EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52014AB0003

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Jannar 2014 dwar proposta għal regolament dwar il-posponiment tad-data tal-migrazzjoni lejn is-SEPA (CON/2014/3)

ĠU C 80, 19.3.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Jannar 2014

dwar proposta għal regolament dwar il-posponiment tad-data tal-migrazzjoni lejn is-SEPA

(CON/2014/3)

2014/C 80/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-14 ta’ Jannar 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE sabiex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, b’mod partikolari b’konnessjoni mal-kompitu bażiku tal-Eurosistema taħt l-Artikolu 127(2) tat-Trattat li jippromwovi l-operat bla xkiel ta’ sistemi ta’ pagament. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta‘ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Skop u kontenut tar-regolament propost

Fid-9 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-regolament propost, li għandu jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bl-introduzzjoni ta’ perjodu tranżitorju addizzjonali ta’ sitt xhur. Taħt ir-regolament propost, “klawsola ta’ anterjorità” tippermetti li l-banek u l-fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament jipproċessaw il-ħlasijiet li mhumiex konformi mar-Regolament (UE) Nru 260/2012 sal-1 ta’ Awwissu 2014, biex jiżguraw li l-parteċipanti tas-suq li ma jikkonformawx mar-Regolament (UE) Nru 260/2012 sa Frar 2014 jistgħu jkomplu jagħmlu ħlasijiet u jevitaw kull inkonvenjenza għall-konsumaturi.

1.    Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Immedjatament wara l-pubblikazzjoni tar-regolament propost, l-Eurosistema rrikonoxxiet fi stqarrija (3) l-isforzi tal-migrazzjoni b’saħħithom u ta’ suċċess li twettqu mill-partijiet interessati fiż-żona tal-euro. L-istqarrija semmiet li l-iktar informazzjoni riċenti mill-kommunitajiet nazzjonali taż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA) tissuġġerixxi li r-ritmu tal-migrazzjoni huwa għoli u mgħaġġel, li jindika li l-maġġoranza vasta tal-partijiet interessati ser ilestu l-migrazzjoni fil-ħin.

1.2.

Ir-regolament propost wassal għal konfużjoni fis-swieq dwar l-iskadenza għall-migrazzjoni u għalhekk hemm bżonn urġenti għal gwida ċara. Tħassib ulterjuri huwa n-nuqqas ta’ ċertezza legali fil-każ li r-regolament propost huwa adottat biss wara l-iskadenza attwali, jiġifieri l-1 ta’ Frar 2014. Dan it-tħassib se jkun parzjalment indirizzat mill-applikazzjoni retroattiva proposta tar-regolament propost, jiġifieri mill-31 ta’ Jannar 2014. Kemm jista’ jkun, għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn matul iż-żmien fejn tapplika l-iskadenza attwali għall-migrazzjoni sakemm jiġi adottat ir-regolament propost, is-swieq ikunu inċerti fir-rigward tal-adozzjoni tar-regolament propost.

1.3.

Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li tiġi introdotta mill-ġdid iċ-ċertezza legali, titnaqqas il-konfużjoni fis-swieq u tingħatalhom gwida ċara dwar l-iskadenza. Dawn l-oġġettivi jistgħu jiġu żgurati l-aħjar permezz ta’ adozzjoni mgħaġġla tar-regolament propost mill-Kunsill u mill-Parlament, mingħajr alterazzjonijiet ulterjuri fl-elementi ewlenin tiegħu.

2.    Osservazzjonijiet speċifiċi

Bil-ħsieb tal-oġġettivi imsennija aktar 'il fuq, u sal-punt li tippermetti l-proċedura leġiżlattiva rapida, il-BĊE jipproponi bidliet li għandhom l-għan li (a) jikkjarifikaw l-iskop tar-regolament propost (l-introduzzjoni ta’ perjodu tranżitorju addizzjonali, permezz ta’ deroga) u l-ġustifikazzjoni tiegħu (huwa improbabbli li l-migrazzjoni lejn is-SEPA titlesta kollha sal-1 ta’ Frar 2014); (b) it-terminoloġija tar-regolament propost tiġi allinjata ma’ dik tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, u (ċ) jiġi żgurat li l-effett tal-perjodu tranżitorju fuq l-impożizzjoni tal-penalitajiet jiġi ċċarat.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu stipulati fl-Anness proposti speċifiċi tal-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 937 final.

(2)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(3)  Stqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Jannar 2014. Disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 6

“(6)

Mill-1 ta’ Frar 2014, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti se jkollhom jirrifjutaw li jaċċettaw l-ipproċessar ta' trasferimenti ta' kreditu jew debiti diretti li mhumiex konformi mas-SEPA minħabba l-obbligi ġuridiċi tagħhom, għalkemm, hekk kif attwalment huwa diġà l-każ, huma teknikament jistgħu jipproċessaw dawn il-pagamenti billi jkomplu jużaw skemi ta’ pagamenti antiki eżistenti flimkien ma’ SCT u SDD. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT u SDD, ma jistgħux jiġu esklużi inċidenti li jinvolvu pagamenti li jwasslu għal dewmien f’dawn il-pagamenti. L-utenti kollha ta’ servizzi ta’ pagament u partikolarment l-SMEs u l-konsumaturi jistgħu jkunu affettwati.”

