EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0001(01)

2014/179/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/1)

ĠU L 95, 29.3.2014, p. 56–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/179/oj

29.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/56


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Jannar 2014

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2014/1)

(2014/179/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 25(2) u 26(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jiġu aġġustati għar-rekwiżiti l-ġodda li joħorġu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 biex tiġi kkjarifikata l-interazzjoni bejn il-korpi involuti fil-proċess tat-tħejjija u tal-adottar tad-deċiżjonijiet superviżorji.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Kodiċi ta’ Kondotta li jistabbilixxi l-istandards etiċi għal gwida tal-membri tal-Kunsill Governattiv u tas-supplenti maħtura tagħhom meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit kumitat tal-verifika ta’ livell għoli biex isaħħaħ il-livelli interni u esterni tal-kontroll u biex jikkontribwixxi għal aktar titjib fil-governanza korporattiva tal-BĊE u tal-Eurosistema.

(4)

L-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura jispeċifika li l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u r-Regoli tal-Persunal għandhom jiddeterminaw ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-BĊE u l-persunal tiegħu. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u r-Regoli tal-Persunal ġew emendati sabiex jinkludu r-regoli li jirregolaw l-għażla u l-ħatra tal-kandidati. L-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Proċedura dwar l-għażla, il-ħatra u l-promozzjoni tal-persunal m’għadux meħtieġ u għalhekk għandu jiġi revokat.

(5)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġu riflessi xi bidliet żgħar tekniċi u editorjali bħall-innumerar mill-ġdid tal-artikoli tat-Trattat u tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(6)

Il-proċedura tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 m’għandhiex tapplika għad-deċiżjonijiet relatati mal-qafas ġenerali li fih ser jittieħdu deċiżjonijiet superviżorji bħall-qafas organizzattiv imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(7)

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (2) għandha tiġi emendata sabiex tikkunsidra dawn l-iżviluppi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

Id-Deċizjoni BĊE/2004/2 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa mibdul b’li gej:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.1.

Dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jissupplimentaw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 1.2, it-termini f’dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal dik fit-Trattat u l-Istatut.

1.2.

It-termini ‘Stat Membru parteċipanti’, ‘awtorità nazzjonali kompetenti’ u ‘awtorità nazzjonali nnominata’ għandhom ikollhom l-istess tifsira kif definita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (*).

(*)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.”."

2.

L-Artikolu 5a il-ġdid li ġej huwa mdaħħal:

Artikolu 5a

Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv

5a.1.

Il-Kunsill Governattiv jadotta u jaġġorna Kodiċi ta’ Kondotta għall-gwida tal-membri tiegħu, li jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

5a.2.

Kull Gvernatur għandu jiżgura li l-persuni li jakkumpanjawh/a skont it-tifsira tal-Artikolu 3.2 u s-supplenti tiegħu/tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 3.3 jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta qabel kull parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv.”.

3.

L-Artikolu 9 huwa mibdul b’li ġej:

Artikolu 9

Il-kumitati tal-Eurosistema/tas-SEBĊ

9.1.

Il-Kunsill Governattiv jistabbilixxi u jxolji l-kumitati. Huma jassistu fix-xogħol tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċizjonijiet tal-BĊE u jirrapportaw lill-Kunsill Governattiv permezz tal-Bord Eżekuttiv.

9.2.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumitati li jassistu fix-xogħol tal-BĊE fir-rigward tal-kompiti konferiti fuq il-BĊE mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jirrapportaw lill-Bord Superviżorju u, fejn xieraq, lill-Kunsill Governattiv. B’konformità mal-proċeduri tiegħu stess, il-Bord Superviżorju jagħti mandat lill-Viċi-President sabiex jirrapporta dwar din l-attività lill-Kunsill Governattiv permezz tal-Bord Eżekuttiv.

9.3.

Il-kumitati huma magħmulin minn mhux aktar minn zewġ membri minn kull BĊN tal-Eurosistema u mill-BĊE, maħturin minn kull Gvernatur u mill-Bord Eżekuttiv rispettivament.

9.4.

Meta jkunu qed jassistu lill-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċizjonijiet tal-BĊE fil-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-kumitati jinkludu membru wieħed mill-bank ċentrali u membru ieħor mill-awtorità nazzjonali kompetenti f’kull Stat Membru parteċipanti, maħtura minn kull Gvernatur wara konsultazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti rispettiva fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti mhijiex bank ċentrali.

