EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0017

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Marzu 2011 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CON/2011/17)

ĠU C 91, 23.3.2011, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 91/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Marzu 2011

dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

(CON/2011/17)

2011/C 91/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-13 ta’ Ottubru 2010 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost tinkludi dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija mingħajr xkiel ta’ politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan ewlieni tar-regolament propost, li huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju għall-Unjoni li jkopri l-bejgħ bin-nieqes u prattiki ekwivalenti bbażati fuq l-użu ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDSs). Il-BĊE jinnota li r-regolament propost jinkorpora ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru fil-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010 għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-bejgħ bin-nieqes (2). Il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010 rrikonoxxiet li l-bejgħ bin-nieqes jista’, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jikkontribwixxi għal prezzar effiċjenti ta’ strumenti nnegozjati u għaż-żamma ta’ likwidità fis-suq; madankollu, indikat ukoll tħassib dwar ir-riskji assoċjati mal-bejgħ bin-nieqes, bħar-riskju ta’ żviluppi diżordinati fis-suq, abbuż tas-suq u nuqqas ta’ saldu (3). Il-BĊE ġeneralment jappoġġja r-reġim regolatorju tal-Unjoni mfassal biex jiġi indirizzat dan it-tħassib, li jikkonsisti fir-regolament propost u l-emendi għad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (4) li bħalissa qegħdin jiġu kkunsidrati (5). Tali reġim uniformi tal-Unjoni huwa neċessarju għall-integrazzjoni tas-suq finanzjarju fl-Unjoni, waqt li għandu jrawwem ukoll konverġenza mar-regoli adottati f’ċentri finanzjarji ewlenin oħrajn, bħall-Istati Uniti (6). Il-BĊE ser jagħmel kummenti dettaljati dwar l-emendi għad-Direttiva 2003/6/KE meta jiġi kkonsultat dwarhom fil-ħin propizju.

2.

B’mod konformi mal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010 (7), il-BĊE jilqa’: (a) ir-reġim ta’ trasparenza għall-bejgħ bin-nieqes ta’ ishma skont il-mudell fuq żewġ livelli oriġinarjament irrikkmandat mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (8); u (b) l-iżvelar obbligatorju lil awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-pożizzjonijiet netti sinifikanti bin-nieqes relatati ma’ emittenti ta’ dejn sovran fl-Unjoni jew ta’ pożizzjonijiet ekwivalenti mhux koperti fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (9). Il-BĊE jappoġġja rekwiżiti li jindirizzaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ saldu kkawżati minn bejgħ bin-nieqes mhux kopert (10), skont liema l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi m’għandhomx jitħallew jidħlu għal bejgħ bin-nieqes ħlief jekk ikunu ssellfu sehem jew strument ta’ dejn barrani, ikunu daħlu fi ftehim biex jissellfu, jew ikunu kapaċi jissellfu fil-ħin tas-saldu fuq il-bażi ta’ arranġament ikkonfermat. Barra min dan il-BĊE jilqa’ l-proposti li taħthom: (a) l-awtoritajiet kompetenti ser jingħataw poteri armonizzati biex jimponu restrizzjonijiet temporanji fuq bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet CDS f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, taħt il-koordinazzjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) (11); u (b) poteri ta’ intervent speċifiċi ser jingħataw lill-AETS stess, fejn ikun hemm theddida għall-iffunzjonar b’ordni u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (12).

3.

Il-BĊE jinnota li bosta inizjattivi regolatorji tal-Unjoni, inkluż ir-regolament propost dwar l-ikklerjar minn kontroparti ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (13) kif ukoll ir-reviżjoni tad-Direttiva 2004/39/KE dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (‘MiFID’) (14), għandhom l-għan li jżidu r-rekwiżiti ta’ żvelar fir-rigward tad-diversi tipi ta’ assi u entitajiet li jirrapportaw. Il-BĊE jilqa’ din id-direzzjoni ġenerali, kemm-il darba tingħata attenzjoni b’reqqa sabiex tiġi żgurata konsistenza u jiġu evitati sovrapożizzjonijiet jew diskrepanzi. L-Eurosistema għandha interess qawwi f’dan il-qasam li huwa bbażat fuq il-funzjonijiet statistiċi u ta’ stabbiltà finanzjarja tagħha u ser issegwi l-progress ta’ din il-ħidma b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Ambitu

4.

Il-BĊE jirrikkmanda (15) li l-istrumenti ta’ dejn barrani koperti mir-regolament propost jiġu ddefiniti bħala dawk li jinħarġu jew jiġu ggarantiti mill-entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku tal-Istati Membri jew tal-Unjoni, fejn id-definizzjoni applikabbli tas-“settur pubbliku” għandha tkun dik diġà preżenti fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (16). Tali teknika leġiżlattiva jkollha l-benefiċċju li teskludi kwalunkwe distakki mhux intenzjonati, waqt li jiġi żgurat ukoll li l-istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-banek ċentrali tas-SEBĊ bħala parti mill-implimentazzjoni tal-politika monetarja ma jiġux ikklassifikati bħala strumenti ta’ dejn barrani, li jmur kontra l-projbizzjoni tal-finanzjament tas-settur pubbliku li tinsab fl-Artikolu 123 tat-Trattat.

