajr preġudizzju għas-superviżjoni ta’ KPĊ mill-NCAs relevanti kif stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

21.

“grupp taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

grupp li l-impriża prinċipali tiegħu tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru parteċipanti;

(b)

grupp li l-impriża prinċipali tiegħu tkun kumpanija holding finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru parteċipanti, kemm-il darba l-koordinatur tal-konglomerat finanzjarju, fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) ikun awtorità kompetenti għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u jkun ukoll il-koordinatur fil-funzjoni tiegħu bħala superviżur ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(c)

entitajiet taħt superviżjoni li kull waħda minnhom ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru parteċipanti, kemm-il darba jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) nru 575/2013 u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru parteċipanti;

22.

“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp taħt superviżjoni li jkollu l-istatus ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU;

23.

“grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp taħt superviżjoni li ma jkollux l-istatus ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU;

24.

“proċedura superviżorja tal-BĊE” tfisser kwalunkwe attività tal-BĊE mmirata lejn it-tħejjija tal-ħruġ ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, inklużi proċeduri komuni u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji amministrattivi. Il-proċeduri superviżorji tal-BĊE kollha huma soġġetti għall-Parti III. Il-Parti III tapplika wkoll għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji amministrattivi, ħlief jekk il-Parti X tipprovdi mod ieħor;

25.

“Proċedura superviżorja ta’ NCA” tfisser kull attività ta’ NCA indirizzata lejn it-tħejjija tal-ħruġ ta’ deċiżjoni superviżorja mill-NCA, li tkun indirizzata lil entità, entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni jew lejn persuna jew persuni, inkluża l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi;

26.

“Deċiżjoni superviżorja tal-BĊE” tfisser att legali adottat mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti u s-setgħat mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU li jieħu l-forma ta’ deċiżjoni tal-BĊE, tkun indirizzata lil entità/entitajiet taħt superviżjoni jew grupp/i taħt superviżjoni jew lil persuna jew persuni oħrajn, u li ma tkunx att legali ta’ applikazzjoni ġenerali;

27.

“pajjiż terz” tfisser pajjiż li la jkun Stat Membru u lanqas Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea;

28.

“jum tax-xogħol” tfisser jum li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika tal-BĊE skont il-kalendarju applikabbli għall-BĊE (11).

PARTI II

ORGANIZZAZZJONI TAL-MSU

TITOLU 1

STRUTTURI GĦAS-SUPERVIŻJONI TA’ ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI U INQAS SINIFIKANTI

KAPITOLU 1

Superviżjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni

Artikolu 3

Timijiet superviżorji konġunti

1.   Tim superviżorju konġunt għandu jiġi stabbilit għas-superviżjoni ta’ kull entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti. Kull tim superviżorju konġunt għandu jkun kompost minn membri tal-persunal mill-BĊE u mill-NCAs maħtura skont l-Artikolu 4 u li jaħdmu taħt il-koordinazzjoni ta’ membru tal-persunal innominat tal-BĊE (iktar ‘il quddiem il-“koordinatur tat-TSK”) u subkoordinatur tal-NCA wieħed jew aktar, kif stabbilit ulterjorment fl-Artikolu 6.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament, il-kompiti ta’ tim superviżorju konġunt għandhom jinkludu, iżda ma għandhomx ikunu limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

it-twettiq tal-proċess superviżorju ta’ rieżami u evalwazzjoni (PSRE) li għalih issir referenza [bħala “Rieżami superviżorju u proċess ta’ evalwazzjoni”] fl-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni li jkunu taħt is-superviżjoni tiegħu;

(b)

waqt li jitqies il-PSRE, il-parteċipazzjoni fit-tħejjija ta’ programm ta’ eżami superviżorju li jrid jiġi propost lill-Bord Superviżorju, inkluż pjan ta’ spezzjoni fuq is-sit, kif stipulat fl-Artikolu 99 tad-Direttiva 2013/36/KE, għal entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(c)

l-implimentazzjoni tal-programm ta’ eżami superviżorju approvat mill-BĊE u kull deċiżjoni superviżorja tal-BĊE fir-rigward tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni li jkunu taħt is-superviżjoni tiegħu;

(d)

li tiġi żgurata koordinazzjoni tat-tim ta’ spezzjoni fuq is-sit imsemmi fil-Parti XI fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ spezzjoni mhux fuq is-sit;

(e)

koordinazzjoni mal-NCAs fejn relevanti.

Artikolu 4

L-istabbiliment u l-koordinazzjoni ta’ timijiet superviżorji konġunti

1.   Il-BĊE għandu jkun inkarigat mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta’ timijiet superviżorji konġunti. Il-ħatra ta’ membri tal-persunal mill-NCAs għal timijiet superviżorji konġunti għandha ssir mill-NCAs rispettivi b’mod konformi mal-paragrafu 2.

2.   B’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(8) tar-Regolament MSU u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31 tiegħu, l-NCAs għandhom jaħtru persuna waħda jew aktar mill-persunal tagħhom bħala membru jew membri ta’ tim konġunt ta’ superviżjoni. Membru tal-persunal ta’ NCA jista’ jinħatar membru ta’ aktar minn tim superviżorju konġunt wieħed.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, il-BĊE jista’ jeħtieġ lill-NCAs li jimmodifikaw il-ħatriet li jkunu għamlu jekk dan ikun xieraq għall-finijiet tal-kompożizzjoni ta’ tim konġunt ta’ superviżjoni.

4.   Meta aktar minn NCA waħda teżerċita kompiti superviżorji fi Stat Membru parteċipanti, jew meta fi Stat Membru parteċipanti l-liġi nazzjonali tagħti lil BĊN kompiti superviżorji speċifiċi u l-BĊN ma jkunx NCA, l-awtoritajiet relevanti għandhom jikkoordinaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi ħdan it-timijiet konġunti ta’ superviżjoni.

5.   Il-BĊE u l-NCAs għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin u jiftiehmu dwar l-użu ta’ riżorsi tal-NCA fir-rigward tat-timijiet superviżorji konġunti.

Artikolu 5

Involviment ta’ membri tal-persunal minn BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti

1.   Il-BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti li jkunu involuti fis-superviżjoni prudenzjali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni taħt il-liġi nazzjonali tagħhom iżda li ma jkunux NCAs jistgħu jaħtru wkoll membru wieħed jew aktar tal-persunal tagħhom għal tim superviżorju konġunt.

2.   Il-BĊE għandu jinżamm infurmat dwar dawn il-ħatriet u l-Artikolu 4 għandu japplika kif meħtieġ.

3.   Meta l-membri tal-persunal ta’ BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti jkunu maħtura għal tim superviżorju konġunt, ir-referenza għal NCAs f’relazzjoni ma’ timijiet superviżorji konġunti għandhom jinqraw fis-sens li jinkludu referenza għal dawk il-BĊNi.

Artikolu 6

Il-koordinatur tat-TSK u subkoordinaturi

1.   Il-koordinatur tat-TSK, assistit minn subkoordinaturi tal-NCA kif iddefinit fil-paragrafu 2, għandu jiżgura l-koordinazzjoni tax-xogħol fi ħdan it-tim superviżorju konġunt. Għal dan l-iskop, il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-koordinatur tat-TSK fir-rigward tal-kompiti tagħhom fit-tim superviżorju konġunt. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompiti u d-dmirijiet tagħhom fi ħdan l-NCA rispettiva tagħhom.

2.   Kull NCA li taħtar aktar minn membru tal-persunal wieħed għat-tim superviżorju konġunt għandha tinnomina wieħed minnhom bħala subkoordinatur (iktar ‘il quddiem “subkoordinatur tal-NCA”). Is-subkoordinaturi tal-NCA għandhom jassistu lill-koordinatur tat-TSK fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kompiti fit-tim superviżorju konġunt, b’mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-persunal li kienu maħtura mill-istess NCA bħas-subkoordinatur relevanti tal-NCA. Is-subkoordinatur tal-NCA jista’ jagħti struzzjonijiet lill-membri tat-tim superviżorju konġunt maħtura mill-istess NCA, kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra l-istruzzjonijiet mogħtija mill-koordinatur tat-TSK.

KAPITOLU 2

Superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni

Artikolu 7

Involviment ta’ membri tal-persunal minn NCAs oħrajn f’tim superviżorju ta’ NCA

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(1) tar-Regolament MSU, meta b’rabta mas-superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE jiddetermina li huwa xieraq li jinvolvi lil membri tal-persunal minn NCA wieħed jew aktar fit-tim superviżorju ta’ NCA, il-BĊE jista’ jeħtieġ lil din tal-aħħar li tinvolvi lill-membri tal-persunal ta’ dawk l-NCAs l-oħrajn.

TITOLU 2

SUPERVIŻJONI FUQ BAŻI KKONSOLIDATA U PARTEĊIPAZZJONI TAL-BĊE U L-NCAS F’KULLEĠĠI TA’ SUPERVIŻURI

Artikolu 8

Superviżjoni fuq bażi konsolidata

1.   Il-BĊE għandu jmexxi s-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata kif ipprovdut fl-Artikolu 111 tad-Direttiva 2013/36/UE, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta li jkunu sinifikanti fuq bażi kkonsolidata, meta l-impriża parent tkun jew istituzzjoni parent fi Stat Membru parteċipanti jew istituzzjoni parent tal-UE stabbilita fi Stat Membru parteċipanti.

2.   L-NCA relevanti għandha twettaq il-kompitu tas-superviżur fuq bażi kkonsolidata fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta li jkunu inqas sinifikanti fuq bażi kkonsolidata.

Artikolu 9

Il-BĊE bħala l-presidenza ta’ kulleġġ ta’ superviżuri

1.   Meta l-BĊE jkun is-superviżur konsolidanti, għandu jippresjedi l-kulleġġ stabbilit skont l-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE. L-NCAs tal-Istati Membri parteċipanti fejn ikunu stabbiliti l-kumpanija prinċipali, kumpaniji sussidjarji u fergħat sinifikanti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE, jekk ikunu jeżistu, għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fil-kulleġġ bħala osservaturi.

2.   Jekk ma jkun hemm ebda kulleġġ stabbilit skont l-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE, u entità sinifikanti taħt superviżjoni jkollha fergħat fi Stati Membri mhux parteċipanti li jitqiesu bħala sinifikanti skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-BĊE għandu jistabbilixxi kulleġġ ta’ superviżuri mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti.

Artikolu 10

Il-BĊE u l-NCAs bħala membri ta’ kulleġġ ta’ superviżuri

Jekk is-superviżur konsolidanti ma jkunx fi Stat Membru parteċipanti, il-BĊE u l-NCAs għandhom jipparteċipaw fil-kulleġġ ta’ superviżuri skont ir-regoli li ġejjin u l-liġi tal-Unjoni relevanti:

(a)

jekk l-entitajiet taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti jkunu kollha entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jipparteċipa fil-kulleġġ ta’ superviżuri bħala membru, waqt li l-NCAs għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fl-istess kulleġġ bħala osservaturi;

(b)

jekk l-entitajiet taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti jkunu kollha entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-NCAs għandhom jipparteċipaw fil-kulleġġ ta’ superviżuri bħala membri;

(c)

jekk l-entitajiet taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti jkunu kemm entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif ukoll entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE u l-NCAs għandhom jipparteċipaw fil-kulleġġ ta’ superviżuri bħala membri. L-NCAs tal-Istati Membri parteċipanti fejn ikunu stabbiliti l-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-kulleġġ ta’ superviżuri bħala osservaturi.

TITOLU 3

PROĊEDURI GĦAD-DRITT TAL-LIBERTÀ TA’ STABBILIMENT U TAL-LIBERTÀ TAL-FORNIMENT TA’ SERVIZZI

KAPITOLU 1

Proċeduri għad-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà tal-forniment ta’ servizzi fi ħdan l-MSU

Artikolu 11

Dritt ta’ stabbiliment ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan l-MSU

1.   Kull entità sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor għandha tinnotifika bl-intenzjoni tagħha lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn l-entità taħt superviżjoni sinifikanti jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2013/36/UE. L-NCA għandha tinforma lill-BĊE minnufih malli tirċievi din in-notifika.

2.   Kull entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor għandha tinnotifika lill-NCA tagħha dwar l-intenzjoni tagħha b’mod konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   Meta ma tittieħed ebda deċiżjoni kuntrarja mill-BĊE fi żmien xahrejn minn meta tiġi rċevuta n-notifika, il-fergħa msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi stabbilita u tibda l-attivitajiet tagħha. Il-BĊE għandu jikkomunika din l-informazzjoni lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun ser tiġi stabbilita l-fergħa.

4.   Meta ma tittieħed ebda deċiżjoni kuntrarja mill-NCA tal-Istat Membru ospitanti fi żmien xahrejn minn meta tiġi rċevuta n-notifika, il-fergħa msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tiġi stabbilita u tibda l-attivitajiet tagħha. L-NCA għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-BĊE u lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun ser tiġi stabbilita l-fergħa.

5.   F’każ ta’ bidla f’xi informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafi 1 u 2, l-entità taħt superviżjoni għandha tagħti notifika bil-miktub dwar din il-bidla lill-awtorità li tkun irċeviet l-informazzjoni inizjali ta’ mill-inqas xahar qabel ma ssir il-bidla. Din l-awtorità għandha tinforma lill-NCA tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-fergħa.

Artikolu 12

L-eżerċitar tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan l-MSU

1.   Kull entità sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi billi tkompli twettaq l-attivitajiet tagħha fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor għall-ewwel darba għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn l-entità sinifikanti taħt superviżjoni ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha. L-informazzjoni tingħata b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. L-NCA għandha wkoll tikkomunika n-notifika lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn is-servizzi ser jiġu pprovduti.

2.   Kull entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi billi tkompli twettaq l-attivitajiet tagħha fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor għall-ewwel darba għandha tinnotifika lill-BĊE b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. In-notifika għandha tiġi kkomunikata lill-BĊE u lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn is-servizzi ser jiġu pprovduti.

KAPITOLU 2

Proċeduri għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti li jipprovdu servizzi fi ħdan l-MSU

Artikolu 13

Notifika tal-eżerċitar tad-dritt ta’ stabbiliment fi ħdan l-MSU minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru parteċipanti tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2013/36/UE b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35(3) tiegħu, l-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn trid tiġi stabbilita l-fergħa għandha tkun id-destinatarja ta’ dik il-komunikazzjoni. L-NCA għandha tinforma lill-BĊE minnufih malli tirċievi din il-komunikazzjoni.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru mhux parteċipanti, il-BĊE, fil-każ ta’ fergħa li tkun sinifikanti skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament MSU u fil-Parti IV ta’ dan ir-Regolament, jew l-NCA relevanti f’każ ta’ fergħa li tkun inqas sinifikanti fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament MSU u fil-Parti IV ta’ dan ir-Regolament, għandha tippreparara biex tissorvelja lill-fergħa b’mod konformi mal-Artikoli 40 sa 46 tad-Direttiva 2013/36/UE, u jekk ikun meħtieġ, tindika l-kundizzjonijiet li taħthom, fl-interessi tal-ġid komuni, il-fergħa tista’ twettaq l-attività tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

3.   L-NCAs għandhom jinformaw lill-BĊE dwar il-kundizzjonijiet li taħthom, taħt il-liġi nazzjonali u fl-interessi tal-ġid ġenerali, l-attivitajiet jistgħu jitwettqu minn fergħa fl-Istat Membru tagħhom.

4.   Bidla fi kwalunkwe informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa skont il-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2013/36/UE għandha tiġi nnotifikata lill-NCA msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għall-fergħat

1.   Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti meta fergħa tkun sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tiegħu.

2.   Meta fergħa tkun inqas sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU, l-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-fergħa għandha teżerċita s-setgħat tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 15

Notifika tal-eżerċitar tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-MSU minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti

Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru mhux parteċipanti tipprovdi notifika skont it-tifsira tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, in-notifika għandha tkun indirizzata lill-NCA tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun ser tiġi eżerċitata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-NCA għandha tinforma lill-BĊE minnufih malli tirċievi din in-notifika.

Artikolu 16

Awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

1.   Skont l-Artikolu 4(2) u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi fi Stati Membri parteċipanti.

2.   Jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun fl-interess tal-ġid ġenerali, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, l-NCAs għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar dawn il-kundizzjonijiet.

KAPITOLU 3

Proċeduri għad-dritt ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ Stati Membri mhux parteċipanti

Artikolu 17

Id-dritt ta’ stabbiliment u l-eżerċitar tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ Stati Membri mhux parteċipanti

1.   Entità sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa jew teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru mhux parteċipanti għandha tinnotifika lill-NCA relevanti bl-intenzjoni tagħha skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli. L-NCA għandha tinforma immedjatament lill-BĊE malli tirċievi din in-notifika. Il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

2.   Entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa jew teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru mhux parteċipanti għandha tinnotifika lill-NCA relevanti dwar l-intenzjoni tagħha skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli. L-NCA relevanti għandha teżerċita s-setgħat tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

TITOLU 4

SUPERVIŻJONI SUPPLIMENTARI TA’ KONGLOMERATI FINANZJARJI

Artikolu 18

Koordinatur

1.   Il-BĊE għandu jassumi l-kompitu ta’ koordinatur ta’ konglomerat finanzarju skont il-kriterji stipulati fil-liġi tal-Unjoni relevanti fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   L-NCA għandha tassumi l-kompitu ta’ koordinatur ta’ konglomerat finanzarju skont il-kriterji stipulati fil-liġi tal-Unjoni relevanti fir-rigward ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JAPPLIKAW GĦALL-OPERAT TAL-MSU

TITOLU 1

PRINĊIPJI U OBBLIGI

Artikolu 19

Ħarsa ġenerali

Din il-Parti tistabbilixxi (a) regoli ġenerali għat-tħaddim tal-MSU mill-BĊE u l-NCAs, u (b) id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-BĊE meta jwettaq proċedura superviżorja tal-BĊE.

Il-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet li japplikaw bejn il-BĊE u l-NCAs f’kooperazzjoni mill-qrib huma stipulati fil-Parti IX.

Artikolu 20

Dmir ta’ kooperazzjoni in bona fede

Il-BĊE u l-NCAs għandhom ikunu soġġetti għad-dmir li jikkooperaw in bona fede, u għall-obbligu li jiskambjaw informazzjoni.

Artikolu 21

Obbligu ġenerali ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament, jew li jkollu aċċess dirett għal informazzjoni rrapportata minn entitajiet taħt superviżjoni, fuq bażi kontinwa, l-NCAs għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu lill-BĊE b’mod tempestiv u preċiż bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-BĊE jkun jista’ jwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni li tirriżulta mill-attivitajiet ta’ verifika u fuq il-post tal-NCAs.

2.   F’ċirkustanzi fejn il-BĊE jikseb informazzjoni direttament mingħand il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament MSU, huwa għandu jipprovdi lill-NCAs ikkonċernati b’dik l-informazzjoni b’mod tempestiv u preċiż. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-BCAs ikunu jistgħu jwettqu l-irwol tagħhom ta’ assistenza lill-BĊE.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-BĊE għandu jipprovdi lill-NCAs b’aċċess regolari għal informazzjoni aġġornata neċessarja għall-NCAs biex iwettqu l-kompiti tagħhom relatati mas-superviżjoni prudenzjali.

Artikolu 22

Id-dritt tal-BĊE li jagħti struzzjonijiet lill-NCAs jew l-NDAs biex jużaw is-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni jekk il-BĊE ikollu kompitu superviżorju iżda ebda setgħa relatata

1.   Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jesiġi, permezz ta’ struzzjonijiet, li l-NCAs jew l-NDAs jew it-tnejn li huma jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali u kif ipprovdut fl-Artikolu 9 tar-Regolament MSU, meta r-Regolament MSU ma jagħtix tali setgħat lill-BĊE.

