EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010XB0423(01)

Parti 0 tar-regoli għall-istaff tal-BĊE li fiha l-qafas dwar l-etika (Dan it-test iħassar u jieħu post it-test ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali C 92 tas-16.4.2004, pġ. 31 )

ĠU C 104, 23.4.2010, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 86 - 90

23.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/3


Parti 0 tar-regoli għall-istaff tal-BĊE li fiha l-qafas dwar l-etika

(Dan it-test iħassar u jieħu post it-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali C 92 tas-16 ta’ April 2004, pġ. 31)

2010/C 104/02

0.1.   Disposizzjonijiet ġenerali

0.1.1.

Il-kondotta ta’ membri tal-istaff la għandha xxekkel l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom u lanqas tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-BĊE. Membri tal-istaff għandhom:

(a)

jirrispettaw il-valuri komuni tal-BĊE u jġibu ruħhom fil-ħajja professjonali u privata tagħhom b’mod li jixraq lin-natura tal-BĊE bħala istituzzjoni Ewropea;

(b)

jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod kuxjenzjuż, b’onestà u mingħajr interess persunali jew interessi nazzjonali, jissottoskrivu għal standards għoljin ta’ etika professjonali, u jaġixxu b’lealtà esklussiva lejn il-BĊE;

(ċ)

jużaw il-prekawzjoni u l-attenzjoni fit-trattazzjonijiet finanzjarji privati kollha tagħhom u jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi transazzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji li jistgħu jxekklu l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom.

0.1.2.

Il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu l-membri tal-istaff taħt il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jingħataw biss fl-interessi tal-BĊE. Dawn il-privileġġi u immunitajiet m’għandhom bl-ebda mod jeżentaw lil membri tal-istaff mit-twettiq tal-obbligazzjonijiet privati tagħhom jew milli jikkonformaw mal-liġijiet u r-regoli tal-pulizija li hemm fis-seħħ. Kull meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-privileġġi u l-immunitajiet, il-membri tal-istaff ikkonċernati għandhom jinformaw immedjatament lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

0.1.3.

Membri tal-istaff li huma sekondati jew bil-lif minn organizzazzjoni jew istituzzjoni oħra għandhom ikunu integrati mal-istaff tal-BĊE, ikollhom l-istess obbligazzjonijiet u drittijiet bħall-membri oħra tal-istaff, u jaqdu dmirijiethom biss għall-benefiċċju tal-BĊE.

0.2.   Uffiċjal għall-Etika

Membri tal-istaff jistgħu jitolbu lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE sabiex jipprovdi gwida dwar kull kwistjoni marbuta mal-konformità tagħhom mal-qafas dwar l-etika tal-BĊE. Kondotta li tkun konformi għal kollox mal-parir ta’ u r-regoli ta’ etika żviluppati mill-Uffiċjal għall-Etika għandha tiġi preżunta bħala konformi mal-qafas dwar l-etika u m’għandhiex twassal għal proċeduri dixxiplinarji għal ksur tal-obbligazzjonijiet tal-membri tal-istaff. Dan il-parir m’għandux, minkejja dan, jeżonera lil membri tal-istaff minn obbligi esterni.

0.3.   Segretezza professjonali

0.3.1.

Membri tal-istaff għandhom iżommu lura milli jikxfu mingħajr awtorizzazzjoni kull informazzjoni kklassifikata li jkunu rċevew fil-kuntest tax-xogħol tagħhom fil-BĊE lil kull persuna barra l-BĊE, inklużi l-membri tal-familja tagħhom, u lil kollegi fi ħdan il-BĊE li m’għandhomx bżonn l-informazzjoni sabiex jaqdu dmirijiethom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġa saret pubblika jew hija aċċessibbli għall-pubbliku.

0.3.2.

Awtorizzazzjoni sabiex isir il-kxif għandha tinkiseb skont ir-regoli tal-ġestjoni u l-kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju.

0.3.3.

Awtorizzazzjoni sabiex isir il-kxif tingħata lil membru tal-istaff fejn ikun iridu jagħti l-evidenza, kemm bħala xhud fi proċeduri legali jew mod ieħor, u fejn ċaħda biex tingħata l-evidenza tista’ tiġbed responsabbiltà kriminali. Bħala eċċezzjoni, awtorizzazzjoni sabiex isir il-kxif ma tkunx meħtieġa jekk membru tal-istaff huwa msejjaħ sabiex jixhed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’każ bejn il-BĊE u membru tal-istaff kurrenti jew tal-imgħoddi.