5.

Ċerti attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq u attivitajiet tas-suq primarju huma eżenti mir-reġim ta’ trasparenza u interventi regolatorji previst mir-regolament propost (17). Din l-eżenzjoni hija ġġustifikata peress illi, inter alia, il-funzjonament bla xkiel ta’ attivitajiet li jiġġeneraw is-suq huwa kruċjali għal hafna klassijiet ta’ assi, inkluż strumenti ta’ dejn maħruġin mill-entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku tal-Istati Membri, biex jibqgħu likwidi u disponibbli bħala kollateral f’operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-banek ċentrali. Mill-banda l-oħra, abbużi potenzjali tal-eżenzjoni tal-ġenerazzjoni tas-suq għandhom jiġu evitati, partikolarment billi jiġi żgurat li n-negozju proprjetarju ta’ ġeneratur tas-suq ma jibbenefikax minn din l-eżenzjoni (18). Il-BĊE jirrikkomanda (19) li jiġu ddelegati poteri lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi rilevanti, fuq il-bażi ta’ proposta mill-AETS li jibbilanżaw adegwatament il-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar ‘il fuq. Tali standards tekniċi jistgħu jikkunsidraw: (a) karatteristiċi dettaljati tal-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni; (b) proċeduri ta’ rapportaġġ sabiex tiġi żvelata l-attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq lill-awtoritajiet kompetenti; u (ċ) strutturi ta’ portafoll u proċeduri ta’ kontabilità li għandhom jintużaw minn ġeneraturi tas-suq bil-għan li jiġi identifikat b’mod ċar il-karattru ta’ tranżazzjoni jew bħala ġenerazzjoni ta’ suq jew bħala tip ta’ tranżazzjoni oħra, u li jeskludi li t-tranżazzjonijiet jerġgħu jiddaħħlu fil-kontijiet mingħajr notifika lill-awtorità kompetenti.

6.

Eżenzjoni oħra mir-reġim regolatorju stabbilita taħt ir-regolament propost tirrigwarda attivitajiet li jappoġġjaw l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet matul l-offerta ta’ titoli għal perjodu ta’ żmien limitat jekk jaqgħu taħt pressjoni ta’ bejgħ (20). Kif ġie nnotat fil-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010 (21), il-BĊE jaqbel mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskemi ta’ stabbilizzazzjoni huma, bħall-ġenerazzjoni tas-suq, attivitajiet leġittimi li huma importanti għall-funzjonament tajjeb ta’ swieq primarji (22). Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-eżenzjoni relatata ma’ miżuri ta’ stabbilizzazzjoni fil-kuntest tar-reġim ta’ bejgħ bin-nieqes hija ddefinita fir-regolament propost permezz ta’ referenza għad-definizzjoni użata fir-reġim tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq (23). Fl-istess ħin, il-BĊE jirrikkmanda (24) li jiġu ddelegati poteri lill-Kummissjoni sabiex tadotta, fuq il-bażi ta’ proposta mill-AETS, l-istandards ta’ implimentazzjoni teknika li jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-eżenzjoni għal miżuri ta’ stabbilizzazzjoni taħt ir-reġim ta’ bejgħ bin-nieqes. Tali standards tekniċi għandhom jikkumplimentaw l-istandards tekniċi żviluppati fir-rigward tal-eżenzjoni għal miżuri ta’ stabbilizzazzjoni taħt ir-reġim ta’ abbuż tas-suq (25). Żewġ settijiet separati ta’ standards tekniċi implimentatorji huma mixtieqa sabiex jiġu indirizzati l-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ sitwazzjonijiet; din hija wkoll kwistjoni ta’ teknika leġiżlattiva tajba.

Standards ta’ rapportaġġ u ta’ żvelar pubbliku

7.

Taħt ir-regolament propost, huma ddelegati poteri lill-Kummissjoni sabiex tadotta, fuq il-bażi ta’ proposta mill-AETS: (a) standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jaqbżu l-livell limitu ta’ rapportaġġ speċifikat (26); u (b) standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-mezzi li bihom tingħata informazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta’ pożizzjonijiet netti bin-nieqes li jaqbżu l-limitu minimu ta’ żvelar pubbliku speċifikat (27). Il-BĊE jirrakkomanda (28) li tiġi speċifikata d-delegazzjoni leġiżlattiva lill-Kummissjoni fis-sens li l-formats użati għall-finijiet ta’ rapportaġġ u żvelar pubbliku f’tali każijiet għandhom jippermettu konsolidazzjoni u evalwazzjoni f’waqthom madwar l-Unjoni kollha ta’ pożizzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes li jaffettwaw lil emittenti speċifiċi. Il-konsistenza tal-formats tar-rapportaġġ ser tkun kruċjali biex tiġi żgurata risposta effettiva għal taqlib potenzjali fis-suq mill-AETS u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll, f’relazzjoni mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, mis-SEBĊ u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).

8.

Rigward il-kwistjoni speċifika ta’ obbligi ta’ żvelar pubbliku imposti fuq entitajiet involuti f’bejgħ bin-nieqes (29), il-BĊE jifhem li r-regolament propost jipprevedi li tali żvelar għandu jsir bl-użu ta’ mekkaniżmi maħtura uffiċjalment għaż-żamma ċentrali ta’ informazzjoni rregolata, imdaħħla bħala parti mir-reġim ta’ trasparenza tal-Unjoni għat-titoli (30). Fil-prinċipju, il-BĊE jappoġġja dan il-metodu ta’ żvelar, waqt li jirrikkmanda (31) li għandu jkun ibbażat fuq rapportaġġ interattiv, li juża formats ta’ dejta standard, sabiex jippermetti konsolidazzjoni effiċjenti u aċċess flessibbli għal informazzjoni madwar l-Unjoni kollha fuq bażi integrata. Pereżempju, l-informazzjoni kollha żvelata għandha tkun disponibbli mill-AETS permezz ta’ aċċess ċentralizzat lil mekkaniżmi maħtura uffiċjalment. Dan għandu jirrifletti l-implikazzjonijiet transkonfinali ta’ riskji ġġenerati minn bejgħ bin-nieqes u l-irwol ta’ koordinazzjoni previst għall-AETS taħt ir-regolament propost.

Skambju ta’ informazzjoni

9.1.

Ir-regolament propost jistabbilixxi arranġamenti għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-AETS fir-rigward ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti rrapportati lil dawk l-awtoritajiet kompetenti. Il-BĊE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin f’dan ir-rigward (32).

9.2.

Fl-ewwel lok, bħala minimu, il-proċeduri proposti għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom isiru aktar effiċjenti, b’mod partikolari billi jippermettu lill-AETS tagħmel rikjesti għal skambju ta’ informazzjoni dak il-ħin stess meta dan ikun meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv. Fuq medda ta’ żmien itwal, l-AETS għandha tikseb aċċess awtomatiku għal kull informazzjoni rrapportata taħt ir-regolament propost. Għaldaqstant, il-BĊE jirrikkmanda li l-AETS tibda ħidma fuq l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ċentralizzati tal-Unjoni għall-ġbir ta’ informazzjoni li japplikaw identifikatur komuni ta’ entitajiet li jirrapportaw u tassonomija minima komuni; dawn il-mekkaniżmi għandhom jippermettu aċċess flessibbli ta’ dak il-ħin stess għall-informazzjoni għal skopijiet ta’ politika, waqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-dejta riċevuta. Il-BĊE jikkunsidra li l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmi ċentralizzati għandu jgħin biex jingħelbu l-limiti inerenti fl-użu ta’ ġabriet ta’ mikrodejta mhux koordinati u għandu jippermetti wkoll li l-informazzjoni miġbura taħt ir-regolament propost tintuża b’konnessjoni ma’ settijiet ta’ dejta oħrajn li jkunu disponibbli, sabiex b’hekk jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-entitajiet li jirrapportaw u l-awtoritajiet pubbliċi (33).

9.3.

Fit-tieni lok, ir-regolament propost għandu jipprovdi wkoll espressament għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-banek ċentrali tas-SEBĊ sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-funzjonijiet tas-SEBĊ rigward il-ġbir ta’ dejta statistika (34) u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja (35).

9.4.

Fit-tielet lok, ir-regolament propost għandu jipprovdi għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-BERS, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ informazzjoni mill-BERS għat-twettiq tal-kompiti tiegħu u sabiex jiġu identifikati u prijoritizzati r-riskji sistemiċi li jistgħu jirriżultaw minn żviluppi fis-sistema finanzjarja (36).

Poteri ta’ intervent

10.

Ir-regolament propost jippermetti l-konsultazzjoni opzjonali mill-AETS tal-BERS fir-rigward ta’ miżuri imposti f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali mill-AETS bil-għan li jiġu indirizzati l-effetti negattivi ta’ bejgħ bin-nieqes (37). Il-BĊE jirrikkmanda (38) li l-AETS għandha jkollha wkoll id-dritt li tikkonsulta lill-BERS meta tiġi nnotifikata dwar miżuri mdaħħla mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Limiti taż-żmien xierqa jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiżguraw it-tmexxija effiċjenti ta’ konsultazzjonijiet tal-BERS (39). Il-BĊE jinnota illi l-konsultazzjoni tal-BERS b’rabta ma’ miżuri ta' intervent mwettqa taħt ir-reġim tal-Unjoni dwar il-bejgħ bin-nieqes għandha tippermetti li tiġi inkorporata b’mod xieraq il-perspettiva makroprudenzjali fl-interventi kkontemplati. Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), inkluża l-AETS, għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-BERS u jipprovdulu l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu b’mod regolari u fil-ħin (40), waqt li l-BERS jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mill-ASE (41). Dispożizzjonijiet li jipprevedu l-konsultazzjoni tal-BERS mill-AETS fuq interventi kkontemplati ta’ bejgħ bin-nieqes għandhom jippermettu lill-BERS, fl-ewwel lok, li jagħmel evalwazzjoni infurmata u fil-ħin jekk talba għal aktar informazzjoni tkun meħtieġa f’sitwazzjoni speċifika minħabba r-riskji sistemiċi potenzjali, u, fit-tieni lok, biex jiġu fformulati tali rikjesti, jekk ikun hemm, b’mod prammatiku u konsistenti.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, proposti speċifiċi ta’ abbozzar huma ppreżentati fl-Anness flimkien ma’ nota spjegattiva f’dan is-sens.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 482 finali.

(2)  Ara “Commission public consultation on short selling — Eurosystem reply”, 5 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010”), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(3)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010, risposta għad-domanda 1, pġ. 2.

(4)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(5)  Ara l-Kummissjoni, “Konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq”, 25 ta’ Ġunju 2010, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fuq http://www.ec.europa.eu

(6)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010, risposta għad-domanda 3, p. 4.

(7)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010, l-aħħar paragrafu tas-sezzjoni introduttorja, p. 2, u r-risposti għad-domandi 4-5 u d-domanda 6, p. 4 sa 5.

(8)  Huwa meħtieġ li jiġu żvelati l-pożizzjonijiet netti bin-nieqes lir-regolaturi u lis-suq f’żewġ livelli limitu differenti, bil-livell ta’ żvelar lir-regolaturi jkun l-aktar baxx mit-tnejn (ara l-Artikoli 5 u 7 tar-regolament propost).

(9)  Ara l-Artikolu 8 tar-regolament propost.

(10)  Ara l-Artikoli 12-13 tar-regolament propost.

(11)  Ara l-Artikoli 16-23 tar-regolament propost.

(12)  Ara l-Artikoli 24 tar-regolament propost.

(13)  Proposta għal regolament dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet, KUMM(010) 484 finali.

(14)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(15)  Ara l-emenda proposta 5 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(16)  Ara l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat; (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).

(17)  Ara l-Artikolu 15 tar-regolament propost.

(18)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010, tweġibiet għal mistoqsijiet 7 sa 9, p. 5-7; ara ukoll premessa 19 għar-regolament propost.

(19)  Ara l-emenda proposta 8 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(20)  Ara l-Artikolu 15(4) tar-regolament propost, flimkien mal-premessa 11 tiegħu u l-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (ĠU L 336, 23.12.2003, p. 33).

(21)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2010, risposti għad-domandi 7 sa 9, l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu , p. 6.

(22)  Ara l-memordandum ta’ spjegazzjoni għar-regolament propost, l-aħħar sentenza tal-paragrafu 3.3.4.

(23)  Jiġifieri ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni KE) Nru 2273/2003.

(24)  Ara l-emenda proposta 9 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(25)  Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/6/KE, kif imdaħħal bl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120).

(26)  Ara l-Artikolu 9(5) tar-regolament propost.

(27)  Ara l-Artikolu 9(6) tar-regolament propost.

(28)  Ara l-emendi proposti 2 (premessa) u 6 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(29)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.

(30)  Ara l-Artikolu 9(4) tar-regolament propost, flimkien mal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(31)  Ara l-emendi proposti 1 (premessa) u 6 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(32)  Ara l-emendi proposti 3 (premessa) u 7 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(33)  L-inizjattivi relevanti ta’ armonizzazzjoni jinkludu: (i) il-qafas komuni għal reġistri tan-negozju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 (ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6); (ii) il-ħidma tal-Kummissjoni li tinsab għaddejja dwar reġistri tan-negozju (ara l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, “L-interkonnessjoni ta’ reġistri tan-negozju” (KUMM(2009) 614 finali); u (iii) l-istabbiliment ta’ reġistri ta’ atturi finanzjarji pprovduti f’emendi għad-direttivi relevanti mdaħħla mill-Artikoli 2(1)(b), 4(1)(a), 6(1) u (16), u 9(3) tad-Direttiva 2010/78/UE u inkluża l-lista ta’ konglomerati finanzjarji identifikati, ir-reġistru ta’ istituzzjonijiet għal provvediment ta’ rtirar mix-xogħol, ir-reġistru ta’ kumpaniji ta’ investiment, il-lista ta’ swieq irregolati u l-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati, rispettivament. Barra minn hekk, bażijiet ta’ dejta dwar titoli jinkludu, b’mod partikolari: (i) lista ta’ strumenti finanzjarji pprovduti fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta’ Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta’ investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1); u (ii) il-Bażi ta’ Dejta Ċentralizzata dwar it-Titoli tal-BĊE (ara BĊE, “The ‘Centralised Securities Database’ in brief”, Frar 2010, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE).

(34)  Ara l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem, l-“Istatut tas-SEBĊ”).