2.   L-NCAs u/jew, fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament MSU, l-NDAs, għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar l-eżerċitar ta’ dawn is-setgħat mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 23

Reġim lingwistiku bejn il-BĊE u l-NCAs

Il-BĊE u l-NCAs għandhom jadottaw arranġamenti għall-komunikazzjonijiet tagħhom fi ħdan l-MSU, inkluż il-lingwa(i) li għandhom jintużaw.

Artikolu 24

Reġim lingwistiku bejn il-BĊE u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, inklużi entitajiet taħt superviżjoni

1.   Kull dokument mibgħut lill-BĊE minn entità taħt superviżjoni jew kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tkun suġġetta individwalment għal proċeduri superviżorji tal-BĊE jista’ jiġi abbozzat bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, magħżula mill-entità jew persuna taħt superviżjoni.

2.   Il-BĊE, entitajiet taħt superviżjoni u kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tkun suġġetta individwalment għal proċeduri superviżorji tal-BĊE jistgħu jiftiehmu biex jużaw esklużivament lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni fil-komunikazzjoni tagħhom bil-miktub, inkluż fir-rigward ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE.

Ir-revoka ta’ tali ftehim dwar l-użu ta’ lingwa waħda għandha taffettwa biss l-aspetti tal-proċedura superviżorja tal-BĊE li jkunu għadhom ma twettqux.

Meta l-parteċipanti f’seduta orali jitolbu li jinstemgħu f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni oħra apparti l-lingwa tal-proċedura superviżorja tal-BĊE, għandu jingħata avviż bil-quddiem suffiċjenti dwar din il-ħtieġa lill-BĊE sabiex ikun jista’ jagħmel l-arranġamenti neċessarji.

TITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI RELATATI MAL-PROĊESS ĠUST GĦALL-ADOZZJONI TA’ DEĊIŻJONIJIET SUPERVIŻORJI TAL-BĊE

KAPITOLU 1

Proċeduri superviżorji tal-BĊE

Artikolu 25

Prinċipji ġenerali

1.   Kwalunkwe proċedura superviżorja tal-BĊE mibdija skont l-Artikolu 4 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament MSU għandha titwettaq b’mod konformi mal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għal proċeduri mwettqa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

Artikolu 26

Partijiet

1.   Il-partijiet għal proċedura superviżorja tal-BĊE għandhom ikunu:

(a)

dawk li jagħmlu applikazzjoni;

(b)

dawk li lilhom il-BĊE jkun beħsiebu jindirizza jew ikun indirizza deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

2.   L-NCAs jitqiesu li mhumiex partijiet.

Artikolu 27

Rappreżentanza ta’ parti

1.   Parti tista’ tkun irrappreżentata mir-rappreżentanti legali jew statutorji tagħha jew minn kwalunkwe rappreżentant ieħor li jkollhom is-setgħa permezz ta’ mandat bil-miktub biex jieħdu kwalunkwe u kull azzjoni relatati mal-proċedura superviżorja tal-BĊE.

2.   Kwalunkwe revoka tal-mandat għandha tkun effettiva biss malli l-BĊE jirċievi revoka bil-miktub. Il-BĊE għandu jagħti konferma meta jirċievi tali revoka.

3.   Meta parti tkun ħatret rappreżentant fi proċedura superviżorja tal-BĊE, il-BĊE għandu jikkuntattja biss lir-rappreżentant maħtur f’dik il-proċedura superviżorja ħlief jekk iċ-ċirksutanzi partikolari jkunu jeħtieġu li l-BĊE jikkuntattja lill-parti direttament. F’dan l-aħħar każ, ir-rappreżentant għandu jiġi infurmat.

Artikolu 28

Obbligi ġenerali tal-BĊE u partijiet għal proċedura superviżorja tal-BĊE

1.   Proċedura superviżorja tal-BĊE tista’ tinbeda ex officio jew fuq talba ta’ parti. Suġġett għall-paragrafu 3, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatti li ser ikunu relevanti biex jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu f’kull proċedura superviżorja tal-BĊE ex officio.

2.   Fl-evalwazzjoni tiegħu, il-BĊE għandu jqis iċ-ċirkustanzi relevanti kollha.

3.   Suġġett għal-liġi tal-Unjoni, parti għandha tkun meħtieġa li tipparteċipa fi proċedura superviżorja tal-BĊE u li tipprovdi assistenza sabiex tikkjarifika l-fatti. Fi proċeduri superviżorji tal-BĊE mibdija fuq talba ta’ parti, il-BĊE jista’ jillimita d-determinazzjoni tal-fatti min-naħa tiegħu għal talba lill-parti biex tipprovdi l-informazzjoni fattwali relevanti.

Artikolu 29

Evidenza fi proċeduri superviżorji tal-BĊE

1.   Sabiex jivverifika l-fatti ta’ każ, il-BĊE għandu juża dik l-evidenza li jidhirlu li hija xierqa wara li jkun qies kollox.

2.   Il-partijiet għandhom, suġġett għal-liġi tal-Unjoni, jassistu lill-BĊE biex jivverifika l-fatti tal-każ. B’mod partikolari, suġġett għal-limiti relatati ma’ proċeduri ta’ sanzjonament taħt il-liġi tal-Unjoni, il-partijiet għandhom jiddikjaraw fis-sewwa l-fatti li huma jafu bihom.

3.   Il-BĊE jista’ jistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-evidenza għandha tiġi pprovduta mill-partijiet.

Artikolu 30

Xhieda u esperti fi proċeduri superviżorji tal-BĊE

1.   Il-BĊE jista’ jisma’ xhieda u esperti jekk jidhirlu li dan huwa meħtieġ.

2.   Meta l-BĊE jaħtar esperti huwa għandu jiddefinixxi l-kompitu ta’ dak l-espert permezz ta’ ftehim u jistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-espert għandu jissottometti r-rapport tiegħu.

3.   Meta l-BĊE jisma’ xhieda jew esperti, huma għandhom ikunu intitolati fuq applikazzjoni għal rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien tagħhom. Ix-xhieda għandhom ikunu intitolati għal kumpens għal telf ta’ dħul u l-esperti huma intitolati għad-drittijiet miftiehma għas-servizz tagħhom wara li jkunu pprovdew id-dikjarazzjonijiet tagħhom. Il-kumpens għandu jiġi pprovdut ukoll b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet xierqa li japplikaw għall-kumpens ta’ xhieda u r-remunerazzjoni ta’ esperti rispettivament mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-BĊE jista’ jeħtieġ li l-persuni msemmija fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament MSU jidhru bħala xhieda fl-uffiċċji tal-BĊE jew fi kwalunkwe post ieħor fi Stat Membru parteċipanti ddeterminat mill-BĊE. Meta persuna msemmija fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament MSU tkun persuna ġuridika, il-persuni fiżiċi li jirrappreżentaw lil dik il-persuna ġuridika għandhom ikunu obbligati li jattendu skont is-sentenza preċedenti.

Artikolu 31

Id-dritt li wieħed jinstema’

1.   Qabel ma l-BĊE jkun jista’ jadotta deċiżjoni superviżorja tal-BĊE indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub lill-BĊE dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE. Jekk il-BĊE jidhirlu li huwa xieraq huwa jista’ jagħti lill-partijiet l-opportunità li jikkummentaw dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE f’laqgħa. In-notifika li permezz tagħha l-BĊE jagħti lil parti l-opportunità li tipprovdi l-kummenti tagħha għandha ssemmi l-kontenut materjali tad-deċiżjoni superviżorja maħsuba tal-BĊE u l-fatti materjali, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkollu l-ħsieb li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. It-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament MSU ma għandhiex tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Jekk il-BĊE jagħti lil parti l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE waqt laqgħa, l-assenza tal-parti mhijiex raġuni biex tiġi ddifferita l-laqgħa, ħlief jekk tkun ġiet debitament skużata milli tattendi. Jekk il-parti tiġi debitament skużata, il-BĊE jista’ jiddiferixxi l-laqgħa jew jagħti lill-parti l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE bil-miktub. Il-BĊE għandu jħejji minuti bil-miktub tal-laqgħa li għandhom jiġu ffirmati mill-partijiet u għandu jipprovdi kopja tal-minuti lill-partijiet.

3.   Il-parti għandha, fil-prinċipju, tingħata l-opportunità li tagħti l-kummenti tagħha bil-miktub fi skadenza ta’ ġimagħtejn wara li tirċievi dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkun beħsiebu jibbaża d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

Fuq applikazzjoni tal-parti, il-BĊE jista’ jestendi t-terminu ta’ żmien kif xieraq.

F’ċirkustanzi partikolari, il-BĊE jista’ jqassar it-terminu ta’ żmien għal tlett ijiem tax-xogħol. It-terminu taż-żmien għandu jitqassar ukoll għal tlett ijiem tax-xogħol fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, u suġġett għall-paragrafu 5, il-BĊE jista’ jadotta deċiżjoni superviżorja tal-BĊE indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti mingħajr ma jagħti lill-parti l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE qabel ma tiġi adottata jekk deċiżjoni urġenti tidher li tkun meħtieġa sabiex tiġi evitata ħsara sinifikanti għas-sistema finanzjarja.

5.   Jekk tiġi adottata deċiżjoni superviżorja urġenti tal-BĊE b’mod konformi mal-paragrafu 4, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE mingħajr dewmien żejjed wara li tiġi adottata. Il-parti għandha, fil-prinċipju, tingħata l-opportunità li tipprovdi l-kummenti tagħha bil-miktub fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE. Fuq applikazzjoni mingħand il-parti, il-BĊE jista’ jestendi t-terminu ta’ żmien; madankollu, it-terminu ta’ żmien ma jistax jaqbeż is-sitt xhur. Il-BĊE għandu jagħmel rieżami tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE fid-dawl tal-kummenti tal-parti u jista’ jew jikkonfermaha, jirrevokaha, jemendaha jew inkella jirrevokaha u jissostitwiha b’deċiżjoni superviżorja ġdida tal-BĊE.

6.   Għal proċeduri superviżorji tal-BĊE relatati ma’ penali skont l-Artikolu 18 tar-Regolament MSU u Parti X ta’dan ir-Regolament, il-paragrafi 4 u 5 ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 32

Aċċess għall-fajls fi proċedura superviżorja tal-BĊE

1.   Id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ fil-proċeduri superviżorji tal-BĊE. Għal dan l-iskop, u wara li tinfetaħ proċedura superviżorja tal-BĊE, il-partijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-BĊE, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi minbarra l-parti relevanti, għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali. L-NCAs għandhom jgħaddu lill-BĊE, mingħajr dewmien żejjed, kull rikjesta li huma jirċievu li tkun relatata mal-aċċess għall-fajls li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri superviżorji tal-BĊE.

2.   Il-fajls jikkonsistu fid-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew ikkompilati mill-BĊE matul il-proċedura superviżorja tal-BĊE, irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin.

3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jżomm lill-BĊE jew lill-NCAs milli jiżvelaw u jużaw l-informazzjoni meħtieġa bħala prova ta’ ksur.

4.   Il-BĊE jista’ jiddetermina li l-aċċess għal fajl għandu jingħata b’wieħed jew aktar mill-modi li ġejjin, waqt li jitqiesu l-kapaċitajiet tekniċi tal-partijiet:

(a)

permezz ta’ CD-ROMs jew kwalunkwe mezz ta’ ħżin ta’ dejta elettronika inklużi dawk li jistgħu jsiru disponibbli fil-futur;

(b)

permezz ta’ kopji tal-fajl aċċessibbli f’forma stampata fuq karta mibgħuta lilhom bil-posta;

(c)

billi jiġu mistiedna jeżaminaw il-fajl aċċessibbli fl-uffiċċji tal-BĊE.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, informazzjoni kunfidenzjali tista’ tinkludi dokumenti interni tal- BĊE u tal-NCAs u korrispondenza bejn il-BĊE u NCA jew bejn NCAs.

KAPITOLU 2

Deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE

Artikolu 33

Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE

1.   Suġġett għall-paragrafu 2, deċiżjoni superviżorja tal-BĊE għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandha tinkludi l-fatti materjali u r-raġunijiet legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

3.   Suġġett għall-Artikolu 31(4), il-BĊE għandu jibbaża deċiżjoni superviżorja tal-BĊE biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li dwarhom parti setgħet tikkummenta.

Artikolu 34

Effett sospensiv

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 278 TFUE u l-Artikolu 24(8) tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE hija sospiża jew (a) billi jiddikjara dan fid-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, jew (b) f’każijiet għajr talba għal rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, fuq talba mid-destinatarju ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

Artikolu 35

Notifika ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE

1.   Il-BĊE jista’ jinnotifika deċiżjoni superviżorja tal-BĊE lil parti (a) bil-fomm, (b) billi jinnotifika jew iwassal bl-idejn kopja tad-deċiżjoni superviżorja, (c) b’posta rreġistrata b’formola ta’ konferma, (d) b’servizz bil-kurrier express, (e) bit-telefax, jew (f) b’mod elettroniku, skont il-paragrafu 10.

2.   Jekk rappreżentant jingħata mandat bil-miktub, il-BĊE jista’ jinnotifika d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE lir-rappreżentant. F’dawk il-każijiet il-BĊE ma jkunx obbligat li jinnotifika wkoll id-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE lill-entità taħt superviżjoni rrappreżentata minn dak ir-rappreżentant.

3.   F’każ ta’ notifika bil-fomm ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, notifika tad-deċiżjoni għandha titqies li ngħatat lid-destinatarju jekk membru tal-persunal tal-BĊE jkun informa (a) lill-persuna fiżika relevanti, fil-każ ta’ persuna fiżika jew (b) aġent riċevitur awtorizzat tal-persuna ġuridika, fil-każ ta’ persuna ġuridika, tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE. F’każ bħal dan, id-destinatarju għandu jingħata kopja bil-miktub tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE mingħajr dewmien żejjed wara dik in-notifika bil-fomm.

4.   F’każ ta’ notifika ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE b’ittra rreġistrata b’formola ta’ konferma, in-notifika tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE titqies li ngħatat lid-destinatarju fl-għaxar jum wara li l-ittra tkun ġiet mgħoddija lill-fornitur tas-servizz tal-posta, sakemm il-konferma tal-irċevuta ma tindikax li l-ittra ġiet irċevuta f’data differenti.

5.   F’każ ta’ notifika ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE b’servizz express bil-kurrier, in-notifika tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE għandha titqies li ngħatat lid-destinatarju fl-għaxar jum wara li l-ittra ġiet mgħoddija lis-servizz tal-kurrier, ħlief jekk id-dokument tal-konsenja tas-servizz tal-kurrier jindika li l-ittra ġiet irċevuta f’data differenti.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5, id-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE għandha tkun indirizzata lil indirizz adattat għan-notifika (indirizz validu). Indirizz validu huwa:

(a)

fil-każ ta’ proċedura superviżorja tal-BĊE mibdija fuq talba jew applikazzjoni tad-destinatarju ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, l-indirizz ipprovdut mid-destinatarju fit-talba jew applikazzjoni tiegħu;

(b)

fil-każ ta’ entità taħt superviżjoni, l-aħħar indirizz tan-negozju tal-uffiċċju prinċipali pprovdut lill-BĊE mill-entità taħt superviżjoni;

(c)

fil-każ ta’ persuna fiżika, l-aħħar indirizz ipprovdut lill-BĊE u jekk ebda indirizz ma jiġi pprovdut lill-BĊE u l-persuna fiżika tkun impjegat, maniġer jew azzjonist ta’ entità taħt superviżjoni, l-indirizz tan-negozju tal-entità taħt superviżjoni skont (b).

7.   Kull persuna li tkun parti għal proċedura superviżorja tal-BĊE għandha tipprovdi lill-BĊE indirizz validu fuq talba.

8.   Jekk il-persuna tkun stabbilita jew iddomiċiljata fi Stat li ma jkunx Stat Membru, il-BĊE jista’ jesiġi li l-parti ssemmi, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, riċevitur awtorizzat li jkun residenti fi Stat Membru jew li jkollu post ta’ negozju fi Stat Membru. Jekk ebda riċevitur awtorizzat ma jissemma fuq talba ta’ din ix-xorta u sakemm tali riċevitur awtorizzat jissemma rispettivament, kull komunikazzjoni tista’ tiġi nnotifikata b’mod konformi mal-paragrafi 3 sa 5 u 9 fl-indirizz tal-parti disponibbli għall-BĊE.

9.   Meta l-persuna li tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE tkun ipprovdiet numru tal-fax lill-BĊE, il-BĊE għandu jinnotifika deċiżjoni superviżorja tal-BĊE billi jibgħat kopja tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE b’telefax. Id-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE titqies li ġiet innotifikata lid-destinatarju jekk il-BĊE jkun rċieva rapport ta’ tlestija mal-konsenja b’suċċess tat-telefax.

10.   Il-BĊE jista’ jiddetermina l-kriterji li taħthom deċiżjoni superviżorja tal-BĊE tista’ tiġi nnotifikata b’mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni jew oħrajn kumparabbli.

TITOLU 3

RAPPORTAR TA’ KSUR

Artikolu 36

Rapportar ta’ ksur

Kull persuna, in bona fede, tista’ tissottometti rapport direttament lill-BĊE jekk dik il-persuna jkollha bażi raġonevoli biex temmen li r-rapport ser juri ksur tal-atti legali msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, kumpaniji holding finanzjarji mħallta jew awtoritajiet kompetenti (inkluż il-BĊE stess).

Artikolu 37

Protezzjoni xierqa għal rapporti ta’ ksur

1.   Meta persuna tagħmel rapport in bona fede dwar allegat ksur tal-atti legali msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU minn entitajiet taħt superviżjoni jew awtoritajiet kompetenti, ir-rapport għandu jiġi ttrattat bħala rapport protett.

2.   Kull dejta personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tagħmel rapport protett kif ukoll lill-persuna li tkun allegatament responsabbli għal ksur għandha tkun protetta b’mod konformi mal-qafas tal-Unjoni applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta.

3.   Il-BĊE ma għandux jiżvela l-identità ta’ persuna li tkun għamlet rapport protett mingħajr ma l-ewwel tikseb il-kunsens espliċitu ta’ dik il-persuna, ħlief jekk dak l-iżvelar ikun meħtieġ b’ordni tal-qorti fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet ulterjuri jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti.

Artikolu 38

Proċeduri għas-segwitu ta’ rapporti

1.   Il-BĊE għandu jevalwa r-rapporti kollha relatati ma’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni. Huwa għandu jevalwa rapporti relatati ma’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni fir-rigward ta’ ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE. Fil-każ tal-aħħar, meta l-NCAs jirċievu dawn ir-rapporti, huma għandhom jibagħtu r-rapporti lill-BĊE, mingħajr ma jikkomunikaw l-identità tal-persuna li tkun għamlet ir-rapport, ħlief jekk dik il-persuna tagħti l-kunsens espliċitu tagħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-BĊE għandu jibgħat rapporti dwar entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni lill-NCA relevanti, mingħajr ma jikkomunika l-identità tal-persuna li tkun għamlet ir-rapport, ħlief jekk dik il-persuna tagħti l-kunsens espliċitu tagħha.

3.   Il-BĊE għandu jiskambja informazzjoni mal-NCAs: (a) sabiex jevalwa jekk ir-rapporti ntbagħtux kemm lill-BĊE kif ukoll lill-NCA relevanti u sabiex jikkoordina l-isforzi; u (b) sabiex ikun jaf l-eżitu tas-segwitu tar-rapporti mibgħuta lill-NCAs.