0.4.   Relazzjonijiet interni

0.4.1.

Membri tal-istaff għandhom jimxu mal-istruzzjonijiet tas-superjuri tagħhom u mal-linji ta' rappurtar applikabbli.

0.4.2.

Membri tal-istaff m’għandhomx jitolbu lil staff ieħor sabiex jaqdu dmirjiet privati għalihom jew għal oħrajn.

0.4.3.

Membri tal-istaff għandhom iġibu ruħhom b’mod leali lejn il-kollegi tagħhom. B’mod partikolari, membri tal-istaff la għandhom iżommu minn membri oħra tal-istaff informazzjoni li tista’ taffettwa t-tmexxija tan-negozju, partikolarment sabiex jiksbu vantaġġ persunali, u lanqas jagħtu informazzjoni li hija falsa, mhux preċiża jew eżaġerata. Barra minn hekk, m’għandhomx ixekklu jew jirrifjutaw li jikkooperaw ma’ kollegi.

0.5.   L-użu tar-riżorsi tal-BĊE

Membri tal-istaff għandhom jirrispettaw u jipproteġu l-proprjetà tal-BĊE. It-tagħmir u l-faċilitajiet kollha, hi x’inhi n-natura tagħhom, huma pprovduti mill-BĊE għall-użu uffiċjali biss, sakemm l-użu għal raġunijiet privati mhuwiex permess jew skont ir-regoli interni relevanti fil-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju jew b’awtorizzazzjoni speċjali. Membri tal-istaff għandhom jieħdu kull miżura raġjonevoli u xierqa biex l-ispejjeż għall-BĊE jiġu mnaqqsin kull fejn possibbli, sabiex ir-riżorsi disponibbli jistgħu jintużaw bil-mod l-aktar effiċjenti.

0.6.   Dinjità fil-post tax-xogħol

Membri tal-istaff għandhom iżommu lura mid-diskriminazzjoni ta’ kull tip fil-konfront ta’ oħrajn u minn kull forma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali jew bullying. Huma għandhom juru sensittività lejn u rispett għall-oħrajn u jevitaw kull imġieba li persuna oħra tista raġjonevolment tqis bħala offensiva. L-istat ta’ membri tal-istaff m’għandu b’ebda mod jiġi preġudikat abbażi tal-fatt li jkunu pprevjenew jew irrappurtaw turment jew bullying. Membri tal-istaff għandhom jimxu mal-politika tal-BĊE dwar id-Dinjità fil-Post tax-Xogħol.

0.7.   Obbligazzjoni biex tirrapporta ksur ta’ dmir professjonali

0.7.1.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tal-membri tal-istaff taħt id-Deċiżjoni BĊE/2004/11 tat-3 ta’ Ġunju 2004 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, b’rabta mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni, u kull attività illegali oħra ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impieg tal-Istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), membri tal-istaff għandhom jagħmlu rapport lill-BĊE u/jew lill-Uffiċjal għall-Etika jekk jafu dwar jew għandhom suspett fondat tajjeb ta’ każ ta’ ħasil ta’ flus, finanzjament ta’ terroriżmu, abbuż ta’ informazzjoni privileġġjata, frodi jew korruzzjoni fil-qadi tad-dmirijiet professjonali tagħhom minn membru ieħor tal-istaff jew minn xi fornitur ta’ merkanzija jew servizzi lill-BĊE.

0.7.2.

Fil-każijiet l-oħra kollha, membri tal-istaff jistgħu jirrappurtaw lill-BĊE u/jew lill-Uffiċjal għall-Etika jekk ikunu jafu dwar jew ikollhom suspett fondat tajjeb ta’ ksur ta’ dmir professjonali minn membru ieħor tal-istaff jew minn xi fornitur ta’ merkanzija jew servizzi lill-BĊE.

0.7.3.

Membri tal-istaff m’għandhom bl-ebda mod isofru minn trattament inġust jew diskriminatorju, intimidazzjoni, ritaljazzjoni jew vittimizzazzjoni minħabba li jkunu rrappurtaw il-konoxxjenza tagħhom dwar jew is-suspett fondat tajjeb ta’ ksur ta’ dmir professjonali.