(35)  Ara l-Artikolu 127(5) flimkien mal-Artikolu 139(2)(c) tat-Trattat u l-Artikolu 3.3 flimkien mal-Artikolu 42.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(36)  Ara l-Artikolu 3(2)(b) flimkien mal-Artikolu 3(1), l-ewwel sentenza tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(37)  Ara l-Artikolu 24(4) tar-regolament propost.

(38)  Ara l-emendi proposti 4 (premessa) u 10 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(39)  Ara l-emendi proposti 10 u 11 fl-Anness għal din l-opinjoni.

(40)  Ara l-Artikolu 15(2) flimkien mal-Artikolu 36(2) tar-regolamenti li jistabbilixxu l-ASE, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48); u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(41)  Ara l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 6 tar-regolament propost

“(6)

Trasparenza msaħħa li għandha x’taqsam ma' pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fi strumenti finanzjarji speċifiċi x’aktarx tkun ta’ benefiċċju kemm għar-regolatur kif ukoll għall-parteċipanti fis-suq. Għal ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għandu jiddaħħal mudell fuq żewġ saffi li jipprovdi għal trasparenza akbar ta' pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell xieraq. F’livell limitu aktar baxx, in-notifika ta’ pożizzjoni għandha ssir privatement lir-regolaturi konċernati biex tippermettilhom jimmonitorjaw u, fejn meħtieġ, jinvestigaw il-bejgħ bin-nieqes li jista' joħloq riskji sistemiċi jew ikun abbużiv; f’livell limitu ogħla, il-pożizzjonijiet għandhom jiġu ddivulgati pubblikament lis-suq sabiex tiġi pprovduta informazzjoni utli lil parteċipanti oħra fis-suq dwar pożizzjonijiet individwali sinifikanti ta’ bejgħ bin-nieqes f'ishma.”

“(6)

Trasparenza msaħħa li għandha x’taqsam ma' pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fi strumenti finanzjarji speċifiċi x’aktarx tkun ta’ benefiċċju kemm għar-regolatur kif ukoll għall-parteċipanti fis-suq. Għal ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għandu jiddaħħal mudell fuq żewġ saffi li jipprovdi għal trasparenza akbar ta' pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell xieraq. F’livell limitu aktar baxx, in-notifika ta’ pożizzjoni għandha ssir privatement lir-regolaturi konċernati biex tippermettilhom jimmonitorjaw u, fejn meħtieġ, jinvestigaw il-bejgħ bin-nieqes li jista' joħloq riskji sistemiċi jew ikun abbużiv; f’livell limitu ogħla, il-pożizzjonijiet għandhom jiġu ddivulgati pubblikament lis-suq, bl-użu ta’ mekkaniżmu maħtur uffiċjalment, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni utli lil parteċipanti oħra fis-suq dwar pożizzjonijiet individwali sinifikanti ta’ bejgħ bin-nieqes f'ishma.”

Spjegazzjoni

L-iżvelar permezz ta’ mekkaniżmu maħtur uffiċjalment jikkontribwixxi bl-aħjar mod għall-konsolidazzjoni fil-ħin ta’ dejta żvelata fuq bejgħ bin-nieqes. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda 6, inkwantu temenda l-Artikolu 9(4) tar-regolament propost.

Emenda 2

Premessa 14a tar-regolament propost (ġdida)

[Ebda test]

14a

Il-formats użati għall-finijiet ta’ rapportaġġ u żvelar pubbliku għandhom jippermettu konsolidazzjoni u evalwazzjoni fil-ħin madwar l-UE kollha ta’ pożizzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes li jaffettwaw lil emittenti speċifiċi. Il-konsistenza tal-istandards tar-rapportaġġ u tal-iżvelar hija wkoll kruċjali sabiex tiġi żgurata risposta effettiva għal taqlib potenzjali fis-suq.

Spjegazzjoni

Il-konsistenza tal-formats tar-rapportaġġ hija kruċjali sabiex tiġi żgurata risposta effettiva għal taqlib potenzjali fis-suq mill-AETS u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll, fir-rigward tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, mis-SEBĊ u l-BERS. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda 5, inkwantu temenda l-Artikolu 9(5) u (6) tar-regolament propost.

Emenda 3

Premessa 15a tar-regolament propost (ġdida)

[Ebda test.]

15a.

L-iskambju ta’ informazzjoni dak il-ħin stess bejn awtoritajiet kompetenti u l-AETS dwar pożizzjonijiet bin-nieqes jista’ jkun neċessarju biex jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-kompiti tal-AETS. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-banek ċentrali tas-SEBĊ għandu jiffaċilita t-twettiq tal-funzjoni tal-bank ċentrali ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-istabilità finanzjarja. Finalment, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-BERS għandu jiffaċilita t-twettiq mill-BERS tal-kompitu tiegħu li jidentifika u jipprijoritizza riskji sistemiċi li jistgħu jirriżultaw minn żviluppi fi ħdan is-sistema finanzjarja.

