EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0012

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta’ Frar 2011 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) u dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (CON/2011/12)

ĠU C 99, 31.3.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Frar 2011

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) u dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur

(CON/2011/12)

2011/C 99/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-22 ta’ Settembru 2010 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni) (1) (minn hawn ’l quddiem “il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva”). Fit-30 ta’ Settembru 2010 il-BĊE irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (2) (minn hawn ’l quddiem “il-proposta għal direttiva li temenda”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u l-proposta għal direttiva li temenda fihom dispożizzjonijiet li jeffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva biex tipprovdi qafas komprensiv u aktar armonizzat għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD). Il-BĊE japprezza illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva ser tinkorpora ħafna mir-rakkomandazzjonijiet magħmulin fi: (a) Opinjoni tal-BĊE CON/2008/70 (3) fuq proposta li saret aktar kmieni għal emendi lid-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (4); u (b) il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni ta' Direttiva 94/19/KE (5). Il-BĊE japprezza l-inkorporazzjoni fil-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tar-rakkomandazzjonijiet tagħha biex: (a) jiġu armonizzati aktar il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-livelli ta’ kopertura għal garanziji tad-depożiti (6); (b) jissaħħu r-rekwiżiti tal-informazzjoni imposti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonċernaw il-firxa tal-protezzjoni tad-depożitu mogħtija permezz ta’ SGD rilevanti (7); u (ċ) jiddaħħlu arranġamenti ta’ finanzjament parzjali ex ante għall-SGDi kollha (8). Il-BĊE jikkunsidra lil dawk l-elementi tal-qafas regolatorju tal-SGD bħala kruċjali minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja.

2.

Il-BĊE jinnota wkoll illi r-Rapport mill-Kummissjoni Ewropea li jakkumpanja l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva (9) jikkunsidra l-iżvilupp ta’ aktar ftehim f’livell ta’ Unjoni għall-koordinazzjoni ta’ garanziji tad-depożiti wara li jkun intlaħaq il-livell immirat speċifikat għall-fondi tagħhom. Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar qafas tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet fis-settur finanzjarju (10) tirreferi għas-sinerġiji li jistgħu jiġu esplorati bejn l-SGD u l-fondi ta’ riżoluzzjoni ġodda li ġew stabbiliti għal istituzzjonijiet finanzjarji. L-Eurosistema għandha interess qawwi f’dan il-qasam ibbażat fuq ir-rwol tagħha fl-istabbiltà finanzjarja u ser issegwi l-progress ta’ dan ix-xogħol b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

3.

Il-BĊE jirrikonoxxi illi l-proposta għal direttiva li temenda tintroduċi l-aġġornament ta’ Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (11) ser tkabbar l-armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens għall-investitur fl-Unjoni fl-Unjoni. Filwaqt illi l-BĊE ma jipprovdix kummenti dettaljati dwar dan l-istrument leġiżlattiv, jidher li li huwa importanti illi l-qafas regolatorju tal-Unjoni jkompli jkun ibbażat fuq l-assunzjoni ta’ profili tar-riskju differenti għad-depożitant u għall-investituri.

Osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-SGD

Skop tal-kopertura

4.

Il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva ser titlob illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jsiru membri ta’ SGDi u joffru garanziji tad-depożitu taħt kundizzjonijiet armonizzati (12) u li jkunu ffinanzjati, fil-prinċipju, minn kontribuzzjonijiet individwali ex ante tal-membri ta' SGD. Il-BĊE jqis illi dawn il-kundizzjonijiet armonizzati huma meħtieġa sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fil-kuntest tas-suq waħdieni tal-Unjoni għas-servizzi finanzjarji. Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) ukoll jappoġġja sħubija possibbilment wiesgħa ta’ SGD (13). Fl-istess waqt, il-BĊE jirrikonoxxi il-funzjonament b’suċċess ta’ skemi reċiproċi u volontarji li dejjem kien hemm f’xi Stati Membri, li jiksbu protezzjoni tad-depożitu permezz ta’ arranġamenti oħrajn li mhumiex garanziji tad-depożiti pre-definiti, eż. permezz ta’ arranġamenti ta’ salvataġġ finanzjarju reċiproku. Il-BĊE jifhem illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva mhijiex intiża biex tillimita l-kapaċità kontinwata tal-iskemi reċiproċi u volontarji biex joffru protezzjoni lill-istituzzjonijiet membri tagħhom b’mod karatteristiku għal dawn l-iskemi, li tkun ipprovduta b'mod parallel għall-garanziji tad-depożiti illi jiġu offruti lil klijenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet membri skont il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva. F’dan il-kuntest, il-BĊE jilqa’ l-perijodu ta’ għaxar snin biex fuqu jinkiseb gradwalment il-livell immirat ta' finanzjament ex ante stabbilit fil-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva bil-għan li jitħaffef il-piż fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li qabel ma kinux obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet għall-SGD (14).

5.

Il-BĊE jirrakkomanda (15) illi l-esklużjoni ta’ depożiti miżmumin minn awtoritajiet pubbliċi mis-sistema tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva għandha tuża il-lingwaġġ aktar preċiż u oriġinali tad-Direttiva 94/19/KE, u għalhekk għandha tirreferi għal “awtoritajiet tal-gvern u awtoritajiet ċentrali amministrattivi” u “awtoritajiet provinċjali, reġjonali, lokali u muniċipali” (16).

Perijodu għar-rikumpens

6.

Il-BĊE jilqa’ l-prinċipju ta’ aktar tnaqqis fil-perijodi għar-rikumpens għal depożiti garantiti (17). Minkejja dan, il-kisba tat-tnaqqis propost għal 7 ijiem jista’ jkun diffiċli peress illi jrid jiġi mdaħħal ftit wara t-tnaqqis oriġinali ta' 20 jum tax-xogħol, li kellu jiġi implimentat mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2010 (18). Il-BĊE jirrakkomanda (19) illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tiġi emendata sabiex il-Kummissjoni (i) tħejji studju dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis oriġinali għal 20 jum tax-xogħol; u (ii) abbażi tar-riżultati tal-istudju, tifformola proposti fir-rigward ta' tnaqqis addizzjonali possibbli jew tnaqqis tal-perijodu tar-rikumpens

Finanzjament

7.

Skont il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, l-SGD għandha tikseb finanzjament ex ante fil-livell definit bħala persentaġġ tad-depożiti eliġibbli fuq perijodu gradwali ta’ 10 snin (20). Il-BĊE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ livell immirat espliċitu ta’ finanzjament ex ante, li ssaħħaħ konsiderevolment l-istabbiltà finanzjarja u l-kundizzjonijiet ekwi billi ċċaqlaq il-piż tal-iffinanzjament tal-SGD għal fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma membri tagħha, jiġifieri għal fuq l-entitajiet li jikkontrollaw ir-riskji assigurati mill-SGD. Il-BĊE jifhem illi l-livell ta’ finanzjament ex ante huwa s-suġġett ta’ dibattitu mmexxi bħala parti mill-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni. Il-BĊE jirrakkomanda (21) illi dan il-livell ta’ finanzjament ex ante jkun iddefinit b’referenza għal ‘depożiti koperti’, jiġifieri depożiti eliġibbli li ma jeċċedux il-livell ta’ kopertura (22), billi d-depożiti koperti jirriflettu l-livell ta’ obbligazzjonijiet tal-SGDi b’mod aktar xieraq mid-depożiti eliġibbli.

8.