0.7.4.

L-identità ta’ membri tal-istaff li jitolbu dan għandha tiġi protetta meta jkunu qed jirrapportaw il-konoxxjenza tagħhom dwar jew is-suspett fondat tajjeb ta’ ksur ta’ dmir professjonali.

0.8.   Kunflitti ta’ interess – regola ġenerali

Membri tal-istaff għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li tista’ twassal jew tidher li qed twassal għal kunflitt ta’ interess bejn xogħolhom u l-interessi privati tagħhom. Membri tal-istaff li, fil-qadi ta’ dmirijiethom, jiġu msejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjoni li għandhom interess personali fil-ġestjoni u l-eżitu tagħha għandhom jinfurmaw minnufih b’dan lil min hu immedjatament fuqhom jew lill-Uffiċjal għall-Etika. Il-BĊE jista’ jieħu l-miżuri xierqa sabiex jevita kunflitt ta’ interess. Partikolarment u jekk ebda miżura oħra ma hija xierqa, il-BĊE jista’ jneħħi r-responsabbiltà għall-kwistjoni relevanti lill-membru tal-istaff.

0.9.   Impieg bi qligħ tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb rikonoxxut

Membri tal-istaff għandhom jinfurmaw lill-BĊE jew lill-Uffiċjal għall-Etika b’kull impieg bi qligħ tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb rikonoxxut li jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess. Jekk in-natura tal-impieg twassal għal kunflitt ta’ interess mar-responsabbiltajiet tal-membru tal-istaff u jekk il-membru tal-istaff ma jistax jintrabat li l-kunflitt ta’ interess ser jieqaf f’perijodu speċifiku, allura, wara li jkun ikkonsulta mal-Uffiċjal għall-Etika, il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk il-membru tal-istaff għandhiex titneħħhielu r-responsabbiltà għall-kwistjoni relevanti.

0.10.   L-għoti u l-aċċettazzjoni ta’ rigali

0.10.1.

“Rigal” huwa kull benefiċċju jew vantaġġ, kemm finanzjarju kif ukoll mhux fi flus, li huwa b’xi mod konness mal-impieg mal-BĊE tal-membru tal-istaff u li mhuwiex il-kumpens miftiehem għal servizzi li jingħataw, kemm jekk mogħtijin minn jew offruti lil membru tal-istaff kif ukoll lil xi membru tal-familja tiegħu jew lil konoxxenza personali mill-qrib jew soċji professjonali.

0.10.2.

L-aċċettazzjoni ta’ rigal m’għandha, fl-ebda każ, tagħmel ħsara lil jew tinfluwenza l-objettività u l-libertà tal-azzjoni tal-membru tal-istaff u m’għandhiex toħloq obbligazzjoni jew aspettattiva inapproprjata min-naħa tar-reċipjent jew il-fornitur.

0.10.3.

Membri tal-istaff la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw rigali mingħand parteċipanti fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għal akkwist.

0.10.4.

L-aċċettazzjoni ta’ rigali mingħand l-istess sors ta’ spiss hija pprojbita.

0.10.5.

Membri tal-istaff għandhom jagħmlu rapport dwar rigali li jkunu ġew riċevuti minn membri tal-familja tagħhom mingħand sorsi li huma b’xi mod marbutin mal-impieg tal-membru tal-familja mal-BĊE.

0.11.   Attivitajiet esterni li jsiru fil-qadi tad-dmirijiet professjonali

Membri tal-istaff m’għandhomx jaċċettaw għalihom infushom miżati mingħand partijiet terzi fir-rigward ta’ attivitajiet esterni marbutin b’xi mod mal-impieg tal-membru tal-istaff mal-BĊE. Dawn il-miżati għandhom jitħallsu lill-BĊE.

0.12.   Attivitajiet privati

0.12.1.

Membri tal-istaff m’għandhomx jinvolvu ruħhom f’attivitajiet privati li jistgħu, b’xi mod, ixekklu l-qadi ta' dmirijiethom fil-konfront tal-BĊE u li, partikolarment, jistgħu jkunu sors ta’ kunflitt ta’ interess.