9.5.

Il-Kunsill Governattiv jistabbilixxi l-mandati tal-kumitati u jaħtar il-presidenti tagħhom. Bħala regola, il-president għandu jkun membru tal-persunal tal-BĊE. Kemm il-Kunsill Governattiv kif ukoll il-Bord Ezekuttiv għandhom id-dritt li jitolbu lill-kumitati għal studji dwar suġġetti speċifiċi. Il-BĊE jipprovdi assistenza segretarjali lill-kumitati.

9.6.

Kull bank ċentrali nazzjonali li mhuwiex fl-Eurosistema jista' wkoll jaħtar sa żewġ membri tal-persunal biex jieħdu sehem fil-laqgħat ta’ umitat kull meta jittratta kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam tal-kompetenza tal-Kunsill Ġenerali u kull meta l-president ta’ kumitat u l-Bord Eżekuttiv jidhrilhom li din il-parteċipazzjoni hija xierqa.

9.7.

Rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni u kwalunkwe terza persuna ħra jistgħu jiġu mistiedna wkoll biex jieħdu sehem fil-laqgħat ta’ kumitat kull meta l-president ta’ xi kumitat u l-Bord Eżekuttiv jidhrilhom li dan huwa xieraq.”.

4.

L-Artikolu 9b il-ġdid li ġej huwa mdaħħal:

Artikolu 9b

Kumitat tal-Verifika

Sabiex jissaħħu l-livelli interni u esterni tal-kontroll diġà fis-seħħ u sabiex tkompli tittejjeb il-governanza korporattiva tal-BĊE u tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv jistabbilixxi kumitat tal-verifika u jistipula l-mandat u l-kompożizzjoni tiegħu.”.

5.

L-Artikolu 11.3 huwa mibdul b’li ġej:

“11.3.

Il-Bord Eżekuttiv jadotta u jaġġorna Kodiċi tal-Kondotta għall-gwida tal-membri tiegħu u tal-membri tal-persunal tal-BĊE, li jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.”.

6.

L-Artikoli li ġejjin qegħdin jiddaħħlu:

“KAPITOLU IVa

KOMPITI SUPERVIŻORJI

Artikolu 13a

Bord superviżorju

Bis-saħħa tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, Bord Superviżorju stabbilit bħala korp intern tal-BĊE iwettaq b’mod sħiħ l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti konferiti fuq il-BĊE relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (minn hawn ’il quddiem ‘kompiti superviżorji’). Kull kompitu tal-Bord Superviżorju huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE.

Artikolu 13b

Kompożizzjoni tal-Bord Superviżorju

13b.1.

Il-Bord Superviżorju huwa kompost minn President, Viċi-President, erba’ rappreżentanti tal-BĊE u rappreżentant wieħed tal-awtorità nazzjonali kompetenti minn kull Stat Membru parteċipanti. Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju jaġixxu fl-interess tal-Unjoni kollha.

13b.2.

Fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti mhijiex bank ċentrali, il-membru rispettiv tal-Bord Superviżorju jista’ jġib rappreżentant mill-bank ċentrali tal-Istat Membru tiegħu. Għall-finijiet ta’ votazzjoni, ir-rappreżentanti ta’ Stat Membru jitqiesu bħala membru wieħed.

13b.3.

Wara li jisma’ lill-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv jadotta l-proposta għall-ħatra tal-President u ta-Viċi-President tal-Bord Superviżorju li tiġi ppreentata lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.

13b.4.

It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-President tal-Bord Superviżorju, b’mod partikolari is-salarju, il-pensjoni u benefiċċji ta’ sigurtà soċjali oħrajn tiegħu jew tagħha huma s-suġġett ta’ kuntratt mal-BĊE u jiġu ddeterminati mill-Kunsill Governattiv.

13b.5.

Il-mandat tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju huwa ta’ ħames snin u ma jistax jiġġedded. Ma jistax jestendi lil hinn mit-tmiem tal-mandat tiegħu/tagħha bħala membru tal-Bord Eżekuttiv.

13b.6.