Spjegazzjoni

Din il-premessa l-ġdida tirreferi għall-arranġamenti aktar wesgħin ta’ skambju ta’ informazzjoni li għandhom jiddaħħlu bejn l-AETS u l-banek ċentrali tas-SEBĊ, u bejn l-AETS u l-BERS. Din l-emenda hija marbuta mal-Emenda 7.

Emenda 4

Premessa 27 tar-regolament propost

“(27)

Is-setgħat ta' intervent tal-awtoritajiet kompetenti u l-AETS biex jirristrinġu l-bejgħ bin-nieqes, is-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu u tranżazzjonijiet oħra għandhom ikunu ta' natura temporanja biss u għandhom jiġu eżerċitati biss għal dan il-perjodu u sa fejn neċessarju sabiex tiġi indirizzata t-theddida speċifika.”

“(27)

Is-setgħat ta' intervent tal-awtoritajiet kompetenti u l-AETS biex jirristrinġu l-bejgħ bin-nieqes, is-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu u tranżazzjonijiet oħra għandhom ikunu ta' natura temporanja biss u għandhom jiġu eżerċitati biss għal dan il-perjodu u sa fejn neċessarju sabiex tiġi indirizzata t-theddida speċifika. Il-konsultazzjoni tal-BERS mill-AETS qabel ma’ din tal-aħħar teżerċita l-poteri tagħha stess jew qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha fuq tali miżuri li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti għandha tippermetti inkorporazzjoni xierqa tal-perspettiva makroprudenzjali fl-interventi kkontemplati.

Spjegazzjoni

Din il-premessa l-ġdida tirreferi għall-ambitu aktar wiesgħa li huwa neċessarju għall-konsultazzjoni tal-BERS dwar il-miżuri ta’ intervent ikkontemplati mibdija mill-AETS jew mill-awtoritajiet kompetenti. Din l-emenda hija marbuta mal-emendi 10 u 11.

Emenda 5

Artikolu 2(1)(i) tar-regolament propost

“(i)

‘dejn sovran maħruġ’ tfisser:

(i)

fir-rigward ta’ Stat Membru, il-valur totali ta’ dejn sovran maħruġ mill-Istat Membru jew kwalunkwe ministeru, dipartiment, bank ċentrali, aġenzija jew mezz strumentali tal-Istat Membru li ma ġiex mifdi;

(ii)

fir-rigward tal-Unjoni, il-valur totali ta’ dejn sovran maħruġ mill-Unjoni li ma ġiex mifdi;”

“(i)

‘dejn sovran maħruġ’ tfisser:

(i)

fir-rigward ta’ Stat Membru, il-valur totali ta’ dejn sovran maħruġ jew iggarantit mill-entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku tal-Istat Membru li ma ġiex mifdi;

(ii)

fir-rigward tal-Unjoni, il-valur totali ta’ dejn maħruġ jew iggarantit mill-entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku tal-Unjoni li ma ġiex mifdi,

fejn ‘settur pubbliku’ għandu jiġi ddefinit b’mod konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 3603/93;”

Spjegazzjoni

L-istrumenti ta’ dejn sovran koperti mir-regolament propost għandhom jiġu ddefiniti b’mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni sekondarja eżistenti tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 3603/93. Tali teknika leġiżlattiva jkollha l-benefiċċju li teskludi kwalunkwe distakk mhux intenzjonat, waqt li tiżgura wkoll li l-istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-banek ċentrali tas-SEBĊ bħala parti mill-implimentazzjoni tal-politika monetarja ma jiġux ikklassifikati bħala strumenti ta’ dejn barrani, li jmur kontra l-projbizzjoni tal-bank ċentrali li jiġi ffinanzjat is-settur pubbliku kif stabbilit fl-Artikolu 123 tat-Trattat.

Emenda 6

Artikolu 9, paragrafi 4 sa 6 tar-regolament propost

“4.   Id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni stipulata fl-Artikolu 7 għandha ssir b’mod li tiżgura aċċess mgħaġġel għall-informazzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-emittent tal-ishma msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

5.   Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata setgħat sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tal-paragrafu 1.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli [7 sa 7d] tar-Regolament (UE) Nru …/…. [ir-Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

6.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4, qed jiġu kkonferiti setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi implimentatorji li jispeċifikaw il-mezzi li bihom l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-pubbliku.

L-istandards tekniċi implimentatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu [7e] tar-Regolament (UE) Nru …/…. [ir-Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

“4.   Id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni stipulata fl-Artikolu 7 għandha ssir b’mod li tiżgura aċċess mgħaġġel għall-informazzjoni mogħtija f’formats ta’ dejta standard fuq bażi mhux diskriminatorja. , bl-użu tal-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-emittent tal-ishma msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-informazzjoni kollha żvelata għandha tkun disponibbli pubblikament ukoll permezz ta’ aċċess ċentralizzat għal mekkaniżmi maħtura uffiċjalment stabbiliti mill-AETS.