0.12.2.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu preċedenti, membri tal-istaff jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet privati li ma jitħallsux tagħhom bħal ma huma s-sempliċi ġestjoni għall-konservazzjoni tal-assi tal-familja u attivitajiet f’oqsma bħall-kultura, ix-xjenza, l-edukazzjoni, l-isport, il-karità, ir-reliġjon, ħidma soċjali jew xogħol ieħor ta’ ġid, li ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-obbligazzjonijiet tal-membru tal-istaff fil-konfront tal-BĊE u/jew mhumiex sors probabbli ta’ kunflitt ta’ interess.

0.12.3.

Membri tal-istaff tal-BĊE għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni tal-BĊE għal kull attività privata oħra. Dawn jinkludu:

(a)

ir-riċerka, l-għoti ta’ lekċers, il-kitba ta' artikli jew kotba, jew kull attività privata simili li ssir bla ħlas dwar suġġetti marbutin mal-BĊE jew l-attivitajiet tiegħu;

(b)

kull attività privata oħra li ssir bla ħlas barra l-ambitu tal-Artikolu 0.12.2;

(ċ)

attivitajiet privati bi ħlas.

Meta jkun qed jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni dwar involviment f’dawn l-attivitajiet privati, il-BĊE għandu jikkunsidra jekk l-attività għandhiex impatt negattiv fuq il-membru tal-istaff fil-konfront tal-BĊE u, partikolarment, jekk hijiex sors probabbli ta’ kunflitt ta’ interess.

0.12.4.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi preċedenti, membri tal-istaff jistgħu jidħlu għal attivitajiet politiċi bħal ma huma l-votazzjoni, il-kontribuzzjonijiet politiċi, l-attendenza għal laqgħat u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet f’livell lokali. Membri tal-istaff għandhom iżommu lura milli jiddikjaraw il-funzjoni u l-kapaċità tagħhom fil-BĊE meta jidħlu għal attivitajiet politiċi u għandhom jevitaw illi jħallu l-opinjonijiet personali tagħhom jidhru bħala li qed jirriflettu l-opinjonijiet tal-BĊE.

0.12.5.

Membri tal-istaff li għandhom il-ħsieb li joħorġu għal kariga pubblika għandhom jinformaw lill-BĊE, li għandu jiddeċiedi, wara li jkun qies l-interess tas-servizz, jekk il-membru tal-istaff ikkonċernat:

(a)

għandux jintalab japplika għal lif għal raġunijiet personali; jew

(b)

għandux jingħata lif; jew

(ċ)

jistax jiġi awtorizzat jaqdi dmirijietu fuq bażi part-time; jew

(d)

jistax ikompli jaqdi dmirijietu bħal qabel.

0.12.6.

Membri tal-istaff li jiġu eletti jew maħturin f’karigi pubbliċi għandhom jinfurmaw immedjatament lill-BĊE, li, wara li jkun qies l-interess tas-servizz, l-importanza tal-kariga, id-dmirijiet li tinvolvi u l-ħlas u r-rimborż tal-ispejjeż inkorsi fil-qadi tad-dmirijiet tal-kariga, għandu jieħu waħda mid-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu preċedenti. Jekk il-membru tal-istaff huwa mitlub jieħu lif għal raġunijiet personali jew huwa awtorizzat jaqdi d-dmirijiet fuq bażi part-time, il-perjodu ta’ dan il-lif jew xogħol part-time għandu jikkorrispondi għat-terminu tal-kariga tal-membru tal-istaff.

0.12.7.

Attivitajiet privati għandhom isiru barra l-ħinijiet tax-xogħol. Fuq bażi eċċezzjonali, il-BĊE jista’ japprova derogi minn din ir-regola.

0.12.8.

Il-BĊE jista’, f’kull ħin, jitlob it-terminazzjoni ta’ attivitajiet privati li mhumiex jew li m’għadhomx konformi mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti.

0.13.   Akkwist

Membri tal-istaff għandhom jiżguraw il-ġestjoni tajba ta’ proċeduri ta’ akkwist billi jżommu l-objettività, in-newtralità u sens ta' ġustizzja, u jiżguraw it-trasparenza fl-azzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist, membri tal-istaff għandhom jikkonformaw mar-regoli ġenerali u speċifiċi kollha marbutin mal-iskansar u r-rappurtar ta’ kunflitti ta’ interess, l-aċċettazzjoni ta’ rigali u s-segretezza professjonali. Membri tal-istaff għandhom jikkomunikaw biss ma’ parteċipanti fi proċedura ta’ akkwist permezz ta’ mezzi uffiċjali u għandhom jevitaw li jagħtu l-informazzjoni bil-fomm.