Il-Kunsill Governattiv jaħtar l-erba’ rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju, li ma jwettaqx dmirijiet relatati direttament mal-funzjoni tal-politika monetarja, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 13c

Votazzjoni skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

Għall-finijiet tal-adozzjoni tal-abozzi ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u fuq il-bażi ta’ Artikolu 16 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Protokoll (Nru 36) dwar dispożizzjonijiet tranżitorji, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

Sal-31 ta’ Ottubru 2014, id-deċiżjonijiet jitqiesu bħala adottati meta mill-inqas 50 % tal-membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw mill-inqas 74 % tan-numru totali tal-voti pponderati u 62 % tal-popolazzjoni totali, jitfgħu vot favur.

(ii)

Mill-1 ta’ Novembru 2014, id-deċiżjonijiet jitqiesu bħala adottati meta mill-inqas 55 % tal-membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali, jitfgħu vot favur. Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas numru minimu ta’ membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw 35 % tal-popolazzjoni totali, flimkien ma’ membru ieħor, u fin-nuqqas ta’ dan, il-maġġoranza kkwalifikata titiqies milħuqa.

(iii)

Bejn l-1 ta’ Novembru 2014 u l-31 ta’ Marzu 2017, fuq talba minn rappreżentant ta’ awtorità nazzjonali kompetenti jew fuq talba minn rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju, id-deċiżjonijiet jitqiesu bħala adottati meta mill-inqas 50 % tal-membri tal-Bord Superviżorju li jirrappreżentaw mill-inqas 74 % tan-numru totali tal-voti peżati u 62 % tal-popolazzjoni totali, jitfgħu vot favur.

(iv)

Kull wieħed mill-erba’ rappreżentanti tal-BĊE maħtura mill-Kunsill Governattiv għandu jkollu ponderazzjoni ugwali għall-ponderazzjoni medjana ta’ dawk ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti, kif ikkalkulat fuq il-bażi tal-metodu stabbilit fl-Anness.

(v)

Il-voti tal-President u tall-Viċi-President għandhom ponderazzjoni ta’ żero u jgħoddu biss għad-definizzjoni tal-maġġoranza safejn huwa kkonċernat in-numru tal-membri tal-Bord Superviżorju.

Artikolu 13d

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Superviżorju

Il-Bord Superviżorju jadotta r-Regoli ta’ Proċedura wara li jkun ikkonsulta mal-Kunsill Governattiv. Ir-Regoli ta’ Proċedura jiżguraw it-trattament ugwali tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

Artikolu 13e

Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Bord Superviżorju

13e.1.

Il-Bord Superviżorju jadotta u jaġġorna Kodiċi ta’ Kondotta għal gwida tal-membri tiegħu, li jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

13e.2.

Kull membru jiżgura li, jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti mhijiex bank ċentrali, kull waħda mill-persuni li jakkompanjaw, supplenti u r-rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali tiegħu, tiffirma dikjarazzjoni ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta qabel kwalunkwe parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju.

Artikolu 13f

Laqgħat tal-Bord Superviżorju

Il-Bord Superviżorju normalment iżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-BĊE. Il-proċedimenti tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju jiġu pprovduti lill-Kunsill Governattiv, għall-informazzjoni, malli jiġu adottati.

Artikolu 13g

Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

13g.1.

Il-Bord Superviżorju jipproponi lill-Kunsill Governattiv abbozzi kompleti ta’ deċiżjonijiet għall-finijiet li jitwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 flimkien man-noti spjegattivi li jiddeskrivu l-isfond għal u r-raġunijiet prinċipali li huma bażi tal-abbozz tad- deċiżjoni. Dawn l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jiġu trażmessi simultanjament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti kkonċernati flimkien mal-informazzjoni dwar l-iskadenza mogħtija lill-Kunsill Governattiv f’konformità mal- Artikolu 13 g.2.

13g.2.

Abbozz ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13 g.1 titqies adottata sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax għaliha fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, perjodu ta’ żmien raġonevoli għandu jiġi ddefinit mill-Bord Superviżorju u m’għandux jeċċedi t-48 siegħa. Il-Kunsill Governattiv jiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet bil-miktub. Id-deċiżjoni tiġi trażmessa lill-Bord Superviżorju u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

13g.3.

