EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0056

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 4 ta’ Lulju 2011 dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/56)

ĠU C 213, 20.7.2011, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/21


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Lulju 2011

dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

(CON/2011/56)

2011/C 213/07

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy, wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ‘il quddiem id-“deċiżjoni proposta”) u dwar it-test tal-Ftehim Monetarju mehmuż mad-deċiżjoni proposta.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress illi d-deċiżjoni proposta tirrigwarda ftehim monetarju taħt l-Artikolu 219(3) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ d-deċiżjoni proposta peress illi t-test tal-Ftehim Monetarju mehmuż jirrifletti kif imiss l-osservazzjonijiet u l-proposti għall-abbozzar tal-BĊE fl-Opinjoni tal-BĊE CON/2011/22 tal-11 ta' Marzu 2011 dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy (2) u l-pożizzjoni tal-BĊE espressa matul il-proċess tan-negozjati.

Madankollu, il-BĊE għandu proposti għall-abbozzar speċifiċi relatati mad-deċiżjoni proposta li għandhom l-għan li jiżguraw il-konsistenza bejn id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ ftehim monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy (3), u d-deċiżjoni proposta.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2011) 360 finali.

(2)  Ippubblikata simultanjament ma’ din l-Opinjoni.

(3)  Għadha mhix ippubblikata.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Raba’ ċitazzjoni (ġdida)

L-ebda test

“Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,”

Spjegazzjoni

L-emenda proposta hija neċessarja sabiex tirrifletti l-fatt illi l-att tal-Unjoni huwa adottat skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat li jipprovdu għall-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

Emenda 2

Premessa 3

“(3)

Fit-13 ta’April 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni, filwaqt li aġixxa mal-Bank Ċentrali Ewropew u bil-kunsens tiegħu fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, biex tinnegozja mar-Repubblika Franċiża, filwaqt li din tal-aħħar taġixxi fl-interess tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy, bil-għan li jiġi konkluż ftehim monetarju. Dan il-Ftehim ġie inizjalat fit-30 ta' Mejju 2011.”

“(3)

Fit-13 ta’April 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni, , biex tinnegozja mar-Repubblika Franċiża, filwaqt li din tal-aħħar taċixxi fl-interess tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy, u li tassoċja bis-sħiħ lill-BĊE man-negozjati u biex tfittex il-qbil tiegħu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, bil-għan li jiġi konkluż ftehim monetarju. Dan il-ftehim ġie inizjalat fit-30 ta’ Mejju 2011.”

Spjegazzjoni

L-emenda proposta hija neċessarja sabiex tallinja d-deċiżjoni mal-premessa 6 u mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ ftehim monetarju mar-Repubblika Franċiża, għall-benefiċċju tat-territorju barrani Franċiż ta’ Saint-Barthélemy  (2).


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Għadha mhix ippubblikata.


Fuq