0.14.   In-negozjar ta’ impieg prospettiv

Membri tal-istaff għandhom iġibu ruħhom b'integrità u diskrezzjoni f'kull negozjati li jikkonċernaw impieg prospettiv u l-aċċettazzjoni ta’ dan l-impieg. Membri tal-istaff għandhom jinformaw lil min hu immedjatament fuqhom b’kull impieg prospettiv li jista’ joħloq jew jista’ jidher li qed joħloq kunflitt ta’ interess jew użu ħażin tal-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-BĊE. Membri tal-istaff jistgħu jintalbu jastjenu mit-trattazzjoni ta’ kull kwistjoni li tista’ tkun marbuta ma’ min jista’ jħaddimhom.

0.15.   Premji, unuri u dekorazzjonijiet

Membri tal-istaff għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni qabel ma jaċċettaw premji, unuri jew dekorazzjonijiet b’konnessjoni max-xogħol tagħhom għall-BĊE.

0.16.   Relazzjonijiet ma’ partijiet esterni

0.16.1.

Membri tal-istaff għandhom iżommu f’moħħhom l-indipendenza tal-BĊE, ir-reputazzjoni u l-ħtieġa li tinżamm is-segretezza professjonali fir-relazzjonijiet tagħhom ma kull parti esterna. Membri tal-istaff la għandhom jitolbu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet mingħand xi gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra l-BĊE. Membri tal-istaff għandhom jinfurmaw lill-maniġment tagħhom b'kull tentattiv inapproprjat minn parti terza sabiex tinfluwenza lill-BĊE fil-qadi ta’ dmirijietu.

0.16.2.

Membri tal-istaff għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-BĊE dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u jieħdu nota tal-Kodiċi Ewropew dwar l-Imġieba Amministrattiva Tajba fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.

0.16.3.

Membri tal-istaff għandhom imexxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-kollegi fil-BĊNi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) fi spirtu ta’ kooperazzjoni reċiproka mill-qrib. Kooperazzjoni bħal din għandha titmexxa mill-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni, it-trattament ugwali u l-iskansar ta' preġudizzju nazzjonali. F’kull relazzjoni ma’ BĊN, il-membri tal-istaff għandhom iżommu f’moħħhom l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-BĊE u r-rwol imparzjali tal-BĊE fi ħdan is-SEBĊ.

0.16.4.

Membri tal-istaff għandhom ukoll ikunu kawti fir-relazzjonijiet tagħhom ma' gruppi interessati u mal-media, partikolarment dwar kwistjonijiet marbutin mal-attivitajiet professjonali tagħhom, u jżommu f’moħħhom l-interessi tal-BĊE. Membri tal-istaff għandhom jirreferu t-talbiet kollha għall-informazzjoni marbutin mal-attivitajiet professjonali tagħhom li jsiru minn rappreżentanti tal-media lid-Direttorat għall-Komunikazzjoni u jikkonformaw mad-disposiżżjonijiet relevanti fil-Manwal dwar il-Prattiċi tan-Negozju.

0.17.   Abbuż ta’ informazzjoni privileġġata

0.17.1.

Membri tal-istaff għandhom iżommu lura milli jużaw jew jipprovaw jużaw informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet tal-BĊE, u li għadha ma saritx pubblika jew mhix aċċessibbli għall-pubbliku, għall-benefiċċju tal-interessi privati tagħhom jew ta' ħaddieħor. Membri tal-istaff huma speċifikament ipprojbiti milli jieħdu vantaġġ minn din l-informazzjoni f’kull transazzjoni finanzjarja jew fir-rakkomandazzjoni jew l-għoti ta’ parir kontra transazzjonijiet bħal dawn. Din l-obbligazzjoni għandha tkompli tapplika wara t-terminazzjoni tal-impieg mal-BĊE.

0.17.2.

Membri tal-istaff jistgħu jinvolvu ruħhom fin-negozjar ta’ assi jew drittijiet għal żmien qasir biss jekk, qabel ma jsiru dawn it-transazzjonijiet, l-Uffiċjal għall-Etika huwa sodisfatt bin-natura mhux spekulattiva u l-ġustifikazzjoni għal dawn it-transazzjonijiet.

0.17.3.