Stat Membru parteċipanti li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jinnotifika lill-BĊE b’kull nuqqas ta’ qbil irraġunat permez ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi l-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 13 g.1. Il-President tal-BĊE jittrażmetti n-nuqqas ta’ qbil irraġunat lill-Kunsill Governattiv u lill-Bord Superviżorju mingħajr dewmien. Il-Kunsill Governattiv iqis bis-sħiħ ir-raġunijiet misjuba f’valutazzjoni mħejjija mill-Bord Superviżorju meta jkun qed jiddeċiedi fuq il-kwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ qbil irraġunat. Din id-deċiżjoni, flimkien ma’ spjegazzjoni bil-miktub, tiġi trażmessa lill-Bord Superviżorju u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

13g.4.

Stat Membru parteċipanti li mhuwiex fiż-żona tal-euro jinnotifika lill-BĊE b’kull nuqqas ta’ qbil irraġunat ma’ oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi din l-oġġezzjoni skont l-Artikolu 13 g.2. Il-President tal-BĊE jittrażmetti n-nuqqas ta’ qbil irraġunat lill-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju mingħajr dewmien. Il-Kunsill Governattiv jagħti l-opinjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ qbil irraġunat espress mill-Istat Membru fi żmien 30 jum, u, waqt li jagħti r-raġunijiet tiegħu, jikkonferma jew jirtira l-oġġezzjoni tiegħu. Din id-deċiżjoni dwar il-konferma jew l-irtirar tal-oġġezzjoni tiegħu għandha tiġi trażmessa lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Jekk il-Kunsill Governattiv jirtira l-oġġezzjoni, l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju għandu jitqies bħala adottat fid-data tal-irtirar tal-oġġezzjoni.

Artikolu 13h

Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

13h.1.

Jekk awtorità nazzjonali kompetenti jew innominata tinnotifika lill-BĊE bl-intenzjoni tagħha li tapplika r-rekwiżiti għar-riżervi tal-kapital jew kwalunkwe miżuri oħrajn maħsubin biex jindirizzaw riskji sistematiċi jew makro-prudenzjali skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, malli s-Segretarju tal-Bord Superviżorju jirċievi n-notifika, din għandha tiġi trażmessa lill-Kunsill Governattiv u lill-Bord Superviżorju mingħajr dewmien. Fuq proposta mħejjija mill-Bord Superviżorju fuq il-bażi tal-inizjattiva u li tikkunsidra l-kontribut tal-kumitat relevanti u tal-istruttura interna relevanti, il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar il-kwistjoni fi żmien tlitt ijiem ta’ xogħol. Fejn il-Kunsill Governattiv joġġezzjona għall-miżura nnotifikata, għandu jispjega r-raġunijiet tiegħu bil-miktub lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew innominata fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika lill-BĊE.

13h.2.

Jekk il-Kunsill Governattiv, fuq proposta mħejjija mill-Bord Superviżorju bbażata fuq l-inizjattiva u li tikkunsidra l-kontribut tal-kumitat relevanti u tal-istruttura interna relevanti, għandu l-intenzjoni li japplika rekwiżiti ogħla għar-riżervi tal-kapital jew li japplika miżuri iktar stretti maħsubin biex jindirizzaw riskji sistematiċi jew makro-prudenzjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, din l-intenzjoni tiġi nnotifikata lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew innominata kkonċernata mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni. Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti jew innominata tinnotifika lill-BĊE bil-miktub bl-oġġezzjoni rraġunata fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-wasla tan-notifika, malli s-Segretarju tal-Bord Superviżorju jirċievi din in-notifika, din l-oġġezzjoni għandha tiġi trażmessa lill-Kunsill Governattiv u lill-Bord Superviżorju mingħajr dewmien. Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar il-kwistjoni fuq il-bażi ta’ proposta mħejjija mill-Bord Superviżorju bbażata fuq l-inizjattiva u filwaqt li jqis il-kontribut tal-kumitat relevanti u tal-istruttura relevanti interna.Din id-deċiżjoni għandha tiġi trażmessa lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew innominata kkonċernata.

13h.3.

Il-Kunsill Governattiv għandu d-dritt jitlob li japprova, joġġezzjona jew jemenda proposti tal-Bord Superviżorju skont it-tifsira tal-Artikolu 13 h.1 u l-Artikolu 13 h.2. Il-Kunsill Governattiv għandu wkoll id-dritt li jitlob lill-Bord Superviżorju biex jissottometti proposta skont it-tifsira tal-Artikolu 13 h.1 u l-Artikolu 13 h.2 jew biex iwettaq analiżi speċifika. Jekk il-Bord Superviżorju ma jissottometti l-ebda proposta li tindirizza dawn it-talbiet, il-Kunsill Governattiv, filwaqt li jqis il-kontribut tal-kumitat relevanti u tal-istruttura interna relevanti, jista’ jieħu deċiżjoni fin-nuqqas ta’ proposta mill-Bord Superviżorju.