F'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali ta’ membri tal-SGD, il-BĊE jilqa’ fil-prinċipju l-mudell propost ta’ kontribuzzjonijiet parzjali bbażati fuq ir-riskju, b’dispożizzjonijiet li jiżguraw il-paragunabbiltà tal-klassijiet ta’ assi varji (23). Dan il-mudell, li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (24), għandu l-għan li jżomm il-kalkolu sempliċi biżżejjed sabiex jippermetti l-paragunabbiltà ta’ kontribuzzjonijiet individwali, filwaqt illi japplika numru ta’ indikaturi rilevanti ewlenin (ibbażati fuq ir-riskju) u supplimentari (mhux ibbażati fuq ir-riskju). Il-BĊE jirrakkomanda (25) illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tipprovdi sabiex elementi dettaljati tal-metodoloġija tal-kalkolu jiġu speċifikati aktar permezz ta’ standards tekniċi u linji gwida żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), abbażi ta’ dejta empirika verifikata u l-promozzjoni tat-trattament ugwali.

9.

Jekk il-finanzjament ex ante mhuwiex suffiċjenti biex jirrimborża lid-depożitanti, il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tistabbilixxi tliet passi għal-finanzjament addizzjonali ex post. Il-BĊE għandu l-osservazzjonijiet li ġejjin f’dan ir-rigward:

9.1.

Bħala l-ewwel pass, il-membri ta’ SGD ser jintalbu jħallsu kontribuzzjonijiet straordinarji, li jistgħu jammontaw sa 0,5 % tad-depożiti eliġibbli (26). Il-BĊE jilqa’ din is-soluzzjoni, li tinvolvi lis-settur finanzjarju nnifsu fit-twettiq ta’ talbiet straordinarji, b’hekk tillimita l-inċentivi għar-riskju morali inerenti f’arranġamenti ta’ SGD u tipprovdi l-bażi għal pressjoni effettiva inter partes.

9.2.

Bħala t-tieni pass, skema ta’ self reċiproku tista’ tiġi attivata, li tippermetti lil kwalunkwe SGD li topera fi Stat Membru biex issellef lil SGD oħra sa 0,5 % tad-depożiti eliġibbli tagħha u li titħallas lura bl-imgħax fi żmien ħames snin. (27) Il-BĊE jinnota illi l-attivazzjoni ta’ arranġamenti ta’ self transkonfinali bejn SGD tista’ twassal għal każijiet fejn SGD li tislef tiġi ffaċċjata aktar tard bil-ħtieġa li tkopri l-ħtiġijiet tar-rikumpens tagħha stess jew fejn l-SGD li tissellef għandha firxa ta’ funzjonijiet usa’ mill-SGD li tislef, eż, fejn għandha l-poteri biex tirrikapitalizza jew biex tagħti self lil istituzzjoni ta’ kreditu li tfalli fl-Istat Membru tagħha. Għaldaqstant, il-BĊE jilqa’ l-limitazzjonijiet imdaħħlin mill-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, inkluża r-restrizzjoni li l-fondi mislufa jistgħu jintużaw biss għall-pagament ta’ pretensjonijiet tad-depożitanti (28). Il-BĊE jifhem illi fil-fażi preżenti tad-diskussjoni leġiżlattiva dwar il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, l-arranġamenti ta' self bejn SGD ikunu fuq bażi volontarja. Aktar elementi li għandhom ikunu kkunsidrati fir-regolamentazzjoni ta’ din il-kwistjoni jinkludu: (i) il-prerekwiżiti minimi għall-attivazzjoni tal-arranġamenti ta self relatati mal-eżawriment tas-sorsi ta’ finanzjament mis-SGD li qed jissellfu; u (ii) il-kundizzjonijiet li taħthom is-self jista’ jiġi estiż, inklużi s-salvagwardji tar-rikumpens għas-SGD li qed tislef. Fl-istess waqt, jekk l-SGD għandhiex tuża l-fondi tagħha għal finijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi, barra mill-konfini dojoq tar-rimborż tad-depożitanti,, huwa suġġett għal dibattitu usa’. (29) Il-BĊE jikkunsidra li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mix-xogħol leġiżlattiv mibdi mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ kriżijiet.

9.3.