4.   Il-BĊE għandu juża diskrezzjoni raġonevoli meta jiddetermina kif għandu jevalwa r-rapporti li jkun irċieva u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu.

5.   F’każ ta’ allegat ksur minn entitajiet taħt superviżjoni, l-entità relevanti taħt superviżjoni għandha tipprovdi lill-BĊE kull informazzjoni u dokumenti mitluba sabiex jevalwa r-rapporti li jkun irċieva.

6.   Fil-każ ta’ ksur allegat minn awtoritajiet kompetenti (minbarra l-BĊE), il-BĊE għandu jitlob lill-awtorità kompetenti relevanti biex tagħti l-kummenti tagħha dwar il-fatti rrapportati.

7.   Fir-rapport annwali tiegħu, kif deskritt fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-rapporti li jirċievi f’forma mqassra jew aggregata, b’mod li l-entitajiet jew persuni individwali taħt superviżjoni ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

PARTI IV

DETERMINAZZJONI TAL-ISTATUS TA’ ENTITÀ TAĦT SUPERVIŻJONI BĦALA SINIFIKANTI JEW INQAS SINIFIKANTI

TITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI RELATATI MAL-KLASSIFIKAZZJONI BĦALA SINIFIKANTI JEW INQAS SINIFIKANTI

Artikolu 39

Klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni fuq bażi individwali bħala sinifikanti

1.   Entità taħt superviżjoni għandha titqies bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddetermina dan f’deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità relevanti taħt superviżjoni skont l-Artikoli 43 sa 49, waqt li jispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni.

2.   Entità taħt superviżjoni m’għandhiex tkompli tiġi kklassifikata bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddetermina, f’deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità taħt superviżjoni li tispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni, li hija entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew ma għadhiex entità taħt superviżjoni.

3.   Entità taħt superviżjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni fuq il-bażi ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

id-daqs tagħha, kif stabbilit skont l-Artikoli 50 sa 55 (iktar ‘il quddiem il-“kriterju tad-daqs”);

(b)

l-importanza tagħha għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru, kif iddeterminat skont l-Artikoli 56 sa 58 (iktar ‘il quddiem il-“kriterju tal-importanza ekonomika”);

(c)

is-sinifikanza tagħha fir-rigward ta’ attivitajiet transkonfinali, kif iddeterminat skont l-Artikoli 59 u 60 (iktar ‘il quddiem il-“kriterju tal-attivitajiet transkonfinali”);

(d)

talba għal jew ir-riċeviment ta’ assistenza finanzjarja pubblika diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES), kif iddeterminat skont l-Artikoli 61 sa 64 (iktar ‘il quddiem il-“kriterju ta’ assistenza finanzjarja pubblika diretta”);

(e)

il-fatt li l-entità taħt superviżjoni tkun waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti, kif iddeterminat skont l-Artikoli 65 u 66.

4.   L-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jaqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE ħlief jekk ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw superviżjoni mill-NCA relevanti skont it-Titolu 9 ta’ din il-Parti.

5.   Il-BĊE għandu jissorvelja wkoll direttament entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni taħt deċiżjoni tal-BĊE adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU bl-effett li l-BĊE jeżerċita direttament is-setgħat relevanti kollha msemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU. Għall-finijiet tal-MSU, l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sinifikanti.

6.   Qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet tal-BĊE msemmija f’dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jikkonsulta lill-NCAs relevanti. Kull deċiżjoni tal-BĊE msemmija f’dan l-Artikolu għandha tiġi nnotifikata wkoll lill-NCAs relevanti.

Artikolu 40

Klassifikazzjoni ta’ entitajiet taħt superviżjoni li huma parti minn grupp bħala sinifikanti

1.   Jekk entità jew entitajiet taħt superviżjoni jkunu parti minn grupp taħt superviżjoni, il-kriterji għad-determinazzjoni tas-sinifikanza għandhom jiġu ddeterminati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Titoli 3 sa 7 tal-Parti IV.

2.   Kull waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni li jiffurmaw parti minn grupp taħt superviżjoni għandhom jitqiesu li huma entità sinifikanti taħt superviżjoni f’kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

jekk il-grupp taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti jissodisfa l-kriterju tad-daqs, il-kriterju tal-importanza ekonomika, jew il-kriterju tal-attivitajiet transkonfinali;

(b)

jekk xi waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni li jiffurmaw parti mill-grupp taħt superviżjoni tkun tissodisfa l-kriterju tal-assistenza finanzjarja pubblika diretta;

(c)

jekk xi waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni li jiffurmaw parti mill-grupp taħt superviżjoni tkun waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti.

3.   Meta grupp taħt superviżjoni jitqies li huwa sinifikanti jew li ma għadux sinifikanti, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE dwar il-klassifikazzjoni bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni, jew dwar it-tneħħija tal-klassifikazzjoni bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni, u għandu jipprovdi d-dati tal-bidu u tat-tmiem tas-superviżjoni diretta mill-BĊE lil kull entità taħt superviżjoni li tifforma parti mill-grupp taħt superviżjoni inkwistjoni skont il-kriterji u l-proċeduri pprovduti fl-Artikolu 39.

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti

1.   Il-fergħat kollha miftuħa fl-istess Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti għandhom jitqiesu bħala entità taħt superviżjoni waħda għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-fergħat miftuħa fi Stati Membri parteċipanti differenti minn istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti għandhom jiġu ttrattati individwalment bħala entitajiet taħt superviżjoni separati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti għandhom jiġu evalwati individwalment bħala entitajiet taħt superviżjoni separati, u separatament minn sussidjarji tal-istess istituzzjoni ta’ kreditu, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat jekk xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU huwiex sodisfatt.

Artikolu 42

Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ sussidjarji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi

1.   Sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru jew Stati Membri parteċipanti minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru mhux parteċipanti jew pajjiż terz għandhom jiġu evalwati separatament mill-fergħat ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu meta jiġi ddeterminat jekk xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU huwiex sodisfatt.

2.   Is-sussidjarji li ġejjin għandhom jiġu evalwati b’mod separat meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk xi wieħed mill-kriterji stipulati fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU huwiex issodisfat:

(a)

dawk li huma stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti;

(b)

dawk li jappartjenu lil grupp li l-impriża prinċipali tiegħu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru mhux parteċipanti jew f’pajjiż terz; u

(c)

dawk li ma jappartjenux għal grupp taħt superviżjoni fi ħdan Stati Membri parteċipanti.

TITOLU 2

PROĊEDURA GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TA’ ENTITAJIET TAĦT SUPERVIŻJONI BĦALA ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

KAPITOLU 1

Klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti

Artikolu 43

Rieżami tal-istatus ta’ entità taħt superviżjoni

1.   Ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jagħmel rieżami, ta’ mill-inqas fuq bażi annwali, dwar jekk entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni għadux jissodisfa xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU.

2.   Ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, kull NCA għandha tagħmel rieżami, ta’ mill-inqas fuq bażi annwali, dwar jekk entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni jissodisfax xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU. Fil-każ ta’ grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni, dan ir-rieżami għandu jsir mill-NCA relevanti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-impriża prinċipali, li għandu jiġi ddeterminat fl-ogħla livell ta’ konsiderazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti.

3.   Il-BĊE jista’ jagħmel rieżami, fi kwalunkwe ħin wara li jirċievi l-informazzjoni relevanti, b’mod partikolari fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 52, dwar jekk (a) entità taħt superviżjoni tissodisfax xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU u (b) jekk entità sinifikanti taħt superviżjoni ma għadhiex tissodisfa xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU.

4.   Jekk NCA tistabbilixxi li entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni jissodisfa xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU, l-NCA relevanti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-BĊE.

5.   Fuq talba tal-BĊE jew ta’ NCA, il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jikkooperaw biex jiddeterminaw jekk xi wieħed mill-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU huwiex sodisfatt fir-rigward ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni.

6.   Jekk il-BĊE (a) jiddeċiedi li jassumi s-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni jew (b) jiddeċiedi li s-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni mill-BĊE għandha tintemm, il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw it-tranżizzjoni mingħajr xkiel tal-kompetenzi superviżorji. B’mod partikolari, rapport li jistabbilixxi l-istorja superviżorja u l-profil ta’ riskju tal-entità taħt superviżjoni għandu jitħejja mill-NCA relevanti meta l-BĊE jassumi s-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni, u mill-BĊE meta l-NCA relevanti ssir kompetenti biex tagħmel superviżjoni tal-entità kkonċernata.

7.   Il-BĊE għandu jiddetermina jekk entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni huwiex sinifikanti billi juża l-kriterji pprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU fl-ordni stabbilita hemmhekk, jiġifieri: (a) id-daqs; (b) l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru parteċipanti; (c) is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali; (d) talba għal jew riċeviment ta’ assistenza finanzjarja pubblika direttament mingħand il-FESF jew il-MES; (e) il-fatt li hija waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti.

Artikolu 44

Proċedura li għandha tiġi applikata meta jiġi ddeterminat is-sinifikat ta’ entità taħt superviżjoni

1.   Meta jkun qed jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni bħala sinifikanti taħt dan it-Titolu, u ħlief jekk stipulat mod ieħor, il-BĊE għandu japplika r-regoli proċedurali tat-Titolu 2 tal-Parti III ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-BĊE għandu jinnotifika bil-miktub, fil-qafas taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 45, deċiżjoni tal-BĊE dwar il-klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni bħala sinifikanti għal kull entità taħt superviżjoni kkonċernata u għandu jikkomunika wkoll dik id-deċiżjoni lill-NCA relevanti. Għal entitajiet taħt superviżjoni li huma parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jinnotifika d-deċiżjoni tal-BĊE lill-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti u għandu jiżgura li l-entitajiet kollha taħt superviżjoni fi ħdan il-grupp sinifikanti taħt superviżjoni jiġu infurmati kif meħtieġ.

3.   Għall-entitajiet taħt superviżjoni li mhumiex innotifikati mill-BĊE skont il-paragrafu 1, il-lista msemmija fl-Artikolu 49(2) għandha sservi bħala notifika tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala inqas sinifikanti.

4.   Il-BĊE għandu jagħti lil kull entità taħt superviżjoni l-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub qabel ma tiġi adottata deċiżjoni tal-BĊE skont il-paragrafu 1.

5.   Il-BĊE għandu, barra minn hekk, jagħti lill-NCAs relevanti, b’mod konformi mal-Artikolu 39(6), l-opportunità li jipprovdu osservazzjonijiet u kummenti bil-miktub, u dawn għandhom jitqiesu debitament mill-BĊE.

6.   Entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-BĊE li tiddetermina li hija entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

KAPITOLU 2

Bidu u tmiem ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE

Artikolu 45

Bidu ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE

1.   Il-BĊE għandu jispeċifika f’deċiżjoni tal-BĊE d-data meta għandu jassumi superviżjoni diretta għal entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni li jkunu ġew ikklassifikati bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni. Dik id-deċiżjoni tal-BĊE tista’ tkun l-istess deċiżjoni bħal dik li saret referenza għaliha fl-Artikolu 44(2). Suġġett għall-paragrafu 2, il-BĊE għandu jinnotifika dik id-deċiżjoni tal-BĊE lil kull entità taħt superviżjoni kkonċernata, ta’ mill-inqas xahar qabel id-data meta jassumi superviżjoni diretta.

2.   Jekk il-BĊE jassumi superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni jew fuq il-bażi ta’ talba għal jew ir-riċeviment ta’ assistenza finanzjarja pubblika diretta mill-MES, il-BĊE għandu jinnotifika d-deċiżjoni tal-BĊE msemmija fil-paragrafu 1 lil kull entità taħt superviżjoni kkonċernata fiż-żmien dovut, ta’ mill-inqas ġimgħa qabel id-data meta tassumi superviżjoni diretta.

3.   Il-BĊE għandu jipprovdi kopji tad-deċiżjonijiet tal-BĊE msemmija fil-paragrafu 1 lill-NCAs relevanti.

4.   Il-BĊE għandu jassumi superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data meta l-BĊE jinnotifika lil dik l-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 44(2).

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-każ ta’ grupp taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jinnotifika id-deċiżjoni tal-BĊE lill-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, u għandu jiżgura li l-entitajiet taħt superviżjoni kollha fi ħdan dak il-grupp jiġu infurmati kif meħtieġ sal-iskadenza relevanti.

Artikolu 46

Tmiem ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE

1.   Meta l-BĊE jiddetermina li ser tintemm is-superviżjoni diretta mill-BĊE ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, il-BĊE għandu joħroġ deċiżjoni tal-BĊE lil kull entità taħt superviżjoni kkonċernata li tispeċifika d-data u r-raġunijiet għalfejn ser tintemm is-superviżjoni diretta. Il-BĊE għandu jadotta dik id-deċiżjoni ta’ mill-inqas xahar qabel id-data meta tkun ser tintemm is-superviżjoni diretta mill-BĊE. II-BĊE għandu jipprovdi wkoll kopja ta’ din id-deċiżjoni tal-BĊE lill-NCAs relevanti. L-Artikolu 45(5) għandu japplika kif meħtieġ.

2.   Il-BĊE għandu jagħti lil kull entità taħt superviżjoni relevanti l-opportunità biex tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont il-paragrafu 1.

3.   Kull deċiżjoni tal-BĊE li tispeċifika d-data meta tkun ser tintemm is-superviżjoni diretta ta’ entità taħt superviżjoni mill-BĊE għandha tinħareġ flimkien mad-deċiżjoni li tikklassifika lil dik l-entità taħt superviżjoni bħala inqas sinifikanti.

Artikolu 47

Raġunijiet għat-temma tas-superviżjoni diretta mill-BĊE

1.   Fil-każ ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni li tkun ikklassifikata bħala tali fuq il-bażi ta’ (a) id-daqs tagħha, (b) l-importanza tagħha għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru parteċipanti, jew (c) is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali, jew għaliex tkun parti minn grupp taħt superviżjoni li jissodisfa ta’ mill-inqas wieħed minn dawn il-kriterji, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE li ttemm il-klassifikazzjoni tagħha bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni diretta jekk, għal tliet snin kalendarji konsekuttivi, ebda wieħed mill-kriterji msemmija hawn fuq ipprovduti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU ma jkun ġie ssodisfat fuq bażi individwali jew mill-grupp taħt superviżjoni li lilu tappartjeni l-entità taħt superviżjoni.

2.   Fil-każ ta’ entità taħt superviżjoni li tkun ikklassifikata bħala sinifikanti fuq il-bażi li tkun intalbet assistenza finanzjarja pubblika diretta mingħand l-MES fir-rigward (a) tagħha stess, (b) ta’ grupp taħt superviżjoni li għalih tappartjeni l-entità taħt superviżjoni, jew (c) kull entità taħt superviżjoni li tappartjeni għal dak il-grupp u li ma hijiex sinifikanti fuq xi bażi oħra, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE li ttemm il-klassifikazzjoni tagħha bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni diretta, jekk l-assistenza finanzjarja pubblika diretta tkun ġiet miċħuda, imrodda lura bis-sħiħ jew mitmuma. F’każ li l-assistenza finanzjarja pubblika diretta tintradd lura jew tintemm, dik id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss tliet snin kalendarji wara li l-assistenza finanzjarja pubblika diretta tintradd lura għal kollox jew tintemm.

3.   F’każ ta’ entità taħt superviżjoni li tkun ikklassifikata bħala sinifikanti fuq il-bażi li hija waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti, kif iddeterminat skont l-Artikoli 65 sa 66, jew li tkun tappartjeni lill-grupp taħt superviżjoni ta’ tali istituzzjoni ta’ kreditu, u li ma tkunx sinifikanti fuq bażi oħra, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE li ttemm il-klassifikazzjoni tagħha bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jew is-superviżjoni diretta jekk, għal tliet snin kalendarji konsekuttivi, l-entità relevanti taħt superviżjoni ma kinitx waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti.

4.   Fil-każ ta’ entità taħt superviżjoni li tkun issorveljata direttament mill-BĊE taħt deċiżjoni tal-BĊE adottata skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU u li ma tkunx sinifikanti fuq xi bażi oħra, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE li ttemm is-superviżjoni diretta mill-BĊE jekk fid-diskrezzjoni tiegħu s-superviżjoni diretta ma tkunx għadha neċessarja sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni.

Artikolu 48

Proċeduri pendenti

1.   Jekk tkun ser isseħħ bidla fil-kompetenza bejn il-BĊE u NCA, l-awtorità li l-kompetenza tagħha tkun ser tintemm (iktar ‘il quddiem l-“awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm”) għandha tinforma lill-awtorità li tkun ser issir kompetenti (iktar ‘il quddiem l-“awtorità li tassumi s-superviżjoni”) dwar kull proċedura superviżorja mibdija formalment, li tkun teħtieġ deċiżjoni. L-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tipprovdi din l-informazzjoni immedjatament wara li ssir konxja mill-bidla imminenti fil-kompetenza. L-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha taġġorna din l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, u bħala regola ġenerali ta’ kull xahar, meta jkun hemm informazzjoni ġdida dwar proċedura superviżorja biex tiġi rrapportata. L-awtorità li tassumi s-superviżjoni tista’, f’każijiet iġġustifikati debitament, tippermetti rapportar fuq bażi inqas frekwenti. Għall-iskop tal-Artikoli 48 u 49, proċedura superviżorja għandha tfisser proċedura superviżorja tal-BĊE jew ta’ NCA.

Qabel il-bidla fil-kompetenza, l-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tikkoordina mal-awtorità li tassumi s-superviżjoni mingħajr dewmien żejjed wara l-bidu formali ta’ xi proċedura superviżorja ġdida li tkun teħtieġ deċiżjoni.

2.   Jekk il-kompetenza superviżorja tinbidel, l-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tagħmel sforzi biex tlesti kwalunkwe proċedura superviżorja pendenti li tkun teħtieġ deċiżjoni qabel id-data meta jkollha sseħħ il-bidla fil-kompetenza superviżorja.

3.   Jekk proċedura superviżorja mibdija formalment li tkun teħtieġ deċiżjoni ma tkunx tista’ titlesta qabel id-data meta sseħħ bidla fil-kompetenza superviżorja, l-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tibqa’ kompetenti li tlesti dik il-proċedura superviżorja pendenti. Għal dan l-iskop, l-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha żżomm ukoll is-setgħat relevanti kollha sakemm tkun tlestiet il-proċedura superviżorja. L-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tlesti l-proċedura superviżorja pendenti inkwistjoni b’mod konformi mal-liġi applikabbli permezz tas-setgħat miżmuma minnha. L-awtorità li l-kompetenza tagħha tintemm għandha tinforma lill-awtorità li tassumi superviżjoni qabel ma tieħu xi deċiżjoni fi proċedura superviżorja li kienet pendenti qabel il-bidla fil-kompetenza. Hija għandha tipprovdi lill-awtorità li tassumi superviżjoni kopja tad-deċiżjoni meħuda u kull dokument relevanti li għandu x’jaqsam ma’ dik id-deċiżjoni.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-BĊE jista’ jiddeċiedi fi żmien xahar minn meta jirċievi l-informazzjoni meħtieġa li jlesti l-evalwazzjoni tiegħu tal-proċedura superviżorja relevanti li tkun inbdiet formalment, u b’konsultazzjoni mal-NCA relevanti, li jieħu taħt idejh il-proċedura superviżorja kkonċernata. Jekk, minħabba raġunijiet ta’ liġi nazzjonali, deċiżjoni tal-BĊE tkun meħtieġa qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ evalwazzjoni msemmi fis-sentenza preċedenti, l-NCA għandha tipprovdi lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa u għandha tispeċifika b’mod partikolari l-qafas ta’ żmien sa meta l-BĊE għandu jiddeċiedi jekk għandux il-ħsieb jew le li jieħu taħt idejh il-proċedura. Meta l-BĊE jieħu taħt idejh proċedura superviżorja, huwa għandu jinnotifika lill-NCA relevanti u lill-partijiet dwar id-deċiżjoni tiegħu li jieħu taħt idejh il-proċedura superviżorja kkonċernata. Fid-deċiżjoni tal-BĊE tiegħu l-BĊE għandu jispeċifika l-konsegwenzi tat-teħid tal-kontroll ta’ din il-proċedura superviżorja.