Membri tal-istaff għandhom iżommu rekords għas-sena kurrenti u għas-sena tal-kalendarju preċedenti ta’:

(a)

il-kontijiet bankarji tagħhom, inklużi l-kontijiet konġunti, kontijiet ta’ kustodja u kontijiet ma’ sensara tat-titoli;

(b)

kull prokura mogħtija lilhom minn partijiet terzi b’konnessjoni mal-kontijiet bankarji tagħhom, inklużi l-kontijiet ta’ kustodja;

(ċ)

kull istruzzjoni ġenerali jew linji ta’ gwida mogħtija lill-partijiet terzi li lilhom ġiet iddelegata r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-portafoll ta’ investimenti tagħhom;

(d)

kull bejgħ jew xiri ta’ assi jew drittijiet b’riskju għalihom stess u f’isimhom, jew immexxi minnhom b’riskju għal u f’isem ħaddieħor;

(e)

dikjarazzjonijiet dwar il-kontijiet fuq imsemmija;

(f)

il-konklużjoni jew l-emenda ta’ ipoteki jew self ieħor b’riskju għalihom u f’isimhom, jew immexxija minnhom b’riskju għal u f’isem ħaddieħor; u

(ġ)

it-trattattivi tagħhom b’relazzjoni mal-pjanijiet għall-irtirar, inklużi l-pjanijiet għall-irtirar tal-BĊE.

Sabiex tiġi sorveljata l-konformità mal-Artikolu 0.17.1 u 0.17.2, fuq talba tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal, il-Baġit u l-Organizzazzjoni l-membri tal-istaff għandhom jipprovdu l-fuq imsemmija dokumentazzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur konsekuttivi, kif speċifikat fit-talba.

L-obbligazzjonijiet ta’ membri tal-istaff taħt dan l-Artikolu għandhom ikomplu japplikaw għal sena wara t-terminazzjoni tal-impieg tagħhom mal-BĊE.

0.17.4

Membri tal-istaff li, minħabba d-dmirijiet tagħhom, huma meqjusin bħala li għandhom aċċess għal informazzjoni interna dwar il-politika monetarja jew dwar ir-rati tal-kambju tal-BĊE jew dwar l-operazzjonijiet finanzjarji tal-BĊE għandhom iżommu lura milli jagħmlu transazzjonijiet ta' investiment finanzjarju li mhumiex:

transazzjonijiet ta’ investiment fi skemi ta’ investiment kollettiv li fil-konfront tagħhom m'għandhom ebda influwenza fuq il-politika tal-investiment,

transazzjonijiet ta’ investiment bi strumenti finanzjarji derivattivi bbażati fuq indiċi li fil-konfront tagħhom m’għandhom ebda influwenza,

transazzjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq ftehim bil-miktub dwar il-ġestjoni tal-assi, u

ix-xiri u ż-żamma sal-iskadenza ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli jew l-effettwar ta’ depożiti.

Investimenti li jkunu jeżistu fi żmien meta membru tal-istaff jaqa’ fl-ambitu ta’ din id-disposizzjoni jistgħu jinżammu jew jinbidlu jekk il-membru tal-istaff:

jirrapporta lill-Uffiċjal għall-Etika dwar kull tibdil fil-ftehim ta' investiment, u

jipprovdi, fuq inizjattiva tiegħu u mingħajr dewmien, dettalji dwar kull tibdil fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 0.17.3(a) sa (ċ).

L-obbligazzjonijiet ta’ membri tal-istaff li għalihom hemm provvediment f’dan il-paragrafu għandhom ikomplu japplikaw għal sena wara li membru tal-istaff ikun waqaf jappartjeni għall-kategorija ta’ staff meqjusa bħala li għandha aċċess għal informazzjoni interna dwar il-politika monetarja jew dwar ir-rati tal-kambju tal-BĊE jew l-operazzjonijiet finanzjarji tas-SEBĊ.

Membri tal-istaff li, minħabba d-dmirijiet tagħhom, huma meqjusin bħala li għandhom aċċess għal informazzjoni interna dwar il-politika monetarja tal-BĊE għandhom iżommu lura milli jagħmlu kull transazzjoni ta’ investiment finanzjarju matul il-perjodu ta’ sebat ijiem li jippreċedi l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Governattiv ta’ xahar ta’ kalendarju.


(1)  ĠU L 230, 30.6.2004, pġ. 56


Fuq