Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2016

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Riżultat tar-referendum fuq is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE

Fl-24 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-iżviluppi fis-swieq finanzjarji wara r-riżultat tar-referendum fuq is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE li sar fit-23 ta’ Ġunju. Fi stqarrija għall-istampa li xxandret fl-24 ta’ Ġunju 2016 fil-websajt tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv enfasizza li se jkompli josserva mill-qrib dawn l-iżviluppi u li l-BĊE se jkompli jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.

Operazzjonijiet tas-suq

Standards minimi ta’ żvelar għall-portafolli tal-Eurosistema mhux marbuta mal-politika monetarja

Fl-14 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-iżvelar ta’ tliet settijiet oħra ta’ dejta li għandu l-għan li jkabbar it-trasparenza fir-rigward tal-portafolli mhux marbuta mal-politika monetarja miżmumin minn banek ċentrali tal-Eurosistema. L-Eurosistema se tippubblika, fuq bażi armonizzata, karta tal-bilanċ tal-Eurosistema bi statistika diżaggregata, rapport finanzjarju diżaggregat tal-Eurosistema u l-medja tal-assi finanzjarji netti annwali tal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. Stqarrija għall-istampa relatata ma’ dan, flimkien ma’ nota spjegattiva fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema bi statistika diżaggregata u r-rapport finanzjarju diżaggregat tal-Eurosistema, se jiġu pubblikati fil-websajt tal-BĊE fis-27 ta’ Lulju 2016 meta d-dejta statistika tal-karta tal-bilanċ u tal-assi finanzjarji netti jixxandru għall-ewwel darba. Ir-rapport finanzjarju diżaggregat se jiġi pubblikat għall-ewwel darba fit-2 ta’ Awwissu 2016.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-swieq

Valutazzjoni tat-TARGET2 mal-prinċipji għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji

Fl-24 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rapport li jiżvela l-valutazzjoni proprja tal-BĊE fir-rigward tat-TARGET2 mal-Qafas tal-Iżvelar tal-Kumitat għas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (CPSS-IOSCO), kif mitlub mir-Regolament BĊE/2014/28 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Qafas tal-politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema

Fil-15 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv approva dokument rivedut tal-qafas tal-politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema li jiddeskrivi s-sehem tal-Eurosistema fil-qasam tas-sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas, ikklerjar u saldu u l-istrumenti ta’ ħlas. Id-dokument rivedut iqis l-iżviluppi ewlenin li laqtu l-funzjoni ta’ sorveljanza tal-Eurosistema minn meta xxandret l-aħħar verżjoni fl-2011, b’mod partikolari l-pubblikazzjoni tal-Prinċipji CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (EMIR), l-adozzjoni tar-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR), l-adozzjoni tar-Regolament BĊE/2014/28 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (ir-Regolament SIPS) u l-introduzzjoni tat-TARGET2-Securities. Id-dokument rivedut tal-qafas tal-politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar arranġamenti ta’ kreditu għal konsumaturi relatati ma’ proprjetà immobbli residenzjali fil-Greċja

Fit-28 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/34 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-aċċess għar-reġistru ċentrali ta’ kontijiet bankarji fil-Belġju

Fit-28 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/35 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-metodu u l-proċedura għall-għadd, l-issortjar, l-ippakkjar u t-tikkettar ta’ karti tal-flus u muniti fil-Polonja

Fil-11 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/36 wara talba tal-President ta’ Narodowy Bank Polski.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-esklużjoni ta’ drittijiet ta’ tpaċija fir-rigward ta’ klejms immobilizzati bħala kollateral ma’ bank ċentrali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali fi Franza

Fit-12 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/37 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi ta’ Franza.

Governanza korporattiva

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward ta’ investigazzjonijiet kriminali

Fit-30 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/19 dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-qafas legali u proċedurali li se japplika l-BĊE fir-rigward tal-iżvelar lil awtorità nazzjonali tal-investigazzjoni kriminali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ informazzjoni kunfidenzjali relatata ma’ kompiti superviżorji, politika monetarja u kompiti oħra relatati mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Eurosistema. Id-Deċiżjoni, li ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Eesti Pank

Fl-14 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/20 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Eesti Pank. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Skedi tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-2017 u l-2018

Fil-14 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-iskedi tal-laqgħat tiegħu fl-2017 u l-2018, li ma jdumux ma jiġu pubblikati fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni

Lista ta’ entitajiet taħt superviżjoni fil-31 ta’ Marzu 2016

Fis-27 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal emendi proposti mill-Bord Superviżorju għad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikanza fir-rigward ta’ sitt entitajiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, u ħa nota tat-tibdil fil-lista tal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li huma taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Iż-żewġ listi, aġġornati sal-31 ta’ Marzu 2016, wara ġew pubblikati fil-websajt tal-BĊE skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Qafas dwar il-MSU.

Konformità mal-linjigwida tal-ABE dwar il-limiti fuq l-iskoperturi għal entitajiet tas-settur bankarju parallel (shadow banking)

Fit-8 ta’ Lulju 2016, wara proposta mill-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mal-Linjigwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar il-limiti fuq l-iskoperturi għal entitajiet tas-settur bankarju parallel li jwettqu attivitajiet bankarji ’l barra minn qafas irregolat, skont l-Artikolu 395(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (EBA/GL/2015/20). Il-firxa tal-konformità ma’ dawn il-Linjigwida, li se jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2017, se tixxandar fis-sit elettroniku tal-ABE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja