EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32002X0125(01)

Ftehim bejn l-uffiċċju tal-pulizija Ewropea (EUROPOL) u l-bank ċentrali ewropew (BĊE) (2002/K 23/07)

ĠU C 23, 25.1.2002, p. 9–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Kapitolu 01 Volum 003 P. 413 - 415
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Kapitolu 10 Volum 005 P. 91 - 93
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Kapitolu 10 Volum 005 P. 91 - 93
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 9 - 11

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 02/12/2014; Imħassar b' 32015Y0417(01)

32002X0125(01)



Official Journal C 023 , 25/01/2002 P. 0009 - 0011


Ftehim bejn l-uffiċċju tal-pulizija Ewropea (EUROPOL) u l-bank ċentrali ewropew (BĊE)

(2002/K 23/07)

DAN IL-FTEHIM huwa magħmul

BEJN

l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Europol), bis-sede tiegħu f'Raamweg 47, 2509 The Hague, l-Olanda, rappreżentat mid-Direttur tiegħu, is-Sur Jürgen Storbeck

U

l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bis-sede tiegħu f'Kaiserstraße 29, D-60311 Frankfurt am Main, rappreżentat mill-President tiegħu, is-Sur Willem Duisenberg

(minn hawn 'il quddiem magħrufa, jekk flimkien, bħala "il-Partijiet" u kull wieħed minnhom, jekk individwalment, bħal "il-Parti").

Billi:

Il-Partijiet bejniethom jaqsmu determinazzjoni konġunta biex ikun miġġieled it-theddid kollu li jkun ġej mill-iffalsifikar ta' l-euro u biex dawn jilagħbu flimkien parti ċentrali f'din il-ġlieda; u f'dan il-kuntest dawn jikkoperaw bejniethom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, mal-banek ċentrali nazzjonali, mal-Unitajiet Nazzjonali ta' l-Europol, maċ-Ċentri Nazzjonali ta' l-Analiżi, maċ-Ċentri Nazzjonali ta' l-Analiżi tal-Muniti, maċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea u ma' l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej oħra, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Partijiet jixtiequ jsaħħu l-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam peress li huwa fl-interess komuni tagħhom u fl-interess tal-parteċipanti kollha li qed jieħdu sehem fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar.

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001, li jwaqqaf il-miżuri meħtieġa għall-ħarsien ta' l-euro kontra l-iffalsifikar [1], jipprovdi li l-Europol u l-BĊE għandhom jidħlu fi ftehim li permezz tiegħu l-Europol ikollha aċċess għat-tagħrif tekniku u ta' statistika miżmum mill-BĊE dwar l-iffalsifikar ta' karti tal-flus u muniti misjuba kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi li mhumiex membri; barra minhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li ma jkunux għadhom adottaw l-euro bħala l-munita waħdanija tagħhom [2].

Il-BĊE fit-8 ta' Novembru 2001 adotta d-Deċiżjoni BĊE/2001/11 fuq ċerti kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-Sistema ta' Sorveljanza ta' l-Iffalsifikar (CMS), li hija s-sistema mmexxija mill-BĊE u li tiġbor fiha t-tagħrif tekniku u statistiku kollu fuq il-karti tal-flus u l-muniti euro li jkunu foloz, kemm jekk dan it-tagħrif ikun ġej mill-Istati Membri jew inkella minn terzi pajjiżi; dik id-Deċiżjoni tirreferi għad-dħul fi ftehim bejn il-Partijiet b'rabta ma' l-aċċess ta' l-Europol għas-CMS.

L-Europol għandha tipprovdi lill-BĊE bl-informazzjoni relatata ma' l-iffalsifikar ta' l-euro, inkluża l-informazzjoni li tkun twasslet mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u minn terzi partijiet oħra, ħlief għal tagħrif personali.

Il-Bord ta' Tmexxija ta' l-Europol awtorizza lill-Europol nhar il-5 ta' Diċembru 2000 biex din tidħol f'negozjati biex jintlaħaq ftehim mal-BĊE, u awtorizza wkoll l-iffirmar ta' dan il-Ftehim fit-23 ta' Ottubru 2001.

Il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE qabel fuq il-kontenut ta' dan il-Ftehim fil-25 ta' Ottubru 2001; f'dik id-data dan awtorizza lill-President tal-BĊE biex jiffirma f'isem il-BĊE,

Il-Partijiet ftiehmu kif ġej:

Artikolu 1

L-Għan tal-Ftehim

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jipprovdi koperazzjoni effettiva bejn il-Partijiet dwar il-miżuri biex ikun miġġieled it-theddid li jkun ġej mill-iffalsifikar ta' l-euro, u biex tissaħħaħ u tkun ikkordinata kull għajnuna ipprovduta f'dan il-qasam miż-żewġ Partijiet lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Konsultazzjoni u kordinazzjoni

1. Il-Partijiet, filwaqt li jaħdmu f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment fuq il-politika li għandha tintuża u titħaddem fuq materji ta' interess komuni kif muri fl-Artikolu 1 biex dawn jilħqu l-għanijiet tagħhom, jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom u jkunu evitati sforzi ripetuti. Il-President tal-BĊE u d-Direttur ta' l-Europol, jew il-persuni maħtura minnhom, għandhom jiltaqgħu minn ta' l-anqas darba fis-sena biex jirrevedu t-tħaddim ta' dan il-Ftehim.

2. B'mod partikolari, il-Partijiet għandhom jikkordinaw il-politika tagħhom, l-attivitajiet ta' taħriġ, il-kampanji ta' informazzjoni pubblika, kif ukoll il-pubblikazzjonijiet dwar l-iffalsifikar ta' l-euro. Kulmeta jkun possibbli, dawn għandhom jikkonsultaw lil xulxin fuq id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom, kif ukoll fuq il-politika ta' komunikazzjoni barranija b'rabta ma' dan.

Artikolu 3

Skambju ta' Tagħrif

1. L-iskambju ta' tagħrif bejn il-Partijiet għandu jsir għall-għan u f'konformità mad-diżposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, u m'għandux jinkludi tagħrif fuq persuna jew persuni magħrufa.

2. Il-Partijiet għandhom jipprovdu wieħed lill-ieħor, malajr kemm jista' jkun u regolarment, it-tagħrif dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus euro u dwar dak ta' muniti oħra. Din l-informazzjoni għandha tkun tinkludi, fil-każ tat-tagħrif li għandu jkun ipprovdut mill-Europol lill-BĊE, dik li tkun ġejja mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali ta' l-infurzar tal-liġi, u fil-każ tat-tagħrif li għandu jingħata mill-BĊE lill-Europol, dak li jkun inkiseb mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali.

3. L-Europol għandha tgħin lill-BĊE f'kull relazzjoni li dan ikollu ma' l-organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali ta' l-infurzar tal-liġi f'materji marbuta ma' l-iffalsifikar tal-karti tal-flus euro.

4. Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-kordinament tal-messaġġi bikrija li jkunu ġejjin mis-sistema tat-twissija.

Artikolu 4

Aċċess għad-database CMS u diżposizzjonijiet relatati

1. Il-BĊE għandu jipprovdi aċċess online, li jkun jinqara biss, għad-database tas-CMS lill-uffiċjali ta' l-Europol li jinħatru bħala l-persuni ta' kuntatt għall-għan taħt l-Artikolu 7. Dan l-aċċess m'għandux iħalli lill-Europol iddaħħal it-tagħrif direttament fis-CMS. Il-mod ta' l-aċċess, inklużi l-arranġamenti meħtieġa marbuta ma' din is-sistema, għandu jkun speċifikat permezz ta' bdil ta' ittri bejn il-President tal-BĊE u d-Direttur ta' l-Europol.

2. Il-BĊE għandu jagħmel fuq bażi regolari fajl speċifiku li fih ikun hemm l-informazzjonui dwar is-sejbiet ta' flus euro foloz li jkunu saru, kif ukoll deskrizzjonijiet tekniċi tal-klassijiet maqbuda u mdaħħla fid-database tas-CMS; dan il-falj għandu jintbagħat lill-Europol.

3. Barra minhekk, l-Europol għandha tkun mgħarrfa mill-ewwel mill-BĊE dwar il-ħolqien ta' kull klassi ġdida ta' iffalsifikar fis-CMS, kif ukoll dwar is-sejba ta' kwantità kbira ta' karti tal-flus euro li jkunu foloz.

4. Il-BĊE għandu jipprovdi lill-Europol b'kampjun ta' kull karta tal-flus euro li tkun falza li tkun ingħatat klassi ġdida u li tkun indikattiva fis-CMS. Din id-diżposizzjoni għandha titħaddem b'tali mod li din tkun tippermetti li l-karti tal-flus li jkunu suspettati li huma foloz ikunu jistgħu jintużaw jew jinżammu bħala prova fi proċeduri kriminali.

Artikolu 5

Talbiet għall-għajnuna

1. B'rabta ma' karti tal-flus euro li jkunu foloz, il-Partijiet għandhom jikkomunikaw bejniethom it-talbiet kollha għad-diżposizzjoni ta' kompetenza teknika jew ta' prova fil-proċeduri ġudizzjali; huma għandhom ukoll jistabbilixxu l-proċeduri xierqa għall-kordinament tat-tweġibiet rispettivi tagħhom għal kull talba li tkun saret.

2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu linja ċara ta' komunikazzjoni għat-talbiet li jkunu saru dwar għajnuna fl-infurzar tal-liġi permezz ta' l-Europol.

Artikolu 6

Talbiet għall-analiżi teknika

1. L-Europol tista' tibgħat lill-BĊE kull talba relevanti għall-analiżi teknika meħtieġa fil-kuntest ta' l-attivitajiet ta' l-Europol li għandhom x'jaqsmu ma' karti tal-flus euro foloz. L-Europol tista' wkoll tiġbor u tgħaddi kull talba li tkun ġejja minn barra l-Europol.