5.   Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata setgħat sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-fiinijiet tal-paragrafu 1.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ħtieġa li jitħallew isiru konsolidazzjoni u evalwazzjoni effiċjenti madwar l-UE kollha ta’ pożizzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes li jaffettwaw lil emittenti speċifiċi.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

6.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4, qed jiġu kkonferiti setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi implimentatorji li jispeċifikaw il-mezzi li bihom l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ħtieġa li jitħallew isiru konsolidazzjoni u evalwazzjoni f’waqthom madwar l-UE kollha ta’ pożizzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes li jaffettwaw lil emittenti speċifiċi.

L-istandards tekniċi implimentatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

Spjegazzjoni

Il-konsistenza tal-formats tar-rapportaġġ u żvelar hija kruċjali sabiex tiġi żgurata risposta effettiva għal taqlib potenzjali fis-suq mill-AETS u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll, fir-rigward tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, mill-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Din l-emenda hija marbuta mal-emendi 1 u 2 (premessi).

Emenda 7

Artikolu 11 tar-regolament propost

“Artikolu 11

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma sommarja lill-AETS fuq bażi trimestrali dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti lil għandhom x'jaqsmu ma' ishma jew dejn sovran, u pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x'jaqsmu ma' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu, li għalihom tkun l-awtorità kompetenti rilevanti u li tirċievi notifiki skont Artikoli 5 sa 8.

2.   L-AETS tista’ titlob fi kwalunkwe waqt, sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, fi kwalunkwe ħin, informazzjoni addizzjonali minn awtorità kompetenti rilevanti ta’ Stat Membru dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jkollhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran jew pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x’jaqsmu ma' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu.

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-AETS mhux iżjed tard minn sebat ijiem kalendarji.”

“Artikolu 11

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma sommarja lill-AETS fuq bażi trimestrali dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti lil għandhom x'jaqsmu ma' ishma jew dejn sovran, u pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x'jaqsmu ma' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu, li għalihom tkun l-awtorità kompetenti rilevanti u li tirċievi notifiki skont Artikoli 5 sa 8.

2.   L-AETS tista’ titlob fi kwalunkwe waqt, sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, fi kwalunkwe ħin, li awtorità kompetenti rilevanti ta’ Stat Membru tiskambja mal-AETS fuq bażi ta’ dak il-ħin stess l-informazzjoni li jkollha dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jkollhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran jew pożizzjonijiet skoperti li jkollhom x’jaqsmu ma' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu.

L-awtorità kompetenti għandha tikkonforma ma’ tali rikjesti mill-AETS .

3.   L-AETS tista’ tiskambja l-informazzjoni li tkun irċeviet b’mod konformi mal-paragrafi 1 u 2 mal-membri tas-SEBĊ u mal-BERS, jekk meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

4.   Sal-[31 ta’ Diċembru 2011]] l-AETS għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport li jirrevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċentralizzati tal-Unjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni rrapportata taħt dan ir-regolament, li japplikaw identifikatur komuni ta’ entitajiet li jirrapportaw u tassonomija komuni minima; dawn il-mekkaniżmi għandhom jippermettu aċċess flessibbli ta’ dak il-ħin stess għall-informazzjoni għal skopijiet ta’ politika, waqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-dejta riċevuta. Fuq il-bażi tal-eżitu ta’ tali rapport, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti xierqa.

Spjegazzjoni

Il-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jippermettu skambju ta’ informazzjoni dak il-ħin stess meta dan ikun meħtieġ sabiex l-AETS tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv. Fuq medda ta' żmien aktar fit-tul, l-AETS għandha tikseb aċċess awtomatiku għal kull informazzjoni rrapportata taħt ir-regolament propost. F’dan ir-rigward, għandha tinbeda ħidma sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ ġbir ta’ informazzjoni ċentralizzati tal-Unjoni. Dawk il-mekkaniżmi ċentralizzati għandhom jgħinu sabiex jingħelbu l-limiti interenti fl-użu ta’ ġabriet ta’ mikrodejta mhux koordinati u għandhom jippermettu wkoll li l-informazzjoni miġbura taħt ir-regolament propost tintuża b’konnessjoni ma’ settijiet ta’ dejta oħrajn li jkunu disponibbli, sabiex b’hekk jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-entitajiet li jirrapportaw u għall-awtoritajiet pubbliċi.

Barra minn hekk, għandu jiġi pprovdut espressament l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-banek ċentrali tas-SEBĊ. Dan għandu jiffaċilita t-twettiq tal-funzjonijiet tal-banek ċentrali li jikkonsistu fil-ġbir ta’ dejta statistika u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-BERS għandu jiġi pprovdut ukoll sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompitu tal-BERS li tidentifika u tipprijoritizza riskji sistemiċi fi ħdan is-sistema finanzjarja. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda 3 (premessa).

Emenda 8

Artikolu 15(12) tar-regolament propost (ġdid)

[Ebda test.]

