Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016R1705

    Regolament (UE) 2016/1705 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2016/26)

    ĠU L 257, 23.9.2016, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 25/06/2021; Imħassar b' 32021R0378

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1705/oj

    23.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 257/10


    REGOLAMENT (UE) 2016/1705 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-9 ta' Settembru 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2016/26)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 19.1 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Għall-esklużjoni ta' obbligazzjonijiet interbankarji mill-bażi ta' riżerva, kull tnaqqis standard li għandu jiġi applikat għal obbligazzjonijiet b'maturità sa sentejn fi ħdan il-kategorija ta' titoli ta' dejn għandu jkun ibbażat fuq il-proporzjon makro għaż-żona tal-euro kollha bejn: (a) l-istokk ta' strumenti relevanti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu u miżmuma minn istituzzjonijiet ta' kreditu oħrajn u mill-BĊE u banek ċentrali nazzjonali parteċipenti u (b) l-ammont totali pendenti ta' dawk l-istrumenti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu. Il-metodu għall-applikazzjoni tat-tnaqqis standard stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9) (2) għandu jiġi kkjarifikat aktar.

    (2)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi

    Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) huwa emendat skont kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat skont kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 u 2 huma mibdulin b'dan li ġej:

    “1.   Il-bażi ta' riżerva ta' istituzzjoni għandha tinkludi dawn l-obbligazzjonijiet, kif iddefiniti fil-qafas ta' rapportar tal-BĊE stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/33) (*), li jirriżultaw mill-aċċettazzjoni ta' fondi:

    (a)

    depożiti; u

    (b)

    titoli ta' dejn maħruġa.

    Jekk istituzzjoni jkollha obbligazzjonijiet b'rabta ma' fergħa tal-istess entità, jew b'rabta mal-uffiċċju prinċipali jew uffiċċju rreġistrat tal-istess entità, li jkunu jinsabu barra Stati Membri parteċipenti, hija għandha tinkludi dawk l-obbligazzjonijiet fil-bażi ta' riżerva.

    2.   L-obbligazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-bażi ta' riżerva:

    (a)

    obbligazzjonijiet dovuti lil xi istituzzjoni oħra mhux inklużi fuq il-lista ta' istituzzjonijiet eżenti mir-rekwiżiti tal-BĊE dwar riżervi minimi skont l-Artikolu 2(3); u

    (b)

    obbligazzjonijiet dovuti lill-BĊE jew lil BĊN parteċipanti.

    (*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).”;"

    (b)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a.   Għall-kategorija ta' obbligazzjonijiet “depożiti” msemmija fil- punt (a) tal-paragrafu 1, l-esklużjoni, kif imsemmija fil-paragrafu 2, għandha ssir bil-mod li ġej: l-istituzzjoni għandha tagħti prova lill-BĊN parteċipanti relevanti tal-ammont ta' obbligazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, u l-ammont li tiegħu tingħata prova għandu jitnaqqas mill-bażi ta' riżerva.

    Għall-kategorija ta' obbligazzjonijiet “titoli ta' dejn maħruġa” msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-esklużjoni, kif imsemmija fil-paragrafu 2, għandha ssir billi jitnaqqas ammont mill-bażi ta' riżerva bil-mod li ġej:

    (a)

    l-istituzzjoni għandha tagħti prova lill-BĊN parteċipanti relevanti tal-ammont ta' obbligazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, u l-ammont li tiegħu tingħata prova għandu jitnaqqas mill-bażi ta' riżerva;

    (b)

    meta l-istituzzjoni ma tkunx kapaċi tagħti prova lill-BĊN parteċipanti relevanti tal-ammont ta' obbligazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, l-istituzzjoni għandha tapplika t-tnaqqis standard ippubblikat fuq il-websajt tal-BĊE għall-ammont pendenti tat-titoli ta' dejn li tkun ħarġet u li jkollhom maturità oriġinali sa sentejn inklużivament.”,

    (2)

    Fir-Regolament kollu, il-kliem “dwar flus u statistika bankarja”, “ta' flus u ta' statistiċi bankarji”, “għall-flus u għall-statisitċi bankarji”, “dwar il-flus u tal-istatistiċi bankarji” u “tal-flus u tal-istatistiċi bankarji” huma mħassra (**).

    Artikolu 2

    Dispożizzjonijiet finali

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-14 ta' Diċembru 2016.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10).

    (**)  Dan it-test partikolari japplika biss għall-verżjoni Maltija.


    Fuq