EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52007AB0030

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ottubru 2007 dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 dwar miżuri implimentattivi inizjali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur (CON/2007/30)

ĠU C 248, 23.10.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 248/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Ottubru 2007

dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 dwar miżuri implimentattivi inizjali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur

(CON/2007/30)

(2007/C 248/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-5 ta' Settembru 2007 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kummissjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1749/96 tad-9 ta' Settembru 1996 dwar miżuri implimentattivi inizjali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur (minn issa l-quddiem “l-abbozz tar-regolament”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita` Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Il-BĊE jilqa' l-abbozz tar-regolament billi dan jiċċara u jsaħħaħ il-prinċipji li fuqhom jinbena l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur (HICP) u l-proċeduri tiegħu ta' teħid ta' kampjuni, ta' sostituzzjoni u ta' aġġustament ta' kwalita`, b'hekk jiżgura l-komparabbilta` u l-preċiżjoni. Billi jintroduċi l-kunċett tas-“segment tal-konsum skond l-iskop” bħala l-partiti fissi li għandhom jiġu segwiti mill-indiċi tal-prezzijiet, l-abbozz tar-regolament jiċċara l-bażi kunċettwali ta' l-HICP. Barra minn hekk, billi jipprovdi qafas u terminoloġija komuni dwar it-teħid ta' kampjuni, is-sostituzzjoni tal-prodott u l-aġġustament tal-kwalita`, jista' jiffaċilita aktar armonizzazzjoni f'dawn l-oqsma.

1.2

L-iżvilupp ta' standards speċifiċi għall-prodott għall-metodi ta' l-aġġustament tal-kwalita` jawgura titjib importanti. Il-BĊE japprova l-metodu adottat mill-abbozz tar-regolament biex jiġu stabbiliti standards għall-aġġustament tal-kwalita` skond kif ikun il-każ, u biex jiġu kklassifikati metodi alternattivi għall-aġġustament tal-kwalita` skond kemm dawn il-metodi jkunu xierqa. Madankollu, dawn l-istandards xorta jistgħu jħallu spazju għal prattiċi diverġenti bejn HICPs nazzjonali, għaldaqstant il-mira aħħarija għandha tkun l-armonizzazzjoni sħiħa tal-metodi ta' l-aġġustament tal-kwalita`. Barra minn dan, billi l-implimentazzjoni ta' standards miftiehma w effettivi hija kruċjali, il-BĊE jirrikkmanda bis-sħiħ li l-implimentazzjoni ta' l-abbozz tar-regolament tkun akkumpanjata b'rappurtar regolari dwar il-progress ta' l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri, u b'superviżjoni stretta mill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-osservanza. Din is-superviżjoni għandha tara li tħeġġeg lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod effettiv metodi-A għall-aġġustamenti tal-kwalita`, billi dan huwa l-aħjar mod biex tittejjeb kemm il-preċiżjoni ta' l-HICP u l-komparabbilta` ta' l-indiċi ġewwa l-Istati Membri. Jekk kieku jintwera li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed biex iwasslu għal-livell meħtieġ ta' komparabbilta`, il-BĊE jilqa' l-adozzjoni ta' miżuri, kif previst fl-Artikolu 1(3) ta' l-abbozz tar-regolament, biex l-istandards speċifiċi għall-prodott għall-aġġustament tal-kwalita` jsiru jorbtu legalment.

1.3

Il-BĊE jilqa' wkoll ir-regoli speċifiċi nklużi fl-abbozz tar-regolament għall-aġġustament tal-kwalita` u prattiċi relatati biex il-kampjun jiġi aġġornat. Madankollu, minħabba l-prattiċi nazzjonali diverġenti ta' bħalissa biex jiġu aġġornati l-kampjuni ta' l-HICP, jista' jkun diffiċli li tintlaħaq komparabbilta` sħiħa ta' l-HICPs fir-rigward tal-kwalita` rappreżentattiva u l-aġġustament tal-kwalita`. Il-BĊE għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli taħdem lejn l-istabbilment ta' standards għall-aġġornament komparabbli ta' kampjuni għall-HICP.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fil-5 ta' Ottubru 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


Fuq