Bħala t-tielet pass, l-SGD għandha jkollha arranġamenti għal finanzjament alternattiv fis-seħħ bħala l-aħħar miżura. Madankollu, il-BĊE jinnota illi sa fejn huwa kkonċernat l-involviment potenzjali ta’ bank ċentrali, l-arranġamenti għall-finanzjament għal SGD għandhom ikunu konformi mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju stabbilita fit-Trattat, u b’mod partikolari mal-projbizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali li jipprovdu faċilitajiet ta’ self kurrenti jew kull tip ta’ faċilità ta’ kreditu oħra skont it-tifsira tal-Artikolu 123 tat-Trattat, kif definita aktar permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni u l-gwida stabbilita tal-BĊE (30).

10.

Il-BĊE jifhem illi qed jiġi kkunsidrat jekk il-proposta oriġinali li jiġu imposti limiti fir-rigward tal-ammont akkumulat ta’ depożiti u investimenti ta’ SGD relatat ma’ korp wieħed (31) tistax tiġi rtirata. Il-BĊE jikkunsidra li kwalunkwe limiti potenzjali tal-investiment iridu jiġu vvalutati, inter alia, fil-kuntest tal-impatt illi jistgħu jkollhom fuq swieq għall-istrumenti tal-klassijiet tal-assi speċifiċi. F’dan ir-rigward, kunsiderazzjonijiet speċifiċi jistgħu japplikaw f’dak li jirrigwarda investimenti tas-SGD fi strumenti maħruġin minn entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri.

11.

Finalment, il-BĊE jappoġġja minn perspettiva ta’ integrazzjoni finanzjarja d-dispożizzjoni tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva li taħtha istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jibqgħux membru ta’ skema u jingħaqdu ma’ skema oħra għandhom ikollhom l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-aħħar sitt xhur irrimborżati jew ittrasferiti lill-iskema l-ġdida (32). Din id-dispożizzjoni tista’ tiffaċilita r-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu transkonfinali. Madankollu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż potenzjali, l-arranġament għandu jkun limitat għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet imħallsin lill-iskema l-ġdida (bl-esklużjoni tal-possibbiltà tar-rimborż) u m’għandux jinkludi kontribuzzjonijiet straordinarji mħallsin sabiex ikopru r-riżorsi insuffiċjenti tal-SGD oriġinali (33).

Superviżjoni

12.

Il-BĊE jilqa’ l-fatt illi s-superviżjoni ta’ SGDi minn Stati Membri ser titqawwa permezz ta’ stress tests u li dawn ser ikunu suġġetti għal analiżi esperti li jsiru mill-ABE u mill-Forum Ewropew tal-Assiguraturi tad-Depożiti (34). Il-fatt illi l-ABE ser tirċievi informazzjoni mill-SGDi u l-awtoritajiet kompetenti, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ SGDi u self transkonfinali bejn SGDi, jista’ jgħin biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi u jindirizza ftit mit-tħassib diskuss aktar ’il fuq b’rabta ma’ tali arranġamenti ta’ self transkonfinali.

Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tiġi emendata, qed jiġu stabbiliti għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 368 finali.

(2)  KUMM(2010) 371 finali.

(3)  Opinjoni tal-BĊE CON/2008/70 dwar emendi lid-Direttiva dwar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u d-dewmien tal-ħlas (ĠU C 314, 9.12.2008, p. 1).

(4)  ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5. Il-proposti ta’ emendar, li dwarhom saru kummenti f’Opinjoni CON/2008/70 ġew adottati bħala Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimborż (ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3).