5.   Il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom jikkooperaw fir-rigward tat-tlestija ta’ kwalunkwe proċedura pendenti u jistgħu jiskambjaw kull informazzjoni relevanti għal dan l-iskop.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal proċeduri komuni.

KAPITOLU 3

Lista ta’ entitajiet taħt superviżjoni

Artikolu 49

Pubblikazzjoni

1.   Il-BĊE għandu jippubblika lista bl-isem ta’ kull entità u grupp taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, li tindika, fejn relevanti għall-entità taħt superviżjoni, il-grupp taħt superviżjoni li għalih tappartjeni, u l-bażi legali speċifika għal dik is-superviżjoni diretta. Il-lista għandha tinkludi, fil-każ ta’ klassifikazzjoni bħala sinifikanti fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs, il-valur totali tal-attiv tal-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni. Il-BĊE għandu jippubblika wkoll l-isem tal-entitajiet taħt superviżjoni li, għalkemm ikunu jissodisfaw xi wieħed mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU u għalhekk jikkwalifikaw bħala sinifikanti, madankollu jitqiesu bħala inqas sinifikanti mill-BĊE minħabba ċirkustanzi partikolari b’mod konformi mat-Titolu 9 tal-Parti IV, u għalhekk ma jkunux taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu jippubblika lista li jkun fiha l-isem ta’ kull entità taħt supervżjoni minn NCA u l-isem tal-NCA relevanti.

3.   Il-listi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ppubblikati b’mod elettroniku u għandhom ikunu aċċessibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

4.   Il-listi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu aġġornati fuq bażi regolari.

TITOLU 3

DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKANZA FUQ IL-BAŻI TAD-DAQS

Artikolu 50

Determinazzjoni tas-sinifikanza fuq il-bażi tad-daqs

1.   Il-kwistjoni jekk entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni humiex sinifikanti fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-valur totali tal-attiv tagħhom.

2.   Entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sinifikanti jekk il-valur totali tal-attiv tagħhom ikun jaqbeż EUR 30 biljun (iktar ‘il quddiem il-“livell minimu tad-daqs”).

Artikolu 51

Bażi biex jiġi ddeterminat jekk entità taħt superviżjoni hijiex sinifikanti fuq il-bażi tad-daqs

1.   Jekk l-entità taħt superviżjoni tkun parti minn grupp taħt superviżjoni, il-valur totali tal-attiv tagħha għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tar-rapportar ikkonsolidat prudenzjali ta’ tmiem is-sena għall-grupp taħt superviżjoni skont il-liġi applikabbli.

2.   Jekk l-attiv totali ma jkunx jista’ jiġi ddeterminati fuq il-bażi tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1, il-valur totali tal-attiv għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-kontijiet annwali kkonsolidati u vverifikati l-aktar reċenti li jkunu mħejjija b’konformità mal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS – International Financial Reporting Standards) applikabbli fi ħdan l-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u, jekk dawk il-kontijiet annwali ma jkunux disponibbli, il-kontijiet annwali kkonsolidati mħejjija skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar il-kontabilità.

3.   Jekk l-entità taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp taħt superviżjoni, il-valur totali tal-attiv tagħha għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tar-rapportar individwali prudenzjali ta’ tmiem is-sena skont il-liġi applikabbli.

4.   Jekk l-attiv totali ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat permezz tad-dejta msemmija fil-paragrafu 3, il-valur totali tal-attiv għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-kontijiet finanzjarji annwali vverifikati l-aktar reċenti li jkunu mħejjija skont l-IFRS, kif applikabbli fi ħdan l-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u, jekk dawk il-kontijiet finanzjarji annwali ma jkunux disponibbli, il-kontijiet finanzjarji annwali mħejjija b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar il-kontabilità.

5.   Jekk l-entità taħt superviżjoni tkun fergħa ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti, il-valur totali tal-attiv tagħha għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tad-dejta statistika rrapportata skont ir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) tal-Bank Ċentrali Ewropew (13).

Artikolu 52

Bażi biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fuq il-bażi tad-daqs f’ċirkustanzi speċifiċi jew eċċezzjonali

1.   Jekk, fir-rigward ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni, ikun hemm bidla sostanzjali eċċezzjonali fiċ-ċirkustanzi li tkun relevanti sabiex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs, l-NCA relevanti għandha tirrevedi jekk għadux issodisfat jew le l-livell minimu tad-daqs.

Jekk isseħħ bidla bħal din fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jinvestiga jekk għadux issodisfat il-limitu minimu tad-daqs.

Bidla sostanzjali eċċezzjonali f’ċirkustanzi relevanti sabiex tiġi ddeterminata s-sinifikanza fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs għandha tinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin: (a) il-fużjoni ta’ żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew aktar, (b) il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ taqsima sostanzjali ta’ negozju, (c) it-trasferiment ta’ ishma f’istituzzjoni ta’ kreditu b’mod li din ma tibqax tappartjeni lil grupp taħt superviżjoni li għalih kienet tappartjeni qabel il-bejgħ, (d) id-deċiżjoni finali li jsir l-istralċ ordnat tal-entità (jew grupp) taħt superviżjoni, (e) sitwazzjonijiet fattwali kumparabbli.

2.   Entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni u, fil-każ ta’ grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-NCA relevanti dwar kwalunkwe bidla msemmija fil-paragrafu 1.

Entità sinifikanti taħt superviżjoni u, fil-każ ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni, l-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kwalunkwe bidla msemmija fil-paragrafu 1.

3.   B’deroga mir-regola ta’ tliet snin ipprovduta fl-Artikolu 47(1) sa (3), u fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali inklużi dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, il-BĊE għandu jiddeċiedi, b’konsultazzjoni mal-NCAs, jekk l-entitajiet taħt superviżjoni affettwati humiex sinifikanti jew inqas sinifikanti u d-data minn meta s-superviżjoni għandha ssir mill-BĊE jew NCAs.

Artikolu 53

Gruppi ta’ impriżi kkonsolidati

1.   Għall-finijiet li tiġi ddeterminata s-sinifikanza fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs, il-grupp taħt superviżjoni ta’ impriżi kkonsolidati għandu jikkonsisti fl-impriżi li jkollhom jiġu kkonsolidati għal skopijiet prudenzjali skont il-liġi tal-Unjoni.

2.   Għall-iskop li tiġi ddeterminata s-sinifikanza fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs, il-grupp ta’ impriżi kkonsolidati taħt superviżjoni għandu jinkludi wkoll sussidjarji u fergħat fi Stati Membri mhux parteċipanti u f’pajjiżi terzi.

Artikolu 54

Metodu ta’ konsolidazzjoni

Il-metodu ta’ konsolidazzjoni għandu jkun il-metodu ta’ konsolidazzjoni applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni għal skopijiet prudenzjali.

Artikolu 55

Metodu għall-kalkolu ta’ attiv totali

Għall-iskop li tiġi ddeterminata s-sinifikanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fuq il-bażi tal-kriterju tad-daqs, il-“valur totali tal-attiv” għandu jkun idderivat mil-linja “attiv totali” fuq karta tal-bilanċ imħejjija skont il-liġi tal-Unjoni għal skopijiet prudenzjali.

TITOLU 4

DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKANZA FUQ IL-BAŻI TAL-IMPORTANZA GĦALL-EKONOMIJA TAL-UNJONI JEW TA’ KULL STAT MEMBRU PARTEĊIPANTI

Artikolu 56

Livell minimu tal-importanza ekonomika nazzjonali

Entità ssorveljata stabbilita fi Stat Membru parteċipanti jew grupp taħt superviżjoni li l-impriża prinċipali tiegħu tkun stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandha tiġi kklassifikata bħala sinifikanti fuq il-bażi tal-importanza tagħha għall-ekonomija tal-Istat Membru parteċipanti relevanti jekk:

Formula
(livell minimu tal-importanza ekonomika nazzjonali)

u

A ≥ EUR 5 biljun

fejn:

A

huwa l-valur totali tal-attiv ddeterminat skont l-Artikoli 51 sa 55 għal sena kalendarja partikolari, u

B

huwa l-prodott domestiku gross bi prezzijiet tas-suq kif iddefinit fil-punt 8.89 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (ESA 2010) u ppubblikat mill-Eurostat għas-sena kalendarja partikolari.

Artikolu 57

Kriterji biex jiġi ddeterminat is-sinifikat fuq il-bażi tal-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ kull Stat Membru parteċipanti

1.   Il-BĊE għandu jqis il-kriterji li ġejjin, b’mod partikolari, meta jevalwa jekk entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni humiex sinifikanti għall-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru parteċipanti għal raġunijiet oħrajn apparti dawk stipulati fl-Artikolu 56:

(a)

is-sinifikanza tal-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għal setturi ekonomiċi speċifiċi fl-Unjoni jew fi Stat Membru sinifikanti;

(b)

kemm huma interkonnessi l-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni mal-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru parteċipanti;

(c)

kemm huma sostitwibbli l-entità jew il-grupp taħt superviżjoni kemm bħala parteċipant fis-suq kif ukoll bħala fornitur ta’ servizzi għall-klijenti;

(d)

il-kumplessità kummerċjali, strutturali u operazzjonali tal-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni.

2.   L-Artikolu 52(3) għandu japplika kif meħtieġ.

Artikolu 58

Determinazzjoni tas-sinifikanza fuq il-bażi tal-importanza għall-ekonomija ta’ xi Stat Membru parteċipanti fuq talba ta’ NCA

1.   NCA tista’ tinnotifika lill-BĊE li hija tqis lil entità taħt superviżjoni bħala sinifikanti fir-rigward tal-ekonomija domestika tagħha.

2.   Il-BĊE għandu jevalwa n-notifika tal-NCA fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 57(1).

3.   L-Artikolu 57 għandu japplika kif meħtieġ.

TITOLU 5

DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKANZA FUQ IL-BAŻI TAS-SINIFIKANZA TA’ ATTIVITAJIET TRANSKONFINALI

Artikolu 59

Kriterji għad-determinazzjoni tas-sinifikanza fuq il-bażi tas-sinifikanza ta’ attivitajiet transkonfinali ta’ grupp taħt superviżjoni

1.   Grupp taħt superviżjoni jista’ jitqies bħala sinifikanti mill-BĊE fuq il-bażi tal-attivitajiet transkonfinali tiegħu meta l-impriża prinċipali ta’ grupp taħt superviżjoni jkollha sussidjarji stabbiliti, li jkunu huma stess istituzzjonijiet ta’ kreditu, f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed.

2.   Grupp taħt superviżjoni jista’ jitqies bħala sinifikanti mill-BĊE fuq il-bażi tal-attivitajiet transkonfinali tiegħu biss jekk il-valur totali tal-assi tiegħu jkun aktar minn EUR 5 biljun u:

(a)

il-proporzjon tal-attiv transkonfinali tiegħu għall-attiv totali tiegħu jkun aktar minn 20 %; jew

(b)

il-proporzjon tal-passiv transkonfinali tiegħu għall-passiv totali tiegħu jkun aktar minn 20 %.

3.   L-Artikolu 52(3) għandu japplika kif meħtieġ.

Artikolu 60

Attiv u passiv transkonfinali

1.   “Attiv transkonfinali”, fil-kuntest ta’ grupp taħt superviżjoni, tfisser il-parti tal-attiv totali li fir-rigward tiegħu l-kontroparti tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew persuna ġuridika jew fiżika oħra sitwata fi Stat Membru parteċipanti minbarra fl-Istat Membru fejn l-impriża prinċipali tal-grupp relevanti taħt superviżjoni jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha.

2.   “Passiv transkonfinali”, fil-kuntest ta’ grupp taħt superviżjoni, tfisser il-parti tal-passiv totali li fir-rigward tiegħu l-kontroparti tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew persuna ġuridika jew fiżika oħra sitwata fi Stat Membru parteċipanti minbarra fl-Istat Membru fejn l-impriża prinċipali tal-grupp relevanti taħt superviżjoni jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha.

TITOLU 6

DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKANZA FUQ IL-BAŻI TA’ TALBA GĦAL JEW IR-RIĊEVIMENT TA’ ASSISTENZA FINANZJARJA PUBBLIKA MILL-FESF JEW L-MES

Artikolu 61

Talba għal jew riċeviment ta’ assistenza finanzjarja pubblika diretta mill-MES

1.   Assistenza finanzjarja pubblika diretta lil entità taħt superviżjoni tintalab meta ssir talba minn membru tal-MES għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-MES lil dik l-entità b’mod konformi ma’ deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MES taħt l-Artikolu 19 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u bl-istrumenti adottati taħt dik id-deċiżjoni.

2.   Assistenza finanzjarja pubblika diretta tiġi riċevuta minn istituzzjoni ta’ kreditu meta l-assistenza finanzjarja tkun ġiet riċevuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu skont id-deċiżjoni u l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 62

Obbligu tal-NCAs lil jinfurmaw lill-BĊE dwar il-possibbiltà ta’ talba għal jew tar-riċeviment ta’ assistenza finanzjarja pubblika minn entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu stipulat fl-Artikolu 96 biex jiġi infurmat il-BĊE dwar id-deterjorament tal-qagħda finanzjarja ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-NCA għandha tinforma lill-BĊE malli ssir taf bil-ħtieġa possibbli li tingħata assistenza finanzjarja pubblika lil entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fuq livell nazzjonali indirettament mill-MES u/jew mill-MES.

2.   L-NCA għandha tissottometti l-evalwazzjoni tagħha tal-qagħda finanzjarja tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni lill-BĊE għall-kunsiderazzjoni tiegħu, qabel ma tissottomettiha lill-MES, ħlief f’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati debitament.

Artikolu 63

Bidu u tmiem tas-superviżjoni diretta

1.   Entità taħt superviżjoni li fir-rigward tagħha tintalab assistenza finanzjarja pubblika diretta mill-MES jew li tkun irċeviet assistenza finanzjarja pubblika diretta mill-MES għandha tiġi kklassifikata bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni mid-data meta tkun intalbet f’isimha l-assistenza finanzjarja pubblika diretta.

2.   Id-data meta l-BĊE jassumi s-superviżjoni diretta għandha tiġi speċifikata f’deċiżjoni tal-BĊE skont it-Titolu 2.

3.   L-Artikolu 52(3) għandu japplika kif meħtieġ.

Artikolu 64

Kamp ta’ applikazzjoni

Jekk tintalab assistenza finanzjarja pubblika diretta fir-rigward ta’ entità taħt superviżjoni li tkun parti minn grupp taħt superviżjoni, l-entitajiet kollha taħt superviżjoni li jkunu parti minn dak il-grupp taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sinifikanti.

TITOLU 7

DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKANZA FUQ IL-BAŻI LI L-ENTITÀ TAĦT SUPERVIŻJONI HIJA WAĦDA MIT-TLIET ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU L-AKTAR SINIFIKANTI FI STAT MEMBRU PARTEĊIPANTI

Artikolu 65

Kriterji biex jiġu ddeterminati t-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti

1.   Istituzzjoni ta’ kreditu jew grupp taħt superviżjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sinifikanti jekk ikunu fost it-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti.

2.   Għall-finijiet li jiġu identifikati t-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti, il-BĊE u l-NCA relevanti għandhom iqisu d-daqs tal-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni rispettivament, kif iddeterminat skont l-Artikoli 50 sa 55.

Artikolu 66

Proċessi ta’ rieżami

1.   Fir-rigward ta’ kull Stat Membru parteċipanti, il-BĊE għandu jistabbilixxi sal-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena kalendarja jekk tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni b’impriża prinċipali stabbilita f’dak l-Istat Membru parteċipanti għandhomx jiġu kklassifikati jew le bħala entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Fuq talba tal-BĊE, l-NCAs għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar it-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti rispettivi tagħhom sal-1 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja inkwistjoni. It-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti għandhom jiġu ddeterminati mill-NCAs fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikoli 50 sa 55.

3.   Għal kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti fl-Istati Membri parteċipanti, l-NCA relevanti għandha tipprovdi lill-BĊE b’rapport li jistabbilixxi l-istorja superviżorja u l-profil ta’ riskju f’kull każ, ħlief jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu jew il-grupp taħt superviżjoni diġà jkunu kklassifikati bħala sinifikanti.

Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-BĊE għandu jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu stess. Il-BĊE jista’, għal dan l-iskop, jitlob lill-NCA relevanti biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni relevanti.

4.   Jekk, fl-1 ta’ Ottubru ta’ sena partikolari, waħda jew aktar mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew wieħed jew aktar mill-gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti fi Stat Membru parteċipanti ma jkunux ikklassifikati bħala entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni skont it-Titolu 2 fir-rigward ta’ kwalunwke waħda mit-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi taħt superviżjoni l-aktar sinifikanti li ma jkunux ikklassifikati bħala sinifikanti.

5.   L-Artikolu 52(3) għandu japplika kif meħtieġ.

TITOLU 8

DEĊIŻJONI TAL-BĊE LI JAGĦMEL SUPERVIŻJONI DIRETTA TA’ ENTITAJIET INQAS SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI SKONT L-ARTIKOLU 6(5)(B) TAR-REGOLAMENT MSU

Artikolu 67

Kriterji għal deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU

1.   Il-BĊE jista’, skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU, jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, permezz ta’ deċiżjoni tal-BĊE, li jeżerċita direttament is-superviżjoni ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

2.   Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni tal-BĊE msemmija fil-paragrafu 1, il-BĊE għandu jqis, inter alia, kwalunkwe wieħed minn dawn il-fatturi:

(a)

jekk l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni jkunux qrib li jissodisfaw xi wieħed mill-kriterji li tinsab fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU;

(b)

kemm ikunu interkonnessi l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn;

(c)

jekk l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni kkonċernata tkunx sussidjarja ta’ entità taħt superviżjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru mhux parteċipanti jew pajjiż terz u tkun stabbilixxiet sussidjarja waħda jew aktar, li jkunu wkoll istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew fergħa waħda jew aktar fi Stati Membri parteċipanti, li minnhom waħda jew aktar tkun sinifikanti;

(d)

il-fatt li l-istruzzjonijiet tal-BĊE ma jkunux ġew segwiti mill-NCA;

(e)

il-fatt li l-NCA ma tkunx ikkonformat mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU.

(f)

il-fatt li l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tkun talbet jew irċeviet indirettament assistenza finanzjarja mill-FESF jew l-MES.

Artikolu 68

Proċedura għat-tħejjija ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU fuq talba ta’ NCA

1.   Il-BĊE jista’, fuq it-talba ta’ NCA, jevalwa jekk huwiex neċessarju jew le li jeżerċita superviżjoni diretta skont ir-Regolament MSU fir-rigward ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżjorji għoljin.

2.   It-talba tal-NCA għandha: (a) tidentifika l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni li fir-rigward tagħhom l-NCA tkun tal-fehma li l-BĊE għandu jassumi superviżjoni diretta, u (b) tiddikjara għalfejn is-superviżjoni tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni mill-BĊE hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

3.   It-talba tal-NCA għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jindika l-istorja superviżorja u l-profil tar-riskju tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni relevanti.