Artikolu 13i

Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 14(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

Jekk awtorità nazzjonali kompetenti tinnotifika lill-BĊE bl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Superviżorju jittrażmetti l-abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien mal-evalwazzjoni tagħha, lill-Kunsill Governattiv fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. L-abbozz ta’ deċiżjoni titqies adottata sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol min-notifika lill-BĊE, li tista’ tiġi estiża darba għall-istess perjodu f’każijiet iġġustifikati.

Artikolu 13j

Qafas ġenerali msemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

Il-Kunsill Governattiv jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-qafas ġenerali biex jiġu organizzati l–arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Superviżorju barra mill-ambitu tal-proċedura tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni.

Artikolu 13k

Separazzjoni tal-politika monetarja u l-kompiti superviżorji

13k.1.

Il-BĊE iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 mingħajr preġudizzju għal, u b’mod separat mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor.

13k.2.

Il-BĊE jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura s-separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-funzjonijiet superviżorji.

13k.3.

Is-separazzjoni tal-politika monetarja u l-funzjoni superviżorja ma teskludix il-iskambju bejn dawn iż-żewġ oqsma funzjonali tal-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE u tas-SEBĊ.

Artikolu 13l

Organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv dwar il-kompiti superviżorji

13l.1.

Il-laqgħat tal-Kunsill Governattiv dwar il-kompiti superviżorji isiru separatament mil-laqgħat regolari tal-Kunsill Governattiv u għandhom aġendi separati.

13l.2.

Fuq proposta mill-Bord Superviżorju, il-Bord Eżekuttiv ifassal aġenda provviżorja u jibgħatha, flimkien mad-dokumenti relevanti imħejjija mill-Bord Superviżorju, lill-membri tal-Kunsill Governattiv u parteċipanti awtorizzati oħra mill-inqas tmint ijiem qabel il-laqgħa relevanti. Dan ma japplikax għal emerġenzi, li fihom il-Bord Eżekuttiv jaġixxi b’mod xieraq wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi.

13l.3.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jikkonsulta mal-Gvernaturi tal-BĊNi li mhumiex fl-Eurosistema tal-Istati Membri parteċipanti qabel ma joġġezzjona għal abbozz ta’ deċiżjoni mħejji mill-Bord Superviżorju li huwa indirizzat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti li mhumiex fiż-żona tal-euro. L-istess japplika fejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jinformaw lill-Kunsill Governattiv bin-nuqqas ta’ qbil irraġunat tagħhom ma’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju.

13l.4.

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv stabbiliti f’Kapitolu 1 japplikaw għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv dwar il-kompiti superviżorji.

Artikolu 13m

Struttura interna dwar il-kompiti superviżorji

13m.1.

Il-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-istruttura interna tal-BĊE u l-persunal tal-BĊE tinkludi l-kompiti superviżorji. Il-Bord Eżekuttiv jikkonsulta lill-President u lill-Viċi-President tal-Bord Superviżorju fuq din l-istruttura interna. L-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

13m.2.

Il-Bord Superviżorju, bi qbil mal-Bord Eżekuttiv, jista’ jistabbilixxi u jxolji substruttura ta’ natura temporanja, bħal gruppi ta’ ħidma jew task forces. Huma jassistu fil-ħidma dwar il-kompiti superviżorji u jirrapportaw lill-Bord Superviżorju.

13m.3.

Il-President tal-BĊE, wara li jikkonsulta mal-President tal-Bord Superviżorju, għandu jaħtar membru tal-persunal tal-BĊE bħala Segretarju tal-Bord Superviżorju u tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Is-Segretarju jassisti lill-President jew, fl-assenza tiegħu/tagħha, lill-Viċi-President fil-preparamenti tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju u għandu jkun responsabbli għall-abbozzar tal-proċedimenti ta’ dawn il-laqgħat.

13m.4.

Is-Segretarju jikkoordina mas-Segretarju tal-Kunsill Governattiv għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv dwar il-kompiti superviżorji u huwa responsabbli għall-abbozzar tal-proċedimenti ta’ dawn il-laqgħat.