2. Il-BĊE għandu jiddeċiedi fuq l-għan ta' l-analiżi, inkluża l-ħtieġa għall-eżami tekniku ta' kampjuni ta' flus foloz kif ukoll in-natura ta' dan l-eżami. Biex titħaffef din id-deċiżjoni, l-Europol għandha tgħaddi lill-BĊE, meta dan jissottometti t-talba, kull tagħrif xieraq fl-isfond tal-każ kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba għall-eżami. L-eżistenza ta' kull eżami li jkun qed isir għandha tkun murija fis-CMS.

3. Ir-riżultati ta' kull analiżi teknika għandhom ikunu disponibbli direttament mill-BĊE lill-Europol.

Artikolu 7

Persuni ta' kuntatt

1. Il-Partijiet għandhom jaħtru persuni ta' kuntatt permezz ta' bdil ta' ittri bejn id-Direttur ta' l-Europol u l-President tal-BĊE. Jista' jsir ftehim bil-miktub dwar it-tibdil fil-lista tal-persuni ta' kuntatt billi jkun hemm aktar korrispondenza.

2. Biex jitħaddem dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet, f'konformità mal-qafas legali rispettiv tagħhom, jistgħu jaħtru xi rappreżentanti li jkunu bbażati fil-bini tal-Parti l-oħra (uffiċjali ta' kuntatt).

Artikolu 8

Kunfidenzalità

1. Kull Parti għandha tiżgura li t-tagħrif li tirċievi fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim mill-Parti l-oħra ikun soġġett għall-kunfidenzalità u l-istandards ta' sigurtà ta' l-ipproċessar tat-tagħrif. Dan għandu jingħata wkoll livell ta' protezzjoni li jkun minn ta' l-anqas ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni offrut bil-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti l-oħra.

2. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenza bejn il-kunfidenzalità rispettiva tagħhom u l-istandards ta' sigurtà li jintużaw permezz ta' bdil ta' ittri.

3. Il-Parti li tipprovdi t-tagħrif għandha tkun responsabbli għall-għażla tal-livell xieraq ta' kunfidenzalità fuq l-informazzjoni li tingħata u għandha tiżgura li dan il-livell jintwera b'mod ċar. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-livelli ta' kunfidenzalità għandhom jiġu attribwiti minn kull Parti għall-iktar livell baxx possibbli waqt li jiġu emendati kif xieraq meta jkun possibbli.

4. F'kull żmien iż-żewġ Partijiet jistgħu jagħmlu talba biex issir emenda dwar il-livell magħżul ta' kunfidenzalità għat-tagħrif li jingħata, inkluż it-tneħħija possibbli tal-kunfidenzalità. Il-Parti li qed tirċievi għandha tkun obbligata temenda l-livell tal-kunfidenzalità kif suppost.

5. Kull Parti tista', minħabba l-kunfidenzalità, tispeċifika r-restrizzjonijiet fuq l-użu tat-tagħrif li jingħata lill-Parti l-oħra. Il-Parti li qed tirċievi għandha tħares dawn ir-restrizzjonijiet.

Artikolu 9

Responsabbiltà

Jekk bħala riżultat ta' ipproċessar ħażin jew mhux awtorizzat taħt dan il-Ftehim xi waħda mill-Partijiet tikkawża xi ħsara jew danni lill-Parti l-oħra, dik il-Parti għandha tkun responsabbli għal dik il-ħsara. Kif jiġu ddeterminati l-ħsara u l-kumpens li għandu jingħata bejn il-Partijiet taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

Artikolu 10

Is-soluzzjoni tal-kwistjonijiet

Kull kwistjoni li jkun hemm bejn il-Partijiet b'rabta ma' dan il-ftehim jew inkella barra minn dan il-ftehim, u li għaliha ma tkunx instabet soluzzjoni amikevoli, din għandha titressaq għal deċiżjoni aħħarija ta' arbitru wieħed jew aktar, skond kif il-Partijiet jaqblu. Jekk dawn ma jaqblux, għandu jkun hemm tliet (3) arbitri, wieħed maħtur mill-Europol, l-ieħor mill-BĊE u t-tielet, kemm-il darba l-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Vot ta' maġġornaza ta' l-arbitri għandu jkun biżżejjed biex tintlaħaq deċiżjoni aħħarija. It-tielet arbitru għandu jkollu s-setgħa sħiħa li jsolvi il-kwistjonijiet ta' proċedura kollha, f'kull każ fejn il-Partijiet ikunu f'nuqqas ta' ftehim fuq dawn il-kwistjonijiet.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat b'kunsens reċiproku bejn il-Partijiet.

2. Kull parti tista' temm dan il-Ftehim b'avviż minn qabel fi żmien 12-il xahar.

3. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih dan ikun ġie ffirmat.

4. Dan il-Ftehim għandu jiġi ppubblikat fis-serje K tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmul fi Frankfurt am Main fit-13 ta' Diċembru 2001, b'mod duplikat fil-lingwa Ingliża.

Għall-BĊE

Willem F. Duisenberg

Għall-Europol

Jürgen Storbeck

[1] ĠU L 181, 04.07.2001, p. 6.

[2] ĠU L 181, 04.07.2001, p. 11.

--------------------------------------------------

Fuq