4.   Jekk il-BĊE ma jaqbilx mat-talba tal-NCA, huwa għandu jikkonsulta mal-NCA kkonċernata qabel l-evalwazzjoni finali tiegħu dwar jekk is-superviżjoni mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

5.   Jekk il-BĊE jiddeċiedi li s-superviżjoni mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ standards superviżorji għoljin, huwa għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE b’mod konformi mat-Titolu 2.

Artikolu 69

Proċedura għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU fuq l-inizjattiva tal-BĊE stess

1.   Il-BĊE jista’ jitlob lil NCA biex tipprovdi rapport li jistabbilixxi l-istorja superviżorja u l-profil tar-riskju tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni relevanti. Il-BĊE għandu jispeċifika d-data sa meta għandu jintbagħatlu dak ir-rapport.

2.   Il-BĊE għandu jikkonsulta mal-NCA qabel l-evalwazzjoni finali tiegħu dwar jekk is-superviżjoni mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

3.   Jekk il-BĊE jikkonkludi li s-superviżjoni diretta mill-BĊE tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ standards superviżorji għoljin, huwa għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE b’mod konformi mat-Titolu 2.

TITOLU 9

ĊIRKOSTANZI PARTIKOLARI LI JISTGĦU JIĠĠUSTIFIKAW IL-KLASSIFIKAZZJONI TA’ ENTITÀ TAĦT SUPERVIŻJONI BĦALA INQAS SINIFIKANTI MINKEJJA LI L-KRITERJI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI BĦALA SINIFIKANTI JKUNU SSODISFATI

Artikolu 70

Ċirkustanzi partikolari li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni bħala inqas sinifikanti

1.   Ikunu jeżistu ċirkustanzi partikolari kif imsemmija fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU (iktar ‘il quddiem iċ-“ċirkustanzi partikolari”), meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament MSU u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

2.   It-terminu “ċirkustanzi partikolari” għandu jiġi interpretat b’mod strett.

Artikolu 71

Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari

1.   Il-kwistjoni jekk jeżistux ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li entità taħt superviżjoni li f’każ ieħor tkun sinifikanti tiġi kklassifikata bħala inqas sinifikanti għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ u speċifikament għall-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni kkonċernati, iżda mhux għal kategoriji ta’ entitajiet taħt superviżjoni.

2.   L-Artikolu 40 għandu japplika kif meħtieġ.

3.   L-Artikoli 44 sa 46 u l-Artikoli 48 u 49 għandhom japplikaw kif meħtieġ. Il-BĊE għandu jiddikjara f’deċiżjoni tal-BĊE r-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni tiegħu li jeżistu ċirkustanzi partikolari.

Artikolu 72

Rieżami

1.   Il-BĊE għandu, bl-appoġġ tal-NCAs relevanti, jagħmel rieżami ta’ mill-inqas darba fis-sena dwar jekk għadhomx jeżistu ċirkustanzi partikolari fir-rigward ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni li jkunu kklassifikati bħala inqas sinfikanti minħabba ċirkustanzi partikolari.

2.   L-entità taħt superviżjoni kkonċernata għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni u dokumenti mitluba mill-BĊE sabiex isir rieżami kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Jekk il-BĊE jidhirlu li ma għadhomx jeżistu ċirkustanzi partikolari huwa għandu jadotta deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità relevanti taħt superviżjoni li tiddetermina li hija kklassifikata bħala sinifikanti u li ma għadhomx jeżistu ċirkustanzi partikolari.

4.   It-Titolu 2 tal-Parti IV għandu japplika kif meħtieġ.

PARTI V

PROĊEDURI KOMUNI

TITOLU 1

KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL AWTORIZZAZZJONI BIEX JINBEDA N-NEGOZJU TA’ ISTITUZZJONI TA’ KREDITU

Artikolu 73

Notifika lill-BĊE ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jinbeda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu

1.   NCA li tirċievi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jinbeda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi Stat Membru parteċipanti għandha tinnotifika lill-BĊE dwar il-fatt li tkun irċeviet dik l-applikazzjoni fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

2.   L-NCA għandha tinforma wkoll lill-BĊE dwar l-iskadenza sa meta jkollha ttieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u tiġi nnotifikata lill-applikant skont il-liġi nazzjonali relevanti.

3.   Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-NCA, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-BĊE, għandha tistaqsi lill-applikant biex jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. L-NCA għandha tibgħat dik l-informazzjoni addizzjonali li tirċievi lill-BĊE fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara li tirċiviha mingħand l-NCA.

Artikolu 74

Evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-NCAs

L-NCA li lilha tiġi ppreżentata applikazzjoni għandha tevalwa jekk l-applikant jikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni stabbiliti fil-liġi nazzjonali relevanti tal-Istat Membru tal-NCA.

Artikolu 75

Deċiżjonijiet tal-NCA li jiċħdu applikazzjoni

L-NCAs għandhom jiċħdu applikazzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stipulati fil-liġi nazzjonali relevanti u jibagħtu kopja tad-deċiżjoni tagħhom lill-BĊE.

Artikolu 76

Abozzi ta’ deċiżjonijiet tal-NCAs dwar l-awtorizzazzjoni biex jinbeda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu

1.   Jekk l-NCA tkun sodisfatta li l-applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni stipulati fid-dritt nazzjonali relevanti, hija għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni li tipproponi li l-BĊE jagħti lill-applikant awtorizzazzjoni biex jibda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ‘il quddiem “abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”).

2.   L-NCA għandha tiżgura li l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jiġi nnotifikat lill-BĊE u lill-applikant ta’ mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel it-tmiem tal-perijodu massimu ta’ evalwazzjoni pprovdut permezz tal-liġi nazzjonali relevanti.

3.   L-NCA tista’ tipproponi li jinthemżu rakkomandazzjonijiet, kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet ma’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, l-NCA għandha tkun responsabbli biex tevalwa l-konformità mal-kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet.

Artikolu 77

L-evalwazzjoni mill-BĊE ta’ applikazzjonijiet u s-smigħ ta’ applikanti

1.   Il-BĊE għandu jevalwa l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stipulati fil-liġi relevanti tal-Unjoni. Jekk, fil-fehma tiegħu, dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati, il-BĊE għandu jagħti lill-applikant l-opportunità li jikkummenta bil-miktub dwar il-fatti u l-oġġezzjonijiet relevanti għall-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 31.

2.   Jekk laqgħa titqies li hija neċessarja u f’każijiet oħrajn li huma debitament iġġustifikati, il-BĊE jista’ jestendi l-perijodu massimu biex jiddeċiedi dwar applikazzjoni skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament MSU. L-estensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 78

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar applikazzjonijiet

1.   Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li jirċievi mingħand l-NCA fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, ħlief jekk tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perijodu massimu skont l-Artikolu 77(2). Huwa jista’ jappoġġa l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u b’hekk jaqbel mal-awtorizzazzjoni jew joġġezzjona kontra l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

2.   Il-BĊE għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-evalwazzjoni tiegħu tal-applikazzjoni, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u kwalunkwe kumment mogħti mill-applikant skont l-Artikolu 77.

3.   Jekk il-BĊE ma jiħux deċiżjoni fi żmien il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mħejji mill-NCA għandu jitqies li ġie adottat.

4.   Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni jekk l-applikant jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha għall-awtorizzazzjoni skont il-liġi relevanti tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant.

5.   Id-deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni għandha tkopri l-attivitajiet tal-applikant bħala istituzzjoni ta’ kreditu kif ipprovdut fil-liġi nazzjonali relevanti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għal awtorizzazzjoni taħt il-liġi nazzjonali relevanti għal attivitajiet minbarra n-negozju ta’ teħid ta’ depożiti jew fondi ripagabbli oħrajn mill-pubbliku u l-għoti ta’ krediti f’ismu stess.

Artikolu 79

Proċedura għall-iskadenza tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tiskadi fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(a) tad-Direttiva 2013/36/UE meta l-liġi nazzjonali relevanti tipprovdi dan. L-NCAs għandhom jinfurmaw lill-BĊE bil-każijiet individwali fejn tiskadi awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu mbagħad jippubblika l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni b’konformità mal-liġi nazzjonali relevanti, wara li jkun informa lill-NCA relevanti u lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata.

TITOLU 2

KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-IRTIRAR TA’ AWTORIZZAZZJONI

Artikolu 80

Proposta tal-NCA biex tiġi rtirata awtorizzazzjoni

1.   Jekk l-NCA relevanti tikkunsidra li l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha tiġi rtirata totalment jew parzjalment skont il-liġi nazzjonali tal-Unjoni jew dik nazzjonali, inkluż l-irtirar fuq talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu, hija għandha tissottometti lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li tipproponi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni (iktar ‘il quddiem “abbozz ta’ deċiżjoni ta’ irtirar”), flimkien ma’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ relevanti.

2.   L-NCA għandha tikkoordina mal-awtorità nazzjonali kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ‘il quddiem l-“awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni”) fir-rigward ta’ kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar li hija relevanti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali.

Artikolu 81

L-evalwazzjoni mill-BĊE ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar

1.   Il-BĊE għandu jevalwa l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar mingħajr dewmien żejjed. B’mod partikolari, huwa għandu jqis ir-raġunijiet għall-urġenza mogħtija mill-NCA.

2.   Għandu japplika d-dritt li wieħed jinstema’ kif ipprovdut fl-Artikolu 31.

Artikolu 82

Evalwazzjoni fuq l-inizjattiva tal-BĊE stess u konsultazzjoni tal-NCAs

1.   Jekk il-BĊE jsir konxju minn ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, huwa għandu jevalwa fuq l-inizjattiva tiegħu stess jekk l-awtorizzazzjoni għandhiex tiġi rtirata skont il-liġi relevanti tal-Unjoni.

2.   Il-BĊE jista’ jikkonsulta f’kull ħin mal-NCAs relevanti. Jekk il-BĊE jkollu l-ħsieb li jirtira awtorizzazzjoni, huwa għandu jikkonsulta mal-NCA tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas 25 jum tax-xogħol qabel id-data meta jkun beħsiebu jieħu d-deċiżjoni tiegħu. F’każijiet urġenti li jkunu ġġustifikati debitament, il-limitu ta’ żmien għall-konsultazzjoni jista’ jitnaqqas għal ħamest ijiem tax-xogħol.

3.   Jekk il-BĊE jkun beħsiebu jirtira awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-NCAs relevanti dwar kwalunkwe kumment ipprovdut mill-istituzzjoni ta’ kreditu. Għandu japplika d-dritt li wieħed jinstema’ kif ipprovdut fl-Artikolu 31.

4.   Il-BĊE għandu jikkoordina mal-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni fir-rigward ta’ proposta biex tiġi rtirata awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU. Il-BĊE għandu jinforma lill-NCA minnufih wara li jibda kuntatt mal-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni.

Artikolu 83

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.   Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Meta jagħmel dan, huwa jista’ jaċċetta jew jiċħad l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar relevanti.

2.   Meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-BĊE għandu jqis dawn kollha li ġejjin: (a) l-evalwazzjoni tiegħu taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar; (b) fejn applikabbli, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-NCA; (c) konsultazzjoni mal-NCA relevanti u, fejn l-NCA ma tkunx l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni (flimkien mal-NCA l-“awtoritajiet nazzjonali”); (d) kull kumment ipprovdut mill-istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikoli 81(2) u 82(3).

3.   Il-BĊE għandu wkoll jieħu deċiżjoni fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 84 jekk l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni relevanti ma toġġezzjonax għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, jew jekk il-BĊE jiddetermina li azzjonijiet kif suppost meħtieġa għaż-żamma tal-istabilità finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali.

Artikolu 84

Proċedura fil-każ ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni potenzjali li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali

1.   Jekk l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni tinnotifika l-oġġezzjoni tagħha għall-intenzjoni tal-BĊE li jirtira awtorizzazzjoni, il-BĊE u l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jaqblu dwar perijodu ta’ żmien li matulu l-BĊE għandu jastjeni milli jipproċedi bl-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu jinforma lill-NCA minnufih wara li jibda l-kuntatt mal-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni sabiex jintlaħaq dan il-ftehim.

2.   Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ żmien miftiehem, il-BĊE għandha jevalwa jekk ikunx beħsiebu jirtira l-awtorizzazzjoni jew jestendi l-perijodu ta’ żmien miftiehem skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament MSU, waqt li jqis kwalunkwe progress li jkun sar. Il-BĊE għandu jikkonsulta kemm mal-NCA relevanti kif ukoll mal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, jekk din tkun differenti mill-NCA. L-NCA għandha tinforma lill-BĊE dwar il-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet u l-evalwazzjoni tagħha tal-konsegwenzi ta’ rtirar.

3.   Jekk l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ma toġġezzjonax għall-irtirar ta’ riżoluzzjoni, jew jekk il-BĊE jiddetermina li l-azzjonijiet xierqa u meħtieġa biex tinżamm l-istabilità finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, allura għandu japplika l-Artikolu 83.

TITOLU 3

KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-AKKWIST TA’ PARTEĊIPAZZJONIJIET AZZJONARJI KWALIFIKANTI

Artikolu 85

Notifika lill-NCA tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

1.   NCA li tirċievi notifika ta’ intenzjoni li tiġi akkwistata parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita f’dak l-Istat Membru parteċipanti għandha tinnotifika lill-BĊE dwar dik in-notifika sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara l-konferma tal-irċevuta skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   L-NCA għandha tinnotifika lill-BĊE jekk trid tissospendi l-perijodu ta’ evalwazzjoni minħabba talba għal informazzjoni addizzjonali. L-NCA għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bħal din lill-BĊE fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara li tkun irċevietha l-NCA.

3.   L-NCA għandha tinforma wkoll lill-BĊE bid-data sa meta d-deċiżjoni li topponi jew li ma topponix l-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għandha tiġi nnotifikata lill-applikant skont il-liġi nazzjonali relevanti.

Artikolu 86

Evalwazzjoni ta’ akkwisti potenzjali

1.   L-NCA li tirċievi notifika dwar l-intenzjoni li tiġi akkwistata parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu għandha tevalwa jekk l-akkwist potenzjali jikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-liġi relevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali. Wara din l-evalwazzjoni, l-NCA għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni għall-BĊE li topponi jew ma topponix l-akkwist.

2.   L-NCA għandha tissottometti l-abbozz tad-deċiżjoni li topponi jew ma topponix l-akkwist lill-BĊE ta’ mill-inqas 15-il jum tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ evalwazzjoni kif iddefinit permezz tal-liġi tal-Unjoni relevanti.

Artikolu 87

Deċiżjoni tal-BĊE dwar akkwist

Il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk jopponix jew le l-akkwist fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tiegħu tal-akkwist propost u l-abbozz tad-deċiżjoni tal-NCA. Għandu japplika d-dritt li wieħed jinstema’ kif ipprovdut fl-Artikolu 31.

TITOLU 4

NOTIFIKA TA’ DEĊIŻJONIJIET DWAR PROĊEDURI KOMUNI

Artikolu 88

Proċeduri għan-notifika ta’ deċiżjonijiet

1.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-partijiet dwar id-deċiżjonijiet li ġejjin mingħajr dewmien żejjed skont l-Artikolu 35:

(a)

deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu;

(b)

deċiżjoni tal-BĊE dwar l-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

2.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-NCA relevanti mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

deċiżjoni tal-BĊE dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu;

(b)

deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu;

(c)

deċiżjoni tal-BĊE dwar l-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

3.   L-NCA għandha tinnotifika lill-applikant għal awtorizzazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni;

(b)

deċiżjoni ta’ NCA biex tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni meta l-applikant ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stipulati fil-liġi nazzjonali relevanti;

(c)

deċiżjoni tal-BĊE fejn joġġezzjona għall-abbozz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni msemmija f’(a);

(d)

deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-BĊE.

4.   L-NCA għandha tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali relevanti bid-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu.

5.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) b’kull deċiżjoni tal-BĊE biex tingħata jew tiġi rtirata awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll b’kull skadenza ta’ awtorizzazzjoni. Meta jagħmel dan, il-BĊE għandu jispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għall-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni.

PARTI VI

PROĊEDURI GĦAS-SUPERVIŻJONI TA’ ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

TITOLU 1

SUPERVIŻJONI TA’ ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI U ASSISTENZA MILL-NCAS

Artikolu 89

Superviżjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni

Il-BĊE għandu jwettaq is-superviżjoni diretta ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni skont il-proċeduri stabbiliti fil-Parti II, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti u l-kompożizzjoni ta’ timijiet konġunti ta’ superviżjoni.

Artikolu 90

Rwol tal-NCAs fl-għoti ta’ assistenza lill-BĊE

1.   NCA għandha tassisti lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament MSU u f’dan ir-Regolament, u għandha, b’mod partikolari, twettaq l-attivitajiet kollha li ġejjin:

(a)

tissottometti abbozzi ta’ deċiżjonijiet lill-BĊE fir-rigward ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti tagħha, b’mod konformi mal-Artikolu 91;

(b)

tassisti lill-BĊE fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament MSU, inkluża assistenza f’attivitajiet ta’ verifika u l-evalwazzjoni minn jum għal jum tas-sitwazzjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni;

(c)

tassisti lill-BĊE biex jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu, billi juża meta jkun meħtieġ is-setgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament MSU.

2.   Meta tassisti lill-BĊE, NCA għandha ssegwi l-istruzzjonijiet tal-BĊE fir-rigward ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

Artikolu 91

Abbozzi ta’ deċiżjonijiet li għandhom jitħejjew mill-NCAs għall-konsiderazzjoni tal-BĊE

1.   Skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(7)(b) tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jitlob lil NCA biex tħejji abbozz ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-eżerċitar tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament MSU għall-kunsiderazzjoni tiegħu.

It-talba għandha tispeċifika l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jintbagħat l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-BĊE.

2.   NCA tista’ wkoll, fuq il-inizjattiva tagħha stess, tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni lill-BĊE għall-kunsiderazzjoni tiegħu permezz tat-tim superviżorju konġunt.

Artikolu 92

Skambju ta’ informazzjoni

Il-BĊE u l-NCAs għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jiskambjaw informazzjoni relatata ma’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni meta jkun hemm indikazzjoni serja li dawk l-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni ma jistgħux jiġu fdati aktar biex iwettqu l-obbligi tagħhom lejn il-kredituri tagħhom u, b’mod partikolari, ma jistgħux jipprovdu aktar garanzija għall-attiv fdat lilhom mid-depożitanti tagħhom, jew meta jkun hemm indikazzjoni serja ta’ ċirkustanzi li tista’ twassal għal determinazzjoni li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mhijiex kapaċi tħallas lura d-depożiti kif imsemmi fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Il-BĊE u l-NCAs għandhom jagħmlu dan qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar dik id-determinazzjoni.

TITOLU 2

KONFORMITÀ MAR-REKWIŻITI TA’ KOMPETENZA U ADEGWATEZZA GĦALL-PERSUNI RESPONSABBLI MIT-TMEXXIJA TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU

Artikolu 93

Evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korpi ta’ tmexxija ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza robusti, u mingħajr preġudizzju għal-liġi relevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali u l-Parti V, entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tinnotifika lill-NCA relevanti dwar kwalunkwe bidla fil-membri tal-korpi ta’ tmexxija tagħha fil-funzjonijiet maniġerjali u superviżorji tagħhom (iktar ‘il quddiem il-“maniġers”) fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 3(1)(7) u 3(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż it-tiġdid tat-terminu tal-kariga tal-maniġers. L-NCA relevanti għandha tinnotifika lill-BĊE dwar kwalunkwe bidla ta’ din ix-xorta mingħajr dewmien żejjed waqt li tinfurmah dwar il-limitu ta’ żmien sa meta deċiżjoni għandha tittieħed u tiġi nnotifikata skont il-liġi nazzjonali relevanti.