(5)  Ara “The Eurosystem’s stance on the Commission’s consultation document on the review of Directive 94/19/EC on deposit-guarantee schemes”, Awwissu 2009 (minn hawn ’il quddiem ‘il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009’), disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(6)  Ara pġ. 4 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(7)  Ara pġ. 12 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(8)  Ara pġ. 7 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(9)  Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill “Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal (tad-)Depożiti” tat-12.7.2010, KUMM(2010) 369 finali, pġ. 4.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ċentrali Ewropew, ‘Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet fis-Settur Finanzjarju’ tal-20.10.2010, KUMM(2010) 579 finali (minn hawn “il quddiem il-‘Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet”), Taqsima 5.2, pġ. 15; ara ukoll l-aħħar sentenza ta' premessa 22 dwar il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u Taqsima 7.4, pġ. 8 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(11)  ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22

(12)  Ara l-Artikolu 3(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(13)  Ara BCBS, “Core Principles for Effective Deposit Insurance Systems. A proposed methodology for compliance assessment”, dokument konsultattiv tal-25 ta’ Novembru 2010, maħruġ għall-kummenti sat-8 ta’ Diċembru 2010 (minn hawn ’il quddiem, id-“Dokument Konsultattiv tal-BCBS”, pġ. 15 (“Principle 8 — Compulsory membership”), disponibbli fil-websajt tal-BCBS fuq http://www.bis.org

(14)  Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1), u Artikolu 2(1)(h) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva; ara wkoll Taqsima 7.4, pġ. 7 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva; ara wkoll premessa 16 tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u Taqsima 7.5, pġ. 8 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(15)  Ara l-emenda 2 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(16)  Ara l-punti 3 u 4 ta’ Anness 1 għal Direttiva 94/19/KE.

(17)  Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(18)  Ara l-Artikolu 10 ta’ Direttiva 94/19/KE, kif emendata mill-Artikolu 1(6)(a) flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/14/KE.

(19)  Ara l-emenda 3 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(20)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 14.

(21)  Ara l-emenda 1 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(22)  Artikolu 2(1)(ċ) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(23)  Ara l-Artikolu 11 u l-Annessi I u II tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(24)  Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (Ġunju 2009), “Possible Models for risk-based contributions to EU Deposit Guarantee Schemes”.

(25)  Ara l-emenda 4 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(26)  Ara l-Artikolu 9(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(27)  Ara l-Artikolu 10(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(28)  Ara l-Artikolu 10(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(29)  Ara d-Dokunment Konsultattiv tal-BCBS, pġ. 33.

(30)  Ara pġ. 11 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(31)  Artikolu 9(2) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(32)  Ara l-Artikolu 12(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(33)  Ara l-emenda 5 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(34)  Ara l-Artikolu 3(6) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emendi proposti mill-BĊE għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni)

Emenda 1

Artikolu 2(1)(h) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“(h)

‘livell fil-mira’ tfisser 1,5 % tad-depożiti eleġibbli għal kopertura li tkun responsabbli għalihom Skema ta' Garanzija tad-Depożiti;”

“(h)

‘livell fil-mira’ tfisser 1,5 % tad-depożiti koperti li l-kopertura tagħhom tkun responsabbli għaliha Skema ta' Garanzija tad-Depożiti;”

Spjegazzjoni

Il-livell ta’ finanzjament ex ante għandu jkun iddefinit b’referenza għal “depożiti koperti”, jiġifieri depożiti eliġibbli li ma jeċċedux il-livell ta’ kopertura, billi d-depożiti koperti jirriflettu l-livell ta’ obbligazzjonijiet tas-SGD b’mod aktar preċiż mid-depożiti eliġibbli.

Emenda 2

Artikolu 4(1)(j) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“(j)

depożiti mill-awtoritajiet,”

“(j)

depożiti mill-awtoritajiet tal-gvern u tal-amministrazzjoni ċentrali, u awtoritajiet provinċjali, reġjonali, lokali u muniċipali,”

Spjegazzjoni

L-esklużjoni tad-depożiti ta’ awtoritajiet pubbliċi għandha tkun ifformulata billi jintuża l-lingwaġġ aktar preċiż, oriġinarjament użat f’dan ir-rigward fid-Direttiva 94/19/KE.

Emenda 3

Artikolu 7(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“1.   L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu lura depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien 7 ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(i) jew li fiha awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(ii).”

“1.   L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu lura depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(i) jew li fiha awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(ii).