12.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, qegħdin jingħataw poteri lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw: (a) karatteristiċi dettaljati tal-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq li jibbenefikaw mill-eżenzjoni; (b) proċeduri ta’ rapportaġġ biex tiġi żvelata l-attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq lill-awtoritajiet kompetenti; u (ċ) strutturi ta’ portafoll u proċeduri ta’ kontabilità li għandhom jintużaw minn ġeneraturi tas-suq bil-għan li jiġi identifikat b’mod ċar il-karattru ta’ tranżazzjoni jew bħala ġenerazzjoni ta’ suq jew bħala tip ta’ tranżazzjoni oħra, u li jeskludi li t-tranżazzjonijiet jerġgħu jiddaħħlu fil-kontijiet mingħajr notifika lill-awtorità kompetenti.

L-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

Spjegazzjoni

Ċerti attivitajiet speċifikati ta’ ġenerazzjoni tas-suq u attivitajiet tas-suq ewlieni huma eżenti mir-reġim ta’ trasparenza u ta’ interventi regolatorji previst taħt ir-regolament propost. Abbużi potenzjali ta’ din l-eżenzjoni għandhom jiġu evitati; b’mod partikolari, in-negozju proprjetarju ta’ ġeneratur tas-suq m’għandux jibbenefika minnha. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-istandards tekniċi regolatorji relevanti.

Emenda 9

Artikolu 15(13) tar-regolament propost (ġdid)

[Ebda test.]

13.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4, qed jingħataw poteri lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi implimentatorji li jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-eżenzjoni għall-iskemi ta’ stabbilizzazzjoni taħt ir-reġim ta’ bejgħ bin-nieqes. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel ta’ attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq, filwaqt li jimpedixxu abbuż possibbli tal-eżenzjoni tal-ġenerazzjoni tas-suq.

L-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2011].

Spjegazzjoni

L-eżenzjoni relatata ma’ arranġamenti ta’ stabbilizzazzjoni fil-kuntest tar-reġim tal-bejgħ bin-nieqes hija ddefinita permezz ta’ referenza għad-definizzjoni użata fir-reġim tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tadotta standards tekniċi implimentatorji mmirati speċifikament lejn l-applikazzjoni uniformi ta’ din l-eżenzjoni taħt ir-reġim tal-bejgħ bin-nieqes. Żewġ settijiet separati ta’ standards tekniċi implimentatorji (taħt ir-reġimi ta’ bejgħ bin-nieqes u ta’ abbuż tas-suq) huma preferibbli sabiex jiġu indirizzati l-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ sitwazzjonijiet; din hija wkoll kwistjoni ta’ teknika leġiżlattiva tajba.

Emenda 10

Artikolu 23(2a) tar-regolament propost (ġdid)

[Ebda test.]

2a.   Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew li ġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS tista’ tikkonsulta mal-BERS. L-AETS tista’ tiffissa skadenza biex tintbagħat risposta għall-konsultazzjoni tagħha, li ma tistax tkun iqsar minn 12-il siegħa.

Spjegazzjoni

Il-konsultazzjoni tal-BERS fuq miżuri ta’ intervent mwettqa taħt ir-reġim tal-Unjoni ta’ bejgħ bin-nieqes tista’ tippermetti inkorporazzjoni xierqa tal-perspettiva makroprudenzjali fl-interventi kkontemplati. Barra minn hekk, tali konsultazzjoni għandha tippermetti lill-BERS, fl-ewwel lok, li tagħmel evalwazzjoni infurmata u f’waqtha jekk tkun meħtieġa talba għal aktar informazzjoni f’sitwazzjoni speċifika fid-dawl tar-riskji sistemiċi potenzjali, u, fit-tieni lok, sabiex tali talbiet jiġu fformulati b’mod prammatiku u konsistenti. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda 4 (premessa) u l-emenda 11.

Emenda 11

Artikolu 24(4) tar-regolament propost

“4.   Qabel ma tiddieċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tikkonsulta, fejn xieraq, lill-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku u awtoritajiet rilevanti oħra.”

“4.   Qabel ma tiddieċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tikkonsulta, fejn xieraq, lill-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku u awtoritajiet rilevanti oħra. L-AETS tista’ tiffissa skadenza sa meta għandha tintbagħat risposta għall-konsultazzjoni tagħha, li ma tistax tkun iqsar minn 24 siegħa.

Spjegazzjoni

Il-konsultazzjoni mal-BERS dwar miżuri imposti f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali mill-AETS tista’ tippermetti l-inkorporazzjoni xierqa tal-perspettiva makroprudenzjali fl-interventi kkontemplati. Barra minn hekk, tali konsultazzjoni għandha tippermetti lill-BERS, fl-ewwel lok, biex tagħmel evalwazzjoni infurmata u f’waqtha jekk tkun meħtieġa talba għal aktar informazzjoni f’sitwazzjoni speċifika fid-dawl tar-riskji sistemiċi potenzjali, u, fit-tieni lok, sabiex tali talbiet jiġu fformulati b’mod prammatiku u konsistenti. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda 4 (premessa) u l-emenda 10.


(1)  L-użu ta’ tipa skura fit-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. Test maqtugħ jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar it-test.

(2)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.”

(3)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.”


Fuq