2.   Sabiex jevalwa l-adegwatezza tal-maniġers ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti għandhom taħt il-liġi relevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Artikolu 94

Reviżjoni kontinwa tal-adegwatezza tal-maniġers

1.   Entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tinforma lill-NCA relevanti dwar kwalunkwe fatti ġodda li jistgħu jaffettwaw evalwazzjoni inizjali tal-adegwatezza jew kwalunkwe kwistjoni oħra li jista’ jkollha impatt fuq l-adegwatezza ta’ maniġer mingħajr dewmien żejjed malli dawn il-fatti jew kwistjonijiet isiru magħrufa lill-entità taħt superviżjoni jew lill-maniġer relevanti. L-NCA relevanti għandha tinnotifika lill-BĊE dwar dawn il-fatti jew kwistjonijiet ġodda mingħajr dewmien żejjed.

2.   Il-BĊE jista’ jagħti bidu għal evalwazzjoni ġdida bbażata fuq il-fatti jew il-kwistjonijiet il-ġodda msemmija fil-paragrafu 1 jew jekk il-BĊE isir konxju dwar xi fatti ġodda li jista’ jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni inizjali tal-maniġer relevanti jew kwalunkwe kwistjoni oħra li jista’ jkollha impatt fuq l-adegwatezza ta’ maniġer. Il-BĊE mbagħad għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa skont il-liġi relevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali u għandu jinforma lill-NCA dwar tali azzjoni mingħajr dewmien żejjed.

TITOLU 3

PROĊEDURI OĦRAJN LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI MINN ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

Artikolu 95

Talbiet, notifiki jew applikazzjonijiet minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri speċifiċi stipulati b’mod partikolari fil-Parti V u għall-interazzjoni ordinarja tagħha mal-NCA tagħha, entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tindirizza lill-BĊE t-talbiet, notifiki jew applikazzjonijiet tagħha kollha relatati mat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE.

2.   Il-BĊE għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-NCA relevanti kull talba, notifika jew applikazzjoni ta’ din ix-xorta u jista’ jitlob lill-NCA biex tħejji abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 91.

3.   F’każ ta’ bidliet sostanzjali mqabbla mal-awtorizzazzjoni mogħtija għat-talba inizjali, notifika jew applikazzjoni, l-entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha tindirizza talba ġdida, notifika jew applikazzjoni lill-BĊE b’mod konformi mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

PARTI VII

PROĊEDURI GĦAS-SUPERVIŻJONI TA’ ENTITAJIET INQAS SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

TITOLU 1

IN-NOTIFIKA MILL-NCAS LILL-BĊE TA’ PROĊEDURI SUPERVIŻORJI MATERJALI TAL-NCA U ABBOZZI TA’ DEĊIŻJONIJIET SUPERVIŻORJI MATERJALI

Artikolu 96

Deterjorament tal-qagħda finanzjarja ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni

L-NCAs għandhom jinfurmaw lill-BĊE meta l-qagħda ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tiddeterjora malajr u b’mod sinifikanti, b’mod speċjali jekk dak id-deterjorament jista’ jwassal għal talba għal assistenza finanzjarja diretta jew indiretta mill-MES, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 62.

Artikolu 97

Notifika mill-NCAs lill-BĊE ta’ proċeduri superviżorji materjali tal-NCA

1.   Sabiex il-BĊE jkun jista’ jeżerċita sorveljanza fuq il-funzjonament tas-sistema, kif stabbilit fl-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament MSU, l-NCAs għandhom jipprovdu lill-BĊE b’informazzjoni relatata ma’ proċeduri superviżorji materjali tal-NCA li jikkonċernaw entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni. Il-BĊE għandu jiddefinixxi l-kriterji ġenerali, b’mod partikolari billi jqis is-sitwazzjoni tar-riskju u l-impatt potenzjali fuq is-sistema finanzjarja domestika tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni kkonċernata, sabiex jiddetermina għal liema entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni għandha tiġi nnotifikata dik l-informazzjoni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-NCAs ex ante jew f’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati debitament fl-istess ħin mal-ftuħ ta’ proċedura.

2.   Il-proċeduri superviżorji materjali tal-NCA msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu:

(a)

fit-tneħħija ta’ membri tal-bordijiet ta’ tmexxija tal-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u l-ħatra ta’ maniġers speċjali biex jieħdu taħt idejhom it-tmexxija tal-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni; u

(b)

il-proċeduri li għandhom impatt sinifikanti fuq l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

3.   Minbarra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti mill-BĊE skont dan l-Artikolu, il-BĊE jista’ fi kwalunkwe ħin jitlob mingħand l-NCAs informazzjoni dwar it-twettiq tal-kompiti mwettqa minnhom fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

4.   Minbarra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti mill-BĊE skont dan l-Artikolu, l-NCAs għandhom, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jinnotifikaw lill-BĊE dwar kwalunkwe proċedura superviżorja oħra ta’ NCA li:

(a)

jidhrilhom li hija materjali; jew

(b)

tista’ taffettwa b’mod negattiv ir-reputazzjoni tal-MSU.

5.   Jekk il-BĊE jitlob lil NCA biex tevalwa ulterjorment l-aspetti speċifiċi ta’ proċedura superviżorja materjali ta’ NCA, din it-talba għandha tispeċifika liema aspetti huma kkonċernati. Il-BĊE u l-NCA għandhom jiżguraw rispettivament illi l-parti l-oħra jkollha biżżejjed żmien sabiex il-proċedura u l-MSU bħala ħaġa sħiħa jkunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod effiċjenti.

Artikolu 98

Notifika mill-NCAs lill-BĊE ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji materjali

1.   Sabiex il-BĊE jkun jista’ jagħmel sorveljanza tal-funzjonament tas-sistema, kif stabbilit fl-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament MSU, l-NCAs għandhom jibagħtu lill-BĊE abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafi 2 u 3 meta l-abbozz ta’ deċiżjoni jkun jikkonċerna l-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li għalihom il-BĊE jikkunsidra li, fuq il-bażi tal-kriterji ġenerali ddefiniti mill-BĊE fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-riskju u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sistema finanzjarja domestika, l-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata lilu.

2.   Soġġett għall-paragrafu 1, abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji għandhom jintbagħtu lill-BĊE qabel ma jiġu indirizzati lil entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni jekk dawk id-deċiżjonijiet:

(a)

ikunu relatati mat-tneħħija ta’ membri tal-bordijiet ta’ tmexxija tal-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u l-ħatra ta’ maniġers speċjali; jew

(b)

ikollhom impatt sinifikanti fuq l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

3.   Minbarra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fil-paragrafi 1 u 2, l-NCAs għandhom jibagħtu lill-BĊE kwalunkwe abbozz ieħor ta’ deċiżjonijiet superviżorji:

(a)

li dwarhom tintalab il-fehma tal-BĊE; jew

(b)

li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ir-reputazzjoni tal-MSU.

4.   L-NCAs għandhom jibagħtu lill-BĊE abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 3, u li għalhekk jitqiesu li huma abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji materjali, ta’ mill-inqas għaxart ijiem qabel id-data ppjanata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Il-BĊE għandu jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli qabel l-adozzjoni ppjanata tad-deċiżjoni. F’każijiet urġenti, l-NCA relevanti għandha tiddefinixxi perijodu ta’ żmien raġjonevoli biex jintbagħat lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li jissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 3.

TITOLU 2

RAPPORTAR EX-POST MILL-NCAS LILL-BĊE FIR-RIGWARD TA’ ENTITAJIEt INQAS SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

Artikolu 99

Obbligu ġenerali tal-NCAs li jirrapportaw lill-BĊE

1.   Sabiex il-BĊE jkun jista’ jissorvelja l-funzjonament tal-MSU skont l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament MSU, u mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 1, il-BĊE jista’ jeħtieġ li l-NCAs jirrapportaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-miżuri li jkunu ħadu u dwar it-twettiq tal-kompiti li għandhom iwettqu skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU. Il-BĊE għandu jinforma lill-NCAs kull sena dwar il-kategoriji ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u n-natura tal-informazzjoni meħtieġa.

2.   Ir-rekwiżiti stabbiliti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊE li juża s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

Artikolu 100

Frekwenza u kamp ta’ applikazzjoni tar-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati mill-NCAs lill-BĊE

L-NCAs għandhom jissottomettu lill-BĊE rapport annwali dwar entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew kategoriji ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-rekwiżiti tal-BĊE.

PARTI VIII

KOOPERAZZJONI BEJN IL-BĊE, L-NCAs U L-NDAs FIR-RIGWARD TA’ KOMPITI U GĦODOD MAKRO-PRUDENZJALI

TITOLU 1

DEFINIZZJONI TA’ GĦODOD MAKRO-PRUDENZJALI

Artikolu 101

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-iskop ta’ din il-Parti, għodod makro-prudenzjali tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(a)

riżervi ta’ kapital skont it-tifsira tal-Artikoli 130 sa 142 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

il-miżuri għal istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament, jew subsett ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

kwalunkwe miżura oħra li tkun ser tiġi adottata minn NDAs jew NCAs li tkun immirata biex tindirizza riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali li għalihom jipprovdu r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE, u suġġett għall-proċeduri stipulati f’dawn tal-aħħar, fil-każijiet stabbiliti speċifikament fil-liġi tal-Unjoni relevanti.

2.   Il-proċeduri makro-prudenzjali msemmija fl-Artikoli 5(1) u (2) tar-Regolament MSU ma għandhomx jikkostitwixxu proċeduri superviżorji tal-BĊE jew NCA fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tar-Regolament MSU b’rabta mad-deċiżjonijiet indirizzati lill-entitajiet individwali taħt superviżjoni.

Artikolu 102

Applikazzjoni ta’ għodod makro-prudenzjali mill-BĊE

Il-BĊE għandu japplika l-għodod makro-prudenzjali msemmija fl-Artikolu 101 skont dan ir-Regolament u l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament MSU, u meta l-għodod makro-prudenzjali jkunu pprovduti f’direttiva, suġġett għall-implimentazzjoni ta’ dik id-direttiva fil-liġi nazzjonali. Jekk NDA ma tistabbilixxix rata ta’ riżerva tal-kapital, dan ma jżommx lill-BĊE milli jiffissa rekwiżit ta’ riżerva ta’ kapital skont dan ir-Regolament u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament MSU.

TITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI GĦALL-UŻU TA’ GĦODOD MAKRO-PRUDENZJALI

Artikolu 103

Lista ta’ NCAs u NDAs responsibbli għal għodod makro-prudenzjali

Il-BĊE għandu jiġbor mingħand l-NCAs u l-NDAs ta’ Stati Membri parteċipanti informazzjoni dwar l-identità tal-awtoritajiet innominati għall-għodod makro-prudenzjali rispettivi msemmija fl-Artikolu 101 u l-għodod makro-prudenzjali li dawn l-awtoritajiet jistgħu jużaw.

Artikolu 104

Skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ għodod makro-prudenzjali minn NCA jew NDA

1.   B’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament MSU, l-NCA jew l-NDA relevanti, meta tkun beħsiebha tapplika tali għodod, għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha lill-BĊE għaxart ijiem tax-xogħol qabel it-teħid ta’ tali deċiżjoni. Minkejja dan, jekk NCA jew NDA jkun beħsiebha tagħmel użu minn għodda makro-prudenzjali, hija għandha tinforma lill-BĊE kemm jista’ jkun malajr dwar l-identifikazzjoni min-naħa tagħha ta’ riskju makro-prudenzjali jew sistemiku għas-sistema finanzjarja u fejn possibbli dwar id-dettalji tal-għodda maħsuba. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi kemm jista’ jkun dettalji speċifiċi dwar il-miżura maħsuba, inkluża d-data ta’ applikazzjoni maħsuba.

2.   In-notifika tal-intenzjoni għandha tiġi pprovduta mill-NCA jew NDA lill-BĊE.

3.   Jekk il-BĊE joġġezzjona għall-miżura maħsuba minn NCA jew NDA, il-BĊE għandu jiddikjara r-raġunijiet tiegħu għal dan fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-ġurnata meta jirċievi n-notifika tal-intenzjoni. Dik l-oġġezzjoni għandha tkun bil-miktub u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni. L-NCA jew l-NDA għandha tikkunsidra debitament ir-raġunijiet tal-BĊE qabel ma tipproċedi bid-deċiżjoni kif meħtieġ.

Artikolu 105

Skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ għodod makro-prudenzjali mill-BĊE

1.   Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament MSU, meta l-BĊE jkun beħsiebu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew fuq proposta ta’ NCA jew NDA, japplika rekwiżiti aktar għoljin għal riżervi ta’ kapital jew biex jiġu applikati miżuri aktar strinġenti mmirati biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali, huwa għandu jikkoopera mill-qrib mal-NDAs fl-Istati Membri kkonċernati u b’mod partikolari għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-NDA jew NCA għaxart ijiem tax-xogħol qabel ma jieħu dik id-deċiżjoni. Minkejja dan, jekk il-BĊE jkun beħsiebu japplika rekwiżiti aktar għoljin għal riżervi ta’ kapital jew li japplika miżuri aktar strinġenti mmirati biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali fil-livell ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġetti għall-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fil-każijiet stabbiliti speċifikament fil-liġi tal-Unjoni, huwa għandu jinforma lill-NCA jew NDA relevanti kemm jista’ jkun malajr dwar l-identifikazzjoni min-naħa tiegħu ta’ riskju makro-prudenzjali jew sistemiku għas-sistema finanzjarja u fejn ikun possibbli għandu jipprovdi dettalji tal-għodda maħsuba. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi kemm jista’ jkun dettalji speċifiċi dwar il-miżura maħsuba, inkluża d-data ta’ applikazzjoni maħsuba.

2.   Jekk xi waħda mill-NCAs jew NDAs ikkonċernati toġġezzjona għall-miżura maħsuba tal-BĊE, hija għandha tiddikjara r-raġunijiet tagħha lill-BĊE fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara d-data meta tirċievi n-notifika tal-intenzjoni tal-BĊE. Dik l-oġġezzjoni għandha tkun bil-miktub u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni. Il-BĊE għandu jqis debitament dawk ir-raġunijiet qabel ma jipproċedi bid-deċiżjoni kif meħtieġ.

PARTI IX

PROĊEDURI GĦAL KOOPERAZZJONI MILL-QRIB

TITOLU 1

PRINĊIPJI ĠENERALI U DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 106

Proċedura għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib

Il-BĊE għandu jevalwa talbiet minn Stati Membri mhux taż-żona tal-euro għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib skont il-proċedura stipulata fid-Deċiżjoni BĊE/2014/5 (16).

Artikolu 107

Prinċipji li għandhom jiġu applikati meta tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib

1.   Mid-data minn meta deċiżjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament MSU li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u NCA ta’ Stat Membru mhux taż-żona tal-euro, u sakemm tintemm jew tiġi sospiża dik il-kooperazzjoni mill-qrib, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament MSU b’rabta ma’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti relevanti f’kooperazzjoni mill-qrib, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament MSU.

2.   Jekk tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament MSU, il-BĊE u l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandhom, fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi sinifikanti u inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib, ikunu f’pożizzjoni kumparabbli għal entitajiet u gruppi sinifikanti u inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fi Stati Membri taż-żona tal-euro, waqt li jitqies il-fatt li l-BĊE ma għandux setgħat applikabbli direttament fuq entitajiet u gruppi sinifikanti u inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib.

3.   Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ joħroġ struzzjonijiet lil NCA f’kooperazzjoni mill-qrib fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni, waqt li jista’ joħroġ biss struzzjonijiet ġenerali fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

4.   Il-kooperazzjoni mill-qrib għandha tintemm fid-data meta d-deroga skont l-Artikolu 139 TFUE tiġi rrevokata fir-rigward ta’ Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 140(2) TFUE, u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti mbagħad għandhom jieqfu japplikaw.

Artikolu 108

Strumenti legali relatati ma’ superviżjoni b’rabta ma’ kooperazzjoni mill-qrib

1.   Fir-rigward tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jagħti struzzjonijiet, jagħmel talbiet jew joħroġ linji gwida.

2.   Jekk il-BĊE jidhirlu li miżura relatata mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament MSU għandha tiġi adottata mill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib b’rabta ma’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, huwa għandu jindirizza lil dik l-NCA:

(a)

fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni, struzzjoni ġenerali jew speċifika, talba jew linja gwida li teħtieġ il-ħruġ ta’ deċiżjoni superviżorja fir-rigward ta’ dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni fl-Istat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib; jew

(b)

fir-rigward ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni, struzzjoni ġenerali jew linja gwida.

3.   Jekk il-BĊE jidhirlu li miżura relatata mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament MSU għandha tiġi adottata mill-NCA jew NDA f’kooperazzjoni mill-qrib, huwa jista’ jindirizza lil dik l-NCA jew NDA struzzjoni ġenerali jew speċifika, talba, jew linja gwida li teħtieġ l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti aktar għoljin għal riżervi ta’ kapital jew l-applikazzjoni ta’ miżuri aktar strinġenti mmirati biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali.

4.   Il-BĊE għandu jispeċifika fl-istruzzjoni, talba jew linja gwida limitu ta’ żmien relevanti għall-adozzjoni tal-miżura mill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib, li għandu jkun mhux inqas minn 48 siegħa, ħlief jekk ikun meħtieġ li tiġi adottata qabel sabiex tiġi evitata ħsara li ma tistax tissewwa. Meta jiġi ddeterminat il-limitu ta’ żmien, il-BĊE għandu jqis il-liġi amministrattiva u proċedurali li magħha trid tikkonforma l-NCA relevanti f’kooperazzjoni mill-qrib.

5.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-istruzzjonijiet, talbiet jew linji gwida tal-BĊE, u għandha tinforma lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed dwar il-miżuri li tkun ħadet.

TITOLU 2

KOOPERAZZJONI MILL-QRIB B’RABTA MAL-PARTIJIET III, IV, V, VIII, X U XI

Artikolu 109

Reġim tal-lingwa taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

L-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 23 għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ NCAs f’kooperazzjoni mill-qrib.

Artikolu 110

Evalwazzjoni tas-sinifikanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Parti IV dwar id-determinazzjoni tal-istatus ta’ entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li l-proċeduri stipulati fil-Parti IV jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru tagħha.

3.   F’ċirkustanzi fejn il-Parti IV tipprovdi li l-BĊE għandu jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, il-BĊE għandu, minflok ma jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, joħroġ struzzjonijiet lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib u dik l-NCA għandha tindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni skont dawk l-istruzzjonijiet.

Artikolu 111

Proċeduri komuni taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Parti V dwar proċeduri komuni għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni fl-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li l-proċeduri stipulati fil-Parti V jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istat Membru tagħha. B’mod partikolari, l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li l-BĊE jirċievi kull informazzjoni u dokumentazzjoni meħtieġa biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU.

3.   F’ċirkustanzi fejn il-Parti V tipprovdi li l-BĊE għandu jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, il-BĊE għandu, minflok ma jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, joħroġ struzzjonijiet lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib u dik l-NCA għandha tindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni skont dawk l-istruzzjonijiet.

4.   F’ċirkustanzi fejn il-Parti V tipprovdi li l-NCA għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni, NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni lill-BĊE u titlob struzzjonijiet.