Artikolu 13n

Rapport skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (EU) Nru 1024/2013

Fuq proposta mill-Bord Superviżorju sottomessa mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv għandu jadotta r-rapporti annwali indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-Eurogroup kif mitlub taħt l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 13o

Rappreżentanti tal-BĊE fl-Awtorità Bankarja Ewropea

13o.1.

Fuq proposta mill-Bord Superviżorju, il-President tal-BĊE għandu jaħtar jew isejjaħ lura r-rappreżentanti tal-BĊE għall-Bord Superviżorju tal-Awtorità Bankarja Ewropea kif ipprovduta minn Artikolu 40(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (**).

13o.2.

Il-President għandu jinnomina t-tieni rappreżentant li jakkumpanja kompetenti fil-kompiti bankarji ċentrali lill-Bord Superviżorju tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(**)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.”."

7.

L-Artikolu 15.1 huwa mibdul b’ li ġej:

“15.1.

Qabel it-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, il-Kunsill Governattiv, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv skont kwalunkwe prinċipji stabbiliti minn tal-ewwel, jadotta l-baġit tal-BĊE għas-sena finanzjarja sussegwenti. In-nefqa għall-kompiti superviżorji għandha tkun identifikabbli b’mod separat f il-baġit u għandha ssir b’konsultazzjoni mal-President u l-Viċi-President tal-Bord Superviżorju.”.

8.

L-Artikolu 17.5 huwa mibdul b’ li ġej:

“17.5.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 43, u l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 46.1 tal-Istatut, l-Opinjonijiet tal-BĊE jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv. Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u sakemm tal-anqas tliet Gvernaturi jiddikjaraw ix-xewqa tagħhom li jibqgħu iżommu l-kompetenza tal-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet speċifiċi, l-Opinjonijiet tal-BĊE jistgħu jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv, b’konformità ma’ kummenti mogħtija mill-Kunsill Governattiv u meta jiġi kkunsidrata l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali. Il-Bord Eżekuttiv huwa kompetenti biex jiffinalizza l-Opinjonijiet tal-BĊE fuq kwistjonijiet tekniċi ħafna u biex jinkorpora bidliet jew korrezzjonijiet fattwali. L-Opinjonijiet tal-BĊE jiġu ffirmati mill-President. Sabiex l-Opinjonijiet tal-BĊE jiġu adottati fir-rigward ta’ superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-Kunsill Governattiv jista’ jikkonsulta lill-Bord Superviżorju.”.

9.

L-Artikolu 17.8 huwa mibdul b’ li ġej:

“17.8.

Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (***) japplika għall-atti legali speċifikati fl-Artikolu 34 tal-Istatut.

(***)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 01 p. 3.)”."

10.

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

Artikolu 17a

Strumenti legali tal-BĊE relatati mal-kompiti superviżorji

17a.1.

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor fir-regolamenti adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u f’dan l-Artikolu, l-Artikolu 17 japplika għall-istrumenti legali tal-BĊE relatati mal-kompiti superviżorji.

17a.2.

Il-linji gwida tal-BĊE relatati mal-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm ’il quddiem innotifikati u ffirmati mill-President f’isem il-Kunsill Governattiv. In-notifika tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista' ssir permezz tat-telefax, tal-posta elettronika, jew tat-teleks jew permezz ta’ karta stampata.

17a.3.

Istruzzjonijiet tal-BĊE relatati mal-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 6(5)(a) u l-Artikoli 7(1), 7(4), 9(1) u 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm ’il quddiem innotifikati u ffirmati mill-President f’isem il-Kunsill Governattiv. Huma jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. In-notifika tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tista' ssir permezz tat-telefax, tal-posta elettronika, jew tat-teleks jew permezz ta’ karta stampata.

17a.4.

Id-deċiżjonijiet tal-BĊE fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni u entitajiet li applikaw għall-awtorizzazzjoni biex jinbeda n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv u u ffirmat f’ismu mill-President. Dawn għandhom minn hemm ’il quddiem jiġu nnotifikati lid-destinatarji.”.

11.

L-Artikolu 18 huwa mibdul b’ li ġej:

Artikolu 18

Il-Proċedura skont l-Artikolu 128(2) tat-Trattat

L-approvazzjoni stipulata fl-Artikolu 128(2) tat-Trattat għandha tiġi adottata għas-sena ta’ wara, mill-Kunsill Governattiv f’deċiżjoni waħda għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro fl-aħħar trimestru ta’ kull sena.”.