“(6)

Mill-1 ta’ Frar 2014, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti se jkollhom jirrifjutaw li jaċċettaw l-ipproċessar ta' trasferimenti ta' kreditu jew debiti diretti li mhumiex konformi mas-SEPA minħabba l-obbligi ġuridiċi tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, għalkemm, hekk kif attwalment huwa diġà l-każ, huma teknikament jistgħu jipproċessaw dawn il-pagamenti billi jkomplu jużaw skemi ta’ pagamenti antiki eżistenti flimkien ma’ SCT u SDD. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT u SDD, ma jistgħux jiġu esklużi inċidenti li jinvolvu pagamenti li jwasslu għal dewmien f’dawn il-pagamenti. L-utenti kollha ta’ servizzi ta’ pagament u partikolarment l-SMEs u l-konsumaturi jistgħu jkunu affettwati.”

Spjegazzjoni

It-terminu “obbligi ġuridiċi” huwa wieħed vag u għandha ssir referenza għar-Regolament (UE) Nru 260/2012.

Emenda 2

Premessa 7

“(7)

Huwa essenzjali li jiġi evitat tfixkil żejjed ta’ pagamenti li jirriżulta mill-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014. (…) Għalhekk għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ tali pproċessar parallel ta’ pagamenti f’formati differenti. (…) Matul il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għall-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx.”

“(7)

Huwa essenzjali li jiġi evitat tfixkil żejjed ta’ pagamenti li jirriżulta mill-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx li hija improbabbli li tkun kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014. (…..) Għalhekk għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju addizzjonali li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ tali pproċessar parallel ta’ pagamenti f’formati differenti. (…) Għandu jiġi kkjarifikat b’mod ċar illi M matul il-perjodu tranżitorju addizzjonali, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għall-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx.”

Spjegazzjoni

Il-frażi “il-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014” hija kontradetta mill-premessa 5 li taqra “huwa għalhekk improbabbli ħafna li l-parteċipanti kollha tas-suq se jkunu konformi mas-SEPA sal-1 ta’ Frar 2014”. Iż-żewġ premessi għandhom jiġu ssimplifikati. Barra minn dan, it-terminoloġija “perjodu tranżitorju addizzjonali” għandha tiġi applikata b'mod konsistenti. Finalment, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-penalitajiet matul u bħala riżultat tal-perjodu tranżitorju addizzjonali trid tiġi ddikjarata bħala fatt.

Emenda 3

Artikolu 1(1)

“1.   Minkejja l-Artikolu 6(1) u (2), il-PSPs jistgħu jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, jipproċessaw tranżazzjonjiet ta’ pagamenti f’euro f’formati li huma differenti minn dawk meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu SEPA u għad-debiti diretti SEPA.”

“1.   Minkejja Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), il-PSPs jistgħu jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, jipproċessaw tranżazzjonjiet ta’ pagamenti f’euro f’formati antiki li huma differenti minn dawk meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu SEPA u għad-debiti diretti SEPA taħt dan ir-Regolament.”

Spjegazzjoni

It-terminu “permezz ta’ deroga” huwa meħud mit-test attwali tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 u huwa legalment preċiż. It-terminu “trasferimenti ta’ kreditu SEPA” u “debiti diretti SEPA” mhumiex iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 260/2012. Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, l-iskop ta’ din id-deroga irid ikun ċar.

Emenda 4

Artikolu 1(1), it-tieni paragrafu

“L-Istati Membri japplikaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), stabbiliti skont l-Artikolu 11, biss mit-2 ta’ Awwissu 2014.”

“L-Istati Membri japplikaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), stabbiliti skont l-Artikolu 11, biss mit-2 ta’ Awwissu 2014u fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta' pagamenti mibdija nhar jew wara t-2 ta' Awwissu 2014 biss.”

Spjegazzjoni

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, irid jiġi ċċarat illi l-penalitajiet għa tranżazzjonijiet ipproċessati matul il-perjodu tranżizzjonali addizzjonali huma esklużi.

Emenda 5

Artikolu 1(1), it-tielet paragrafu

“B’deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, iħallu lill-PSPs biex jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għall-pagamenti nazzjonali, li jippermettu lill-PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. (…)”

“B’deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, iħallu lill-PSPs biex jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għall għat-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti nazzjonali, li jippermettu lill-PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. (…)”

Spjegazzjoni

Allinjament mat-terminoloġija tar-Regolament (UE) Nru 260/2012.


(1)  It-tipa skura fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


Fuq