Artikolu 112

Għodod makro-prudenzjali taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

Id-dispożizzjonijiet tal-Parti VIII dwar kooperazzjoni bejn il-BĊE, l-NCAs u l-NDAs fir-rigward ta’ kompiti u għodod makro-prudenzjali għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni fi Stati Membri f’kooperazzjoni mill-qrib.

Artikolu 113

Penali amministrattivi taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Parti X dwar penali amministrattivi għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib.

2.   F’ċirkustanzi fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament MSU b’rabta mal-Parti X ta’ dan ir-Regolament jipprovdu li l-BĊE għandu jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, il-BĊE għandu, minflok ma jindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni, joħroġ struzzjonijiet lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib, u dik l-NCA għandha tindirizza deċiżjoni lil entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni skont dawk l-istruzzjonijiet.

3.   F’każijiet fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament MSU jew il-Parti X ta’ dan ir-Regolament jipprovdu li l-NCA relevanti għandha tindirizza deċiżjoni lil entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni, NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tibda proċeduri bil-għan li tieħu azzjoni sabiex tiżgura li penali amministrattivi xierqa jiġu imposti biss fuq l-istruzzjonijiet tal-BĊE. L-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tinforma lill-BĊE malli tkun ġiet adottata deċiżjoni.

Artikolu 114

Setgħat ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU taħt ir-reġim ta’ kooperazzjoni mill-qrib

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Parti XI relatati ma’ kooperazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib.

2.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU skont l-istruzzjonijiet tal-BĊE.

3.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tipprovdi lill-BĊE b’konklużjonijiet li jirriżultaw mill-użu tas-setgħat investigattivi skont l-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU.

4.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li membri tal-persunal innominati tal-BĊE jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fi kwalunkwe investigazzjoni skont l-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU.

TITOLU 3

KOOPERAZZJONI MILL-QRIB FIR-RIGWARD TA’ ENTITAJIET SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

Artikolu 115

Superviżjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib

1.   Il-Partijiet II u VI għandhom japplikaw mutatis mutandis għal entitajiet u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li l-BĊE jirċievi kull informazzjoni u rapportar minn u fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni li l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib tirċievi hija stess, u li jkunu meħtieġa sabiex jitwettqu l-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament MSU.

3.   Tim superviżorju konġunt għandu jiġi stabbilit għas-superviżjoni ta’ kull entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni stabbilit fi Stati Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib. Il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom jinħatru skont l-Artikolu 4. L-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha taħtar lis-subkoordinatur tal-NCA biex jaġixxi direttament fir-rigward tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni, skont l-istruzzjonijiet tal-koordinatur tat-TSK.

4.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tiżgura li membri tal-persunal tal-BĊE nominati jkunu mistiedna biex jipparteċipaw fi kwalunkwe spezzjoni fuq il-post mwettqa fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni. Il-BĊE jista’ jiddetermina n-numru ta’ membri tal-persunal tal-BĊE li ser jipparteċipaw bħala osservaturi.

5.   Fil-kuntest ta’ superviżjoni kkonsolidata u kulleġġi ta’ superviżuri, f’ċirkustanzi fejn impriża prinċipali tkun stabbilita fi Stat Membru taż-żona tal-euro jew fi Stat Membru parteċipanti mhux taż-żona tal-euro, il-BĊE, bħala awtorità kompetenti, għandu jkun is-superviżur konsolidanti u għandu jippresjedi l-kulleġġ ta’ superviżuri. Il-BĊE għandu jistieden lill-NCA relevanti f’kooperazzjoni mill-qrib biex jaħtar lil membru tal-persunal ta’ NCA bħala osservatur. Il-BĊE jista’ jaġixxi billi jagħti struzzjonijiet lill-NCA relevanti f’kooperazzjoni mill-qrib.

Artikolu 116

Deċiżjonijiet fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-NCAs fir-rigward tal-kompiti mhux mogħtija lill-BĊE skont ir-Regolament MSU, NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tadotta deċiżjonijiet fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni fl-Istat Membru tagħha biss fuq struzzjonijiet mill-BĊE. L-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib tista’ titlob ukoll struzzjonijiet mingħand il-BĊE.

2.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tagħmel disponibbli għall-BĊE immedjatament kull deċiżjoni fir-rigward ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni jew grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

3.   NCA f’kooperazzjoni mill-qrib għandha tinforma lill-BĊE fir-rigward ta’: (a) deċiżjonijiet li hija tadotta taħt is-setgħat tagħha fir-rigward ta’ kompiti mhux mogħtija lill-BĊE skont ir-Regolament MSU; u (b) deċiżjonijiet li tadotta skont l-istruzzjonijiet tal-BĊE, jew kif ipprovdut f’din il-Parti.

TITOLU 4

KOOPERAZZJONI MILL-QRIB FIR-RIGWARD TA’ ENTITAJIET U GRUPPI INQAS SINIFIKANTI TAĦT SUPERVIŻJONI

Artikolu 117

Superviżjoni ta’ entitajiet u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Il-Parti VII għandha tapplika mutatis mutandis għal entitajiet u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni fi Stati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.   Għall-finijiet li tiġi żgurata l-konsistenza ta’ eżiti superviżorji fi ħdan l-MSU, il-BĊE jista’ joħroġ struzzjonijiet ġenerali u linji gwida u jagħmel talbiet lil NCA f’kooperazzjoni mill-qrib li permezz tagħhom hija tkun meħtieġa tadotta deċiżjoni superviżorja fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib. Dawk l-istruzzjonijiet, linji gwida jew talbiet jistgħu jirreferu għal gruppi jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

3.   Il-BĊE jista’ jindirizza wkoll lil NCA f’kooperazzjoni mill-qrib talba għal evalwazzjoni ulterjuri ta’ aspetti ta’ proċedura materjali ta’ NCA kif ipprovdut fl-Artikolu 6(7)(c)(ii) tar-Regolament MSU.

TITOLU 5

PROĊEDURA F’KAŻ TA’ NUQQAS TA’ QBIL TA’ STAT MEMBRU PARTEĊIPANTI F’KOOPERAZZJONI MILL-QRIB

Artikolu 118

Proċedura f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 7(8) tar-Regolament MSU

1.   Il-BĊE għandu jinforma lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib dwar l-abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju fir-rigward ta’ entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni li jkunu jinsabu fi Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib, suġġett għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità taħt il-liġi tal-Unjoni.

2.   Jekk l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib ma taqbilx mal-abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, hija għandha, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-abbozz sħiħ tad-deċiżjoni, tinnotifika lill-Kunsill Governattiv bil-miktub dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil min-naħa tagħha.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar il-kwistjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi dik in-notifika, waqt li jikkunsidra bis-sħiħ ir-raġunijiet iddikjarati għan-nuqqas ta’ qbil, u għandu jagħti lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjoni tiegħu.

4.   Stat Membru parteċipanti f’kooperazzjoni mill-qrib jista’ jitlob lill-BĊE biex itemm il-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu b’effett immedjat u mbagħad ma jkun marbut b’ebda deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 119

Proċedura f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament MSU

1.   Il-BĊE għandu jinforma lil NCA f’kooperazzjoni mill-qrib dwar kwalunkwe oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv biex jiġi kkompletat abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju.

2.   Jekk l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib ma taqbilx mal-oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv kontra l-abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, hija għandha, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv, tinnotifika lill-Kunsill Governattiv bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil min-naħa tagħha.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub dwar in-nuqqas ta’ qbil immotivat li tesprimi l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib, fi żmien 30 jum minn meta jirċievi n-nuqqas ta’ qbil immotivat, u waqt li jagħti r-raġunijiet tiegħu, għandu jew jikkonferma jew jirtira l-oġġezzjoni tiegħu. Il-BĊE għandu jinforma lill-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib dwar dan.

4.   Jekk il-Kunsill Governattiv jikkonferma l-oġġezzjoni tiegħu, l-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib tista’, fi żmien ħamest ijiem minn meta tiġi infurmata li l-Kunsill Governattiv ikkonferma l-oġġezzjoni tiegħu, tinnotifika lill-BĊE li mhi ser tkun marbuta b’ebda deċiżjoni meħuda wara l-emenda tal-abbozz ta’ deċiżjoni inizjali u sħiħ li għaliha joġġezzjona l-Kunsill Governattiv.

Il-BĊE mbagħad għandu jikkunsidra li jissospendi jew itemm il-kooperazzjoni mill-qrib mal-NCA f’kooperazzjoni mill-qrib, waqt li jqis debitament l-effettività superviżorja, u għandu jieħu deċiżjoni f’dak ir-rigward. Il-BĊE għandu jqis, b’mod partikolari, il-fatturi msemmija fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament MSU.

PARTI X

PENALI AMMINISTRATTIVI

TITOLU 1

DEFINIZZJONIJIET U RELAZZJONI MAR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 2532/98 (17)

Artikolu 120

Definizzjoni ta’ penali finanzjarji amminstrattivi

Għall-finijiet ta’ din il-Parti, “penali amministrattivi” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

penali finanzjarji amministrattivi pprovduti u imposti taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU;

(b)

multi u ħlasijiet ta’ penali perjodiċi pprovduti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u imposti taħt l-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU.

Artikolu 121

Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 2532/98

1.   Għall-finijiet tal-proċeduri pprovduti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU, japplikaw ir-regoli proċedurali li jinsabu f’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament MSU.

2.   Għall-finijiet tal-proċeduri pprovduti fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU, ir-regoli proċedurali li jinsabu f’dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2532/98 u għandhom jiġu applikati skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament MSU.

Artikolu 122

Setgħat tal-BĊE biex jimponi penali amministrattivi taħt l-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU

Il-BĊE għandu jimponi penali amministrattivi, kif iddefiniti fl-Artikolu 120(b), jekk ikun hemm nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi taħt regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE dwar:

(a)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, jew

(b)

entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni fejn ir-regolamenti jew deċiżjonijiet relevanti tal-BĊE jimponu obbligi fuq entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni fil-konfront tal-BĊE.

TITOLU 2

REGOLI PROĊEDURALI GĦALL-IMPOŻIZZJONI TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI, MINBARRA ĦLASIJIET PERJODIĊI TA’ PENALI, FUQ ENTITAJIET TAĦT SUPERVIŻJONI FI STATI MEMBRI TAŻ-ŻONA TAL-EURO

Artikolu 123

Stabbiliment ta’ unità investigattiva indipendenti

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi unità investigattiva indipendenti interna (iktar ‘il quddiem l-“unità investigattiva”) li għandha tkun komposta minn uffiċjali investigattivi nominati mill-BĊE.

2.   L-uffiċjali investigattivi ma għandhomx ikunu involuti fis-superviżjoni diretta jew indiretta jew l-awtorizzazzjoni tal-entità relevanti taħt superviżjoni, u lanqas ma kienu involuti f’dan fis-sentejn qabel ma jieħdu l-pożizzjoni ta’ uffiċjal investigattiv.

3.   L-uffiċjali investigattivi għandhom iwettqu l-funzjonijiet investigattivi tagħhom b’mod indipendenti mill-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv u ma għandhomx jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv.

Artikolu 124

Rinviju ta’ ksur allegat lill-unità investigattiva

Meta l-BĊE, waqt li jkun qiegħed iwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament MSU, jidhirlu li hemm raġuni biex jissuspetta ksur wieħed jew aktar:

(a)

ta’ liġi tal-Unjoni relevanti applikabbli direttament, kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU, li qiegħed jitwettaq jew li twettaq minn entità sinifikanti taħt superviżjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru taż-żona tal-euro, jew

(b)

ta’ regolament jew deċiżjoni ta’ BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU, li qiegħed jitwettaq jew li twettaq minn entità taħt superviżjoni li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru taż-żona tal-euro,

il-BĊE għandu jirreferi l-kwistjoni lill-unità investigattiva.

Artikolu 125

Setgħat tal-unità investigattiva

1.   Għall-finijiet li tinvestiga allegazzjonijiet ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 124, l-unità investigattiva tista’ teżerċita s-setgħat mogħtija lill-BĊE taħt ir-Regolament MSU.

2.   Meta ssir talba lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata permezz tas-setgħat mogħtija lill-BĊE skont ir-Regolament MSU fil-kuntest ta’ investigazzjoni, l-unità investigattiva għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-investigazzjoni.

3.   Meta twettaq il-kompiti tagħha, l-unità investigattiva għandu jkollha aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-BĊE u, fejn xieraq, mill-NCAs relevanti waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet superviżorji tagħhom.

Artikolu 126

Drittijiet proċedurali

1.   Malli titlesta investigazzjoni u qabel ma titħejja u tiġi ppreżentata proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni lill-Bord Superviżorju, l-unità investigattiva għandha tinnotifika lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mwettqa u dwar kwalunkwe oġġezzjoni li tkun tqajmet kontrihom.

2.   Fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-unità investigattiva għandha tinforma lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata dwar id-dritt tagħha li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub lill-unità investigattiva dwar ir-riżultati fattwali u l-oġġezzjonijiet li jkunu tqajmu kontra l-entità kif stipulat fl-istess notifika, inklużi d-dispożizzjonijiet individwali li allegatament inkisru, u għandha tiffissa limitu ta’ żmien raġonevoli sa meta għandha tirċievi dawk is-sottomissjonijiet. Il-BĊE m’għandux ikun obbligat li jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jirċievi wara li jkun skada l-limitu ta’ żmien stabbilit mill-unità investigattiva.

3.   L-unità investigattiva tista’ wkoll, wara notifika skont il-paragrafu 1, tistieden lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata biex tattendi seduta orali. Il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jkunu rrappreżentati u/jew assistiti minn avukati jew persuni kkwalifikati oħrajn matul is-seduta. Is-seduti orali m’għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

4.   Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-unità investigattiva mill-entità taħt superviżjoni li tkun qiegħda tiġi investigata għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 32.

Artikolu 127

Eżami tal-fajl mill-Bord Superviżorju

1.   Jekk unità investigattiva tikkunsidra li penali amministrattiva għandha tiġi imposta fuq entità taħt superviżjoni, l-unità investigattiva għandha tissottometti proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni lill-Bord Superviżorju, li tiddetermina li l-entità taħt superviżjoni kkonċernata kkommettiet ksur u li tispeċifika l-penali amministrattiva li għandha tiġi imposta. L-unità investigattiva għandha tissottometti wkoll il-fajl tagħha dwar l-investigazzjoni lill-Bord Superviżorju.

2.   L-unità investigattiva għandha tibbaża l-proposta tagħha għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li l-entità taħt superviżjoni kellha l-opportunità li tikkummenta dwarhom.

3.   Jekk il-Bord Superviżorju jidhirlu li l-fajl ippreżentat mill-unità investigattiva mhuwiex sħiħ, huwa jista’ jibgħat lura l-fajl lill-unità investigattiva flimkien ma’ talba mmotivata għal aktar tagħrif. L-Artikolu 125 għandu japplika kif meħtieġ.

4.   Jekk il-Bord Superviżorju, fuq il-bażi ta’ fajl sħiħ, jaqbel mal-proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni tal-unità investigattiva fir-rigward ta’ ksur wieħed jew aktar u l-bażi fattwali għal dik id-deċiżjoni, huwa għandu jadotta l-abbozz sħiħ tad-deċiżjoni proposta mill-unità investigattiva fir-rigward ta’ ksur wieħed jew aktar li huwa jaqbel li jkun seħħ. Safejn il-Bord Superviżorju ma jaqbilx mal-proposta, għandha tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafi relevanti ta’ dan l-Artikolu.

5.   Jekk il-Bord Superviżorju, fuq il-bażi ta’ fajl sħiħ, jikkunsidra li l-fatti deskritti fil-proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma jidhrux li jiżvelaw evidenza suffiċjenti ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 124, huwa jista’ jadotta abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-każ.

6.   Jekk il-Bord Superviżorju, fuq il-bażi ta’ fajl sħiħ, jaqbel mad-determinazzjoni fil-proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni tal-unità investigattiva li l-entità kkonċernata kkommettiet ksur, iżda ma jaqbilx mar-rakkomandazzjoni proposta fir-rigward ta’ penali amministrattivi, huwa għandu jadotta l-abbozz sħiħ tad-deċiżjoni, waqt li jispeċifika l-penali amministrattiva li jidhirlu hija xierqa.

7.   Jekk il-Bord Superviżorju, fuq il-bażi ta’ fajl sħiħ, ma jaqbilx mal-proposta tal-unità investigattiva, iżda jikkonkludi li kien hemm ksur differenti minn entità taħt superviżjoni, jew li hemm bażi fattwali differenti għall-proposta tal-unità investigattiva, huwa għandu jinforma lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tiegħu u l-oġġezzjonijiet mqajma kontra l-entità taħt superviżjoni kkonċernata. L-Artikolu 126(2) sa (4) għandhom japplikaw kif meħtieġ fir-rigward tal-Bord Superviżorju.

8.   Il-Bord Superviżorju għandu jħejji abbozz sħiħ tad-deċiżjoni li tiddetermina jekk l-entità taħt superviżjoni kkonċernata kkommettitx ksur jew le waqt li jispeċifika l-penali amministrattivi li għandhom jiġu imposti, jekk dan ikun il-każ.

9.   Abbozzi kompluti ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Bord Superviżorju u li għandhom jiġu proposti lill-Kunsill Governattiv għandhom ikunu bbażati biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li l-entità taħt superviżjoni kellha l-opportunità li tikkummenta dwarhom.

Artikolu 128

Definizzjoni ta’ fatturat annwali totali għall-iskop li jiġi ddeterminat l-ogħla limitu għal penali finanzjarji amministrattivi

Il-fatturat totali annwali kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU għandu jfisser il-fatturat annwali, kif iddefinit fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2013/36/UE, ta’ entità taħt superviżjoni skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta’ dik l-entità taħt superviżjoni. Meta l-entità taħt superviżjoni li tkun ikkommettiet il-ksur tkun tappartjeni għal grupp taħt superviżjoni, il-fatturat annwali totali relevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-kontijiet finanzjarji annwali kkonsolidati l-aktar reċenti li jkunu disponibbli tal-grupp taħt superviżjoni

TITOLU 3

PAGAMENTI PERJODIĊI TA’ PENALI

Artikolu 129

Regoli proċedurali applikabbli għal pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   F’każ ta’ ksur kontinwat ta’ regolament jew deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, il-BĊE jista’ jimponi l-pagament perjodiku ta’ penali bil-għan li jġiegħel lill-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mar-regolament jew deċiżjoni superviżorja. Il-BĊE għandu japplika r-regoli proċedurali tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u t-Titolu 2 tal-Parti III ta’ dan ir-Regolament.

2.   Pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi kkalkulat għal kull jum tal-ksur sakemm il-persuna kkonċernata tikkonforma mar-regolament jew deċiżjoni superviżorja kkonċernati tal-BĊE.

3.   L-ogħla limiti għal pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom ikunu kif speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 2532/98. Il-perijodu relevanti għandu jibda jiddekorri mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali. Id-data l-aktar bikrija stipulata fid-deċiżjoni għandha tkun id-data meta l-persuna kkonċernata tiġi nnotifikata bil-miktub dwar ir-raġunijiet tal-BĊE biex jimponi pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Pagamenti perjodiċi ta’ penali jistgħu jiġu imposti għal perjodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara d-data speċifikata fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3.

TITOLU 4

LIMITI TA’ ŻMIEN

Artikolu 130

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi

1.   Is-setgħa tal-BĊE li jimponi penali amministrattivi fuq entitajiet taħt superviżjoni għandha tkun soġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, li għandu jibda jiddekorri fil-jum meta jitwettaq il-ksur. Fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-perijodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda jiddekorri fil-jum meta l-ksur jintemm.