12.

L-Artikolu 20 huwa mħassar.

13.

L-Artikolu 23.1 huwa mibdul b’ li ġej:

“23.1.

Il-proċedimenti tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċizjonijiet tal-BĊE, jew kwalunkwe kumitat jew grupp imwaqqaf minnhom, tal-Bord Superviżorju, il-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu u ta’ kwalunkwe mis-substrutturi tiegħu ta’ natura temporanja huma kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Governattiv ma jawtorizzax lill-President biex jippubblika l-eżitu tad-diskussjonijiet tagħhom. Il-President jikkonsulta mal-President tal-Bord Superviżorju qabel ma’ jieħu deċiżjoni bħal din fir-rigward tal-proċedimenti tal-Bord Superviżorju, tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu u kwalunkwe mis-substrutturi ta’ natura temporanja.”.

14.

Fl-Artikolu 23.3, l-ewwel sentenza hija mibdula b’ li ġej:

“Id-dokumenti mfasslin jew miżmumin mill-BĊE għandhom jiġu kklassifikati u mmaniġġati skont ir-regoli ta’ organizzazzjoni dwar is-segretezza professjonali u l-immaniġġjar u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.”.

15.

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

Artikolu 23a

Il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali fir-rigward tal-kompiti superviżorji

23a.1.

Il-membri tal-Bord Superviżorju, tal-Kumitat ta’ Tmexxija u ta’ kwalunkwe mis-substrutturi stabbiliti mill-Bord Superviżorju għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 37 tal-Istatut anke wara li jkunu waqfu minn dmirijiethom.

23a.2.

L-osservaturi ma għandhomx ikollhom aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali relatat ma’ istituzzjonijiet individwali.

23a.3.

Id-dokumenti mfasslin mill-Bord Superviżorju, mill-Kumitat ta’ Tmexxija u kwalunkwe mis-substrutturi ta’ natura temporanja stabbiliti mill-Bord Superviżorju għandhom ikunu dokumenti tal-BĊE u huma għalhekk ikklassifikati u mmaniġġjati skont l-Artikolu 23.3.”.

16.

It-test stabbilit fl-Anness jiżdied bħala anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-24 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċizjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).


ANNESS

“ANNESS

(kif imsemmi fl-Artikolu 13c(iv))

1.

Għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 13c, l-erba’ rappreżentanti tal-BĊE, għandhom, kif iddefinit fil-paragrafi li jmiss, jiġu assenjati l-voti pponderati medjani tal-Istati Membri parteċipanti skont il-kriterju ta’ voti pponderati, il-popolazzjoni medjana tal-Istati Membri parteċipanti taħt il-kriterju ta’ popolazzjoni u, bis-saħħa tal-isħubija tagħhom fil-bord Superviżorju, vot skont il-kriterju tan-numru tal-membri.

2.

Meta ssir klassifika, f’ordni axxendenti, tal-voti pponderati assenjati lill-Istati Membri parteċipanti mill-Artikolu 3 tal-Protokol (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji għall-membri li jirrappreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, il-vot ipponderat medjan huwa ddefinit bħala l-vot ipponderat mezzan jekk hemm numru fard ta’ Stati Membri parteċipanti, u bħala l-medja taż-żewġ numri mezzani, miżjuda sal-eqreb numru sħiħ, jekk in-numru huwa bis-sewwa. Il-voti ipponderati medjan immultiplikat għal erba’ darbiet għandu jiżdied man-numru totali tal-voti pponderati tal-Istati Membri parteċipanti. In-numru tal-voti pponderati li jirriżulta għandu jikkostitwixxi n-‘numru totali tal-voti pponderati’.

3.

Il-popolazzjoni medjana hija ddefinita skont l-istess prinċipju. Għal dan il-għan, wieħed jirrikorri għall-figuri ppubblikati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont l-Anness III, l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (*). Il-popolazzjoni medjana tal-Istati Membri parteċipanti mmoltiplikata għal erba’ darbiet għandha tiżdied mal-popolazzjoni kkombinata fl-Istati Membri parteċipanti kollha. In-numru tal-popolazzjoni li jirriżulta għandu jikkostitwixxi ‘il-popolazzjoni totali’.


(*)  ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35.”.


Fuq