Sa [l-1 ta’ April 2012], il-Kummissjoni għandha tissotometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport, ibbażat fuq konsultazzjoni: (a) li tirrevedi l-implimentazzjoni tat-tnaqqis fil-perjodu tar-rikumpens għal 20 jum ta’ xogħol; u (b) abbażi tar-riżultati ta’ tali reviżjoni, tevalwa l-fattibilità ta’ kwalunkwe tnaqqis addizzjonali jew tnaqqis fil-perjodu tar-rikumpens.

Spjegazzjoni

Il-kisba tat-tnaqqis propost għal 7 ijiem jista’ jkun diffiċli peress illi għandu jiddaħħal ftit wara t-tnaqqis oriġinali għal 20 jum ta’ xogħol, li għalih l-iskadenza għall-implimentazzjoni kienet it-tmiem tal-2010. Il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva għandha tipprevedi illi l-Kummissjoni tanalizza l-implimentazzjoni tat-tnaqqis oriġinali għal 20 jum ta’ xogħol u tipproponi l-perjodu ta’ żmien għat-tnaqqis addizzjonali jew it-tnaqqis fil-perjodu ta’ rikumpens, abbażi tar-riżultati ta’ tali analiżi.

Emenda 4

Artikolu 11(3) sa (5) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti msemmija fl-Artikolu 1(2).

4.   Sabiex ikunu żgurati elementi speċifiċi tad-definizzjonijiet u l-metodi skont l-Anness II Parti A, qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni. Dawn l-abbozzi ta’ standards regolatorji għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 7 sa 7d ta’ [ir-Regolament ABE]. L-Awtorità Bankarja Ewropea tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji biex tissottomettihom lill-Kummissjoni.

5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Anness II Parti B skont [l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-ABE].”

“3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti msemmija fl-Artikolu 1(3).

4.   Setgħat qed jiġu ddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards regolatorji tekniċi li jispeċifikaw id-definizzjonijiet u l-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi ewlenin tar-riskju skont l-Anness II Parti A, . Dawn l-istandards regolatorji tekniċi għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

B’mod partikolari l-Kummissjoni għandha tikkunsidra illi l-metodi tal-kalkolu għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju għandhom ikunu bbażati fuq dejta empirika vverifikata u għandhom jippromwovu t-trattament ugwali.

5.   Sal-[31 ta’ Diċembru 2011], l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-indikaturi supplimentari tar-riskju taħt l-Anness II Parti B skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

Spjegazzjoni

Il-metodu tal-kalkolu propost għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju lil SGD huwa s-suġġett ta’ dibattitu. L-assenjazzjoni lill-ABE tal-iżvilupp ta’ linji gwida u standards tekniċi f’dan ir-rigward għandu jippermetti li jiġi elaborat metodu adegwat, ibbażat fuq dejta teknika vverifikata, filwaqt li jippromwovi t-trattament ugwali.

Emenda 5

Artikolu 12(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“3.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ skema u tingħaqad ma’ skema oħra, il-kontribuzzjonijiet imħallsin matul is-6 xhur li jippreċedu l-irtirar tas-sħubija għandhom ikunu rimborżati jew ittrasferiti lill-iskema l-oħra. Dan m’għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn skema skont l-Artikolu 3(3).”

“3.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ skema u tingħaqad ma’ skema oħra, il-kontribuzzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe kontribuzzjonijiet straordinarji msemmijin fl-Artikolu 9(3), li kienu mħallsin matul is-6 xhur li jippreċedu l-irtirar tas-sħubija għandhom ikunu ttrasferiti lill-iskema l-oħra. Dan m’għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn skema skont l-Artikolu 3(3).”

Spjegazzjoni

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż potenzjali, it-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet lil skema ġdida m’għandux jirrigwarda kontribuzzjonijiet straordinarji mħallsin sabiex ikopru r-riżorsi insuffiċjenti tal-SGD oriġinali, filwaqt li r-rimborż tal-kontribuzzjonijiet imħallsin għandu jiġi eskluż.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


Fuq