2.   Kull azzjoni meħuda mill-BĊE għall-finijiet tal-investigazzjoni jew proċeduri fir-rigward ta’ ksur taħt l-Artikolu 124 għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji amministrattivi. L-interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data meta l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata.

3.   Kull interruzzjoni għandha tikkawża li l-perijodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu. Madankollu, il-perijodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-aktar tard fil-jum meta jiskadi perijodu ekwivalenti għad-doppju tal-perijodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma tkun ġiet imposta penali amministrattiva mill-BĊE. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi kwalunkwe perijodu ta’ żmien li għalih il-perijodu ta’ preskrizzjoni jkun sospiż skont il-paragrafu 5.

4.   Il-perijodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi għandu jiġi sospiż għal kwalunkwe perijodu li matulu d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tkun soġġetta għal proċeduri ta’ rieżami quddiem il-Bord ta’ Rieżami Amministrattiv jew proċeduri ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

5.   Il-perijodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun sospiż ukoll għat-tul tal-perijodu li matulu jkun hemm proċeduri kriminali pendenti kontra l-entità taħt superviżjoni b’rabta mal-istess fatti.

Artikolu 131

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali amministrattivi

1.   Is-setgħa tal-BĊE li jinforza deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 18(1) u (7) tar-Regolament MSU għandha tkun soġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, li għandu jibda jiddekorri mid-data meta tiġi adottata d-deċiżjoni inkwistjoni.

2.   Kull azzjoni tal-BĊE li tkun maħsuba biex tinforza l-pagament jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pagament taħt il-penali amministrattiva kkonċernata għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali amministrattivi.

3.   Kull interruzzjoni għandha tikkawża li l-perijodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu.

4.   Il-perijodu tal-preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali amministrattivi għandu jiġi sospiż għall-perijodu meħtieġ sabiex:

(a)

jingħata żmien biex isir il-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni ta’ Kunsill Governattiv tal-BĊE jew il-Qorti tal-Ġustizzja.

TITOLU 5

PUBBLIKAZZJONI TA’ DEĊIŻJONIJIET U SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 132

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw penali amministrattivi

1.   Il-BĊE għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu mingħajr dewmien żejjed, u wara li d-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata, kull deċiżjoni li timponi penali amministrattiva, kif iddefinita fl-Artikolu 120, fuq entità taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-entità taħt superviżjoni kkonċernata, ħlief jekk pubblikazzjoni b’dan il-mod:

(a)

jew tipperikola l-istabilità tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun tinsab għaddejja;

(b)

jew inkella tikkawża, safejn tista’ tiġi stabbilita, ħsara sproporzjonata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjonijiet li jirrigwardaw penali amministrattivi għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonima. Alternattivament, meta dawk iċ-ċirkustanzi aktarx ikunu ser jintemmu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, il-pubblikazzjoni taħt dan il-paragrafu tista’ tiġi posposta għal dak il-perijodu ta’ żmien.

2.   Jekk ikun hemm appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjoni taħt il-paragrafu 1, il-BĊE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jippubblika wkoll fuq il-websajt uffiċjali tiegħu informazzjoni dwar l-istatus tal-appell inkwistjoni u l-eżitu tiegħu.

3.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni ppubblikata taħt il-paragrafi 1 u 2 tibqa’ fuq il-websajt uffiċjali tiegħu għal mill-inqas ħames snin.

Artikolu 133

Għoti ta’ informazzjoni lill-ABE

Suġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu jinforma lill-ABE dwar il-penali amministrattivi kollha, kif iddefinit fl-Artikolu 120, li jiġu imposti fuq entità taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro, inkluż kull appell li għandu x’jaqsam ma’ dawk il-penali u l-eżitu tagħhom.

TITOLU 6

KOOPERAZZJONI BEJN IL-BĊE U L-NCAS FI STAT MEMBRI TAŻ-ŻONA TAL-EURO TAĦT L-ARTIKOLU 18(5) TAR-REGOLAMENT MSU

Artikolu 134

Entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni

1.   Fir-rigward ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, NCA għandha tiftaħ proċeduri biss fuq talba tal-BĊE meta dan ikun meħtieġ għall-iskop li jitwettqu l-kompiti mogħtija lill-BĊE taħt ir-Regolament MSU, bil-għan li tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li jiġu imposti penali xierqa f’każijiet mhux koperti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament MSU. Dawn il-każijiet jinkludu l-applikazzjoni ta’:

(a)

penali mhux finanzjarji f’każ ta’ ksur ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi, kif ukoll penali finanzjarji f’każ ta’ ksur minn persuni fiżiċi ta’ liġi tal-Unjoni applikabbli direttament;

(b)

kull penali finanzjarja jew mhux finanzjarja f’każ ta’ ksur minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi ta’ kwalunkwe liġi nazzjonali li tittrasponi direttivi relevanti tal-Unjoni;

(c)

kull penali finanzjarja jew mhux finanzjarja li għandha tiġi imposta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti li tagħti setgħat speċifiċi lill-NCAs fi Stati Membri taż-żona tal-euro li preżentament ma jkunux meħtieġa permezz tal-liġi tal-Unjoni relevanti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal NCA li tiftaħ proċeduri fuq inizjattiva tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali għal kompiti mhux mogħtija lill-BĊE.

2.   NCA tista’ tistaqsi lill-BĊE biex jitlobha tiftaħ proċeduri fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   NCA ta’ Stat Membru parteċipanti għandha tinnotifika lill-BĊE malli titlesta proċedura ta’ penali mibdija fuq talba tal-BĊE skont il-paragrafu 1. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkun infurmat dwar il-penali imposti, jekk ikun hemm.

Artikolu 135

Rapportar fir–rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni

L-NCA relevanti għandha tinnotifika lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-penali amministrattivi kollha imposti fuq entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni b’rabta mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tagħha.

TITOLU 7

REATI KRIMINALI

Artikolu 136

Evidenza ta’ fatti li potenzjalment jagħtu lok għal reat kriminali

Meta, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament MSU, il-BĊE jkollu raġuni biex jissuspetta li seta’ twettaq reat kriminali, huwa għandu jitlob lill-NCA relevanti biex tirreferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal investigazzjoni u possibbilment għal prosekuzzjoni kriminali, skont il-liġi nazzjonali.

TITOLU 8

RIKAVAT MINN PENALI

Artikolu 137

Rikavat minn penali

Ir-rikavat mill-penali amministrattivi imposti mill-BĊE taħt l-Artikolu 18(1) u (7) tar-Regolament MSU għandu jkun il-proprjetà tal-BĊE.

PARTI XI

AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI, RAPPORTAR, INVESTIGAZZJONIJIET U SPEZZJONIJIET FUQ IL-POST

TITOLU 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 138

Kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-NCAs fir-rigward tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din il-Parti għandhom japplikaw għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni. Għandhom japplikaw ukoll għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddeċiedi, skont l-Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament MSU, li juża s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament MSU fir-rigward ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni. Madankollu, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-NCAs li jagħmlu superviżjoni diretta tal-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU.

TITOLU 2

KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TA’ TALBIET GĦAL INFORMAZZJONI

Artikolu 139

Talbiet ad-hoc għal informazzjoni taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament MSU

1.   Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament MSU u suġġett għal u b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni relevanti, il-BĊE jista’ jeħtieġ li persuna ġuridika jew fiżika msemmija fl-Artikolu 10(1) tiegħu tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex teżerċita l-kompiti mogħtija lilha permezz tar-Regolament MSU. Il-BĊE għandu jispeċifika l-informazzjoni kkonċernata u limitu ta’ żmien raġjonevoli sa meta għandha tiġi pprovduta lill-BĊE.

2.   Qabel ma jesiġi li l-informazzjoni tiġi pprovduta skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament MSU, il-BĊE l-ewwel għandu jikkunsidra l-informazzjoni diġà disponibbli għall-NCAs.

3.   Il-BĊE għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-NCA relevanti kopja ta’ kwalunkwe informazzjoni li jirċievi mingħand il-persuna ġuridika jew fiżika li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba għall-informazzjoni.

TITOLU 3

RAPPORTAR

Artikolu 140

Kompiti relatati ma’ rapportar superviżorju lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Il-BĊE għandu jkun responsabbli biex jiżgura konformità mal-liġi relevanti tal-Unjoni li timponi rekwiżiti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qasam tar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Għal dan l-iskop, il-BĊE għandu jkollu l-kompiti u s-setgħat fir-rigward ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif stipulat fil-liġi tal-Unjoni relevanti dwar rapportar superviżorju. L-NCAs għandu jkollhom il-kompiti u s-setgħat fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni relevanti dwar rapportar lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Minkejja l-paragrafu 2 u ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor, kull entità taħt superviżjoni għandha tikkomunika lill-NCA relevanti tagħha l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata fuq bażi regolari skont il-liġi tal-Unjoni relevanti. Ħlief jekk ikun ipprovdut speċifikament mod ieħor, kull informazzjoni rrapportata minn entitajiet taħt superviżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-NCAs. Huma għandhom iwettqu l-kontrolli inizjali tad-dejta u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-BĊE.

4.   Il-BĊE għandu jorganizza l-proċessi relatati mal-ġbir u r-reviżjoni tal-kwalità tad-dejta rrapportata minn entitajiet taħt superviżjoni suġġett għal, u b’konformità ma’, il-liġi tal-Unjoni relevanti u standards tekniċi implimentattivi tal-ABE.

Artikolu 141

Talbiet għal informazzjoni f’intervalli rikorrenti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament MSU

1.   Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament MSU, b’mod partikolari s-setgħa tal-BĊE li jesiġi li tiġi pprovduta informazzjoni f’intervalli rikorrenti u f’formats speċifikati għal skopijiet superviżorji u statistiċi relatati, u suġġett għal u b’konformità mal-liġi tal-Unjoni relevanti, il-BĊE jista’ jesiġi li entitajiet taħt superviżjoni jirrapportaw informazzjoni superviżorja addizzjonali kull meta dik l-informazzjoni tkun neċessarja għall-BĊE biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU. Suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni relevanti, il-BĊE jista’ jispeċifika b’mod partikolari l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu rrapportati kif ukoll il-proċessi, il-formats, il-frekwenzi u l-limiti ta’ żmien għall-forniment tal-informazzjoni kkonċernata.

2.   Jekk il-BĊE jesiġi li persuni ġuridiċi jew fiżiċi kif speċifikat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament MSU jipprovdu informazzjoni f’intervalli rikorrenti, l-Artikolu 140(3) u (4) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw kif meħtieġ.

TITOLU 4

KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TA’ INVESTIGAZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 142

Tnedija ta’ investigazzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament MSU

Il-BĊE għandu jmexxi investigazzjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament MSU fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika dawn l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-bażi legali għad-deċiżjoni u l-iskop tagħha;

(b)

l-intenzjoni li jiġu eżerċitati s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament MSU;

(c)

il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni mill-persuna li tkun qiegħda tiġi investigata jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont it-tifsira tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali kif stipulata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament MSU.

TITOLU 5

SPEZZJONIJIET FUQ IL-POST

Artikolu 143

Deċiżjoni tal-BĊE biex imexxi spezzjoni fuq il-post taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament MSU

1.   Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament MSU, sabiex iwettaq il-kompiti assenjati lilu permezz tar-Regolament MSU, il-BĊE għandu jaħtar timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post kif stabbilit fl-Artikolu 144 biex imexxu l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fil-fond ta’ persuna ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament MSU.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 142 u skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament MSU, spezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE, li bħala minimu għandha tispeċifika dan li ġej:

(a)

is-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post; u

(b)

il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li suġġetta għaliha għandu jikkostitwixxi ksur ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont it-tifsira tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament MSU, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali kif stipulata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament MSU.

3.   Jekk spezzjoni fuq il-post issegwi investigazzjoni mmexxija fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-BĊE, kif imsemmi fl-Artikolu 142, u kemm-il darba l-ispezzjoni fuq il-post ikollha l-istess skop u kamp ta’ applikazzjoni bħall-investigazzjoni, l-uffiċjali u l-persuni l-oħrajn awtorizzati mill-BĊE u minn NCA għandhom jingħataw aċċess għall-fond tan-negozju u l-art tal-persuna ġuridika suġġetta għall-investigazzjoni fuq il-bażi tal-istess deċiżjoni, skont l-Artikolu 12(2) u (4) tar-Regolament MSU u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tiegħu.

Artikolu 144

Stabbiliment u kompożizzjoni ta’ timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post

1.   Il-BĊE għandu jkun inkarigat mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta’ timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post bl-involviment ta’ NCAs, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament MSU.

2.   Il-BĊE għandu jaħtar lill-kap tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post minn fost membri tal-persunal tal-BĊE u l-NCA.

3.   Il-BĊE u l-NCAs għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin u jaqblu dwar l-użu tar-riżorsi tal-NCA fir-rigward tat-timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post.

Artikolu 145

Proċedura u notifika ta’ spezzjoni fuq il-post

1.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għal spezzjoni fuq il-post bid-deċiżjoni tal-BĊE msemmija fl-Artikolu 143(2), u dwar l-identità tal-membri tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post, ta’ mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-ispezzjoni fuq il-post. Huwa għandu jinnotifika lill-NCA tal-Istat Membru fejn tkun ser issir l-ispezzjoni fuq il-post ta’ mill-inqas ġimgħa qabel ma jinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għall-ispezzjoni fuq il-post dwar dik l-ispezzjoni.

2.   Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu hekk, il-BĊE jista’ jwettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr ma jinnotifika minn qabel lill-entità ta’ superviżjoni kkonċernata. L-NCA għandha tiġi nnotifikata kemm jista’ jkun malajr qabel il-bidu ta’ dik l-ispezzjoni fuq il-post.

Artikolu 146

Twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post

1.   Dawk li jwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-kap tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post.

2.   Meta l-entità suġġetta għall-ispezzjoni fuq il-post tkun entità sinifikanti taħt superviżjoni, il-kap tat-tim ta’ spezzjoni fuq il-post għandu jkun responsabbli għall-kooperazzjoni bejn it-tim ta’ spezzjoni fuq il-post u t-tim superviżorju konġunt inkarigat mis-superviżjoni ta’ dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni.

PARTI XII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 147

Bidu ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE meta l-BĊE jassumi l-kompiti tiegħu għall-ewwel darba

1.   Ta’ mill-inqas xahrejn qabel l-4 ta’ Novembru 2014, il-BĊE għandu jindirizza deċiżjoni lil kull entità taħt superviżjoni li fir-rigward tagħha huwa jassumi l-kompiti mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU, fejn huwa jikkonferma li hija entità sinifikanti taħt superviżjoni. Għal entitajiet li jkunu membri ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni, il-BĊE għandu jinnotifika d-deċiżjoni tal-BĊE lill-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, u għandu jiżgura li l-entitajiet taħt superviżjoni kollha fi ħdan il-grupp sinifikanti taħt superviżjoni jiġu jinfurmati kif meħtieġ. Dawn id-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2014.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, jekk il-BĊE jibda jwettaq il-kompiti mogħtija lilu qabel l-4 ta’ Novembru 2014, huwa għandu jindirizza deċiżjoni lill-entità kkonċernata u lill-NCAs relevanti. Ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor fiha, dik id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ meta tiġi nnotifikata. L-NCAs relevanti għandhom jiġu infurmati bil-quddiem dwar l-intenzjoni li tinħareġ deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr.

3.   Qabel ma jadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-BĊE għandu jipprovdi lill-entità taħt superviżjoni relevanti b’opportunità biex tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub.

Artikolu 148

Definizzjoni tal-format tar-rapport dwar l-istorja superviżorja u l-profil ta’ riskju li għandu jiġi pprovdut mill-NCAs lill-BĊE

1.   L-NCAs għandhom, sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Awwissu 2014, jikkomunikaw lill-BĊE l-identità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu awtorizzaw kif ukoll rapport dwar dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’format speċifikat mill-BĊE.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, jekk il-BĊE jibda jwettaq il-kompiti mogħtija lilu qabel l-4 ta’ Novembru 2014, huwa jista’ jitlob lill-NCAs biex jikkomunikaw lill-BĊE l-identità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu relevanti kif ukoll rapport f’format speċifikat mill-BĊE f’limitu ta’ żmien raġonevoli, li għandu jiġi ddikjarat fit-talba.

Artikolu 149

Kontinwità ta’ proċeduri eżistenti

1.   Ħlief jekk il-BĊE jiddeċiedi mod ieħor, jekk NCA tkun bdiet proċeduri superviżorji li għalihom il-BĊE jsir kompetenti fuq il-bażi tar-Regolament MSU, u dan iseħħ qabel l-4 ta’ Novembru 2014, allura għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 48.

2.   B’deroga mill-Artikolu 48, dan l-Artikolu għandu japplika għal proċeduri komuni.

Artikolu 150

Deċiżjonijiet superviżorji meħuda mill-NCAs

Mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar mill-BĊE tas-setgħat mogħtija lilu permezz tar-Regolament MSU, deċiżjonijiet superviżorji meħuda minn NCAs qabel l-4 ta’ Novembru 2014 ma għandhomx ikunu affettwati.

Artikolu 151

Stati Membri li l-munita tagħhom issir l-euro

1.   Suġġett għall-paragrafu 2, f’ċirkustanzi fejn deroga skont l-Artikolu 139 TFUE tiġi rrevokata għal Stat Membru skont l-Artikolu 140(2) TFUE, l-Artikoli 148 sa 150 għandhom japplikaw kif meħtieġ fir-rigward ta’ proċeduri jew deċiżjonijiet superviżorji mibdija jew meħuda mill-NCA ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Ir-referenza għall-4 ta’ Novembru 2014 fl-Artikoli 149 u 150 għandha tiġi interpretata bħala referenza għad-data li fiha l-euro tiġi adottata fl-Istat Membru relevanti.

Artikolu 152

Kontinwità ta’ arranġamenti eżistenti

L-arranġamenti eżistenti kollha dwar kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn li tkun daħlet għalihom NCA qabel l-4 ta’ Novembru 2014 li jkopru ta’ mill-inqas parzjalment kompiti ttrasferiti lill-BĊE permezz tar-Regolament MSU għandhom ikomplu japplikaw. Il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jipparteċipa f’dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti skont il-proċedura applikabbli għall-arranġamenti inkwistjoni jew li jistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni ġodda ma’ terzi għall-kompiti ttrasferiti lilu permezz tar-Regolament MSU. NCA għandha tkompli tapplika arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti biss sal-punt li ma jkunux issostitwiti b’arranġamenti ta’ kooperazzjoni tal-BĊE. Meta jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-arranġamenti eżistenti ta’ kooperazzjoni, l-NCA għandha tkun responsabbli li tassisti lill-BĊE, b’mod partikolari billi teżerċita d-drittijiet u twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha taħt l-arranġamenti b’koordinazzjoni mal-BĊE.

Artikolu 153

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ April 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

(3)  Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.)

(4)  Adottati fil-31 ta’ Marzu 2014 u disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu. Għadhom ma ġewx ippubblikati fil-ĠU.

(5)  Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu. Għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU.

(6)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.)

(7)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(8)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(9)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(10)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(11)  Kif ippubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

(12)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(13)  Regolament (KE) Nru 25/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2008/32) (ĠU L 15, 20.1.2009, p. 14).

(14)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(15)  Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5).

(16)  Deċiżjoni BĊE/2014/5 tal-31 ta’ Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (għadha mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